Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, is-27 ta' Novembru 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-Istati Uniti biex terġa' tibni l-fiduċja fil-flussi ta’ dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti

Illum il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet l-azzjonijiet li jridu jittieħdu sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fil-flussi ta’ dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti, wara li tħassib serju dwar rivelazzjonijiet ta' programmi ta' ġbir ta' intelliġenza fuq skala kbira mill-Istati Uniti kellu impatt negattiv fuq ir-relazzjoni transatlantika. Ir-reazzjoni tal-lum tal-Kummissjoni tieħu s-sura ta' (1) dokument ta' strateġija (Komunikazzjoni) dwar il-flussi ta' dejta transatlantiċi li tfisser l-isfidi u r-riskji wara r-rivelazzjonijiet dwar programmi Amerikani ta' ġbir ta' intelliġenza, kif ukoll il-passi li jridu jittieħdu biex jiġu indirizzati dawn il-preokkupazzjonijiet; (2) analiżi tal-funzjonament tas-"Port Salv" li jirregola t-trasferimenti ta' dejta għal skopijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti; kif ukoll (3) rapport dwar dak li sab il-Grupp ta' Ħidma UE-US (ara MEMO/13/1059) dwar il-Protezzjoni tad-Dejta li kien ġie stabbilit f'Lulju 2013. Barra minn dan, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda wkoll tippreżenta l-analiżi tagħha tal-ftehimiet eżistenti dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) (ara MEMO/13/1054) kif ukoll tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) li jirregolaw l-iskambji ta' dejta f'dawn is-setturi għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi (ara MEMO/13/1164)

"Mhux aċċettabbli l-ispjunar massiv fuq iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-mexxejja tagħna. Iċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku jridu jkollhom l-assigurazzjoni li d-dejta tagħhom hija protetta u l-kumpaniji għandhom bżonn ikunu jafu li l-ftehimiet eżistenti qed jiġu rispettati u infurzati. Illum, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tistabbilixxi azzjonijiet li jgħinu biex terġa’ tiġi akkwistata l-fiduċja u tissaħħaħ il-protezzjoni tad-dejta fir-relazzjonijiet transatlantiċi," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. “Jeżisti bħalissa mument ta' opportunità biex terġa' tinbena mill-ġdid il-fiduċja, u nistennew li sħabna l-Amerikani dan jużawh, speċjalment billi jaħdmu b'determinazzjoni lejn il-konklużjoni malajr tan-negozjati dwar ftehim “umbrella” bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-dejta. Ftehim bħal dan irid ikun wieħed li jagħti liċ-ċittadini Ewropej drittijiet konkreti u infurzabbli, speċjalment id-dritt għal rimedju ġudizzjarju fl-Istati Uniti kull meta d-dejta personali tagħhom tkun qiegħda tiġi pproċessata fl-Istati Uniti."

“‘Il-każ ta' Snowden immina l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej, u għad hemm preokkupazzjonijiet serji wara l-allegazzjonijiet ta’ aċċess mifrux għal dejta personali minn aġenżiji tal-intelliġenza tal-Istati Uniti. Illum, qed nippreżentaw aġenda ċara dwar kif jistgħu l-Istati Uniti jaħdmu mal-Unjoni Ewropea biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja, u biex iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea ikunu jistgħu jserrħu rashom li d-dejta tagħhom ser tiġi protetta. Kulħadd, mill-utenti tal-internet sal-awtoritajiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku għandhom għax jibbenefikaw mill-kooperazzjoni, abbażi ta' salvagwardji legali qawwija u ta' fiduċja li dawn is-salvagwardji jiġu rispettati "qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni.

Ir-rivelazzjonijiet ta' dan l-aħħar dwar programmi ta’ ġbir ta’ intelliġenza mill-Istati Uniti affettwaw b’mod negattiv il-fiduċja li fuqha din il-kooperazzjoni hija bbażata. Sabiex tinżamm il-kontinwità tal-flussi ta’ dejta bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, jeħtieġ li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta. Il-Kummissjoni llum qiegħda tappella għal azzjoni f’sitt oqsma:

  • Adozzjoni malajr tar-riforma tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE: il-qafas leġiżlattiv qawwi, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea f'Jannar 2012 (IP/12/46), b'regoli ċari li huma infurzabbli anki f'sitwazzjonijiet meta d-dejta tiġi trasferita u pproċessata barra mill-pajjiż, hija neċssarja aktar minn qatt qabel. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom għalhekk ikomplu jirsistu dwar l-adozzjoni tar-riforma tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE sar-rebbiegħa tal-2014, biex jaraw li d-dejta personali tiġi protetta b'mod effettiv u komprensiv (ara MEMO/13/923).

  • Il-Port Salv jsir aktar sikur: il-Kummissjoni llum għamlet 13-il rakkomandazzjoni għat-titjib tal-funzjonament tal-iskema tal-Port Salv, wara li analiżi li wkoll ġiet ippubblikata llum sabet li l-funzjonament tal-iskema għandu nuqqasijiet f'diversi aspetti. Sas-sajf tal-2014 għandhom jiġu identifikati r-rimedji. Il-Kummissjoni imbagħad tagħmel analiżi tal-funzjonament tal-iskema abbażi tal-implimentazzjoni ta' dawn it-13-il rakkomandazzjoni.

  • It-tisħiħ tas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-infurzar tal-liġi: in-negozjati preżenti dwar "ftehim umbrella" (IP/10/1661) għat-trasferimenti u l-ipproċessar tad-dejta fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja għandhom jiġu konklużi bla dewmien. Il-ftehim irid jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għaċ-ċittadini li għandhom jibbenefikaw mill-istess drittijiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. B’mod partikolari, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea mhux residenti fl-Istati Uniti għandhom jibbenefikaw minn mekkaniżmi ta’ rimedju ġudizzjarju.

  • L-użu tal-Assistenza Legali Reċiproka eżistenti u tal-ftehimiet settorjali biex tinkiseb id-dejta: L-amministrazzjoni tal-Istati Uniti għandha timpenja ruħha li, bħala prinċipju ġenerali, tagħmel użu minn qafas legali bħal dak tal-assistenza legali reċiproka u tal-ftehimiet settorjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati bħal ma huma l-ftehim dwar Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri u dwar il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu kull meta jkun meħtieġ it-trasferiment ta’ dejta għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi. Il-ġbir ta' informazzjoni direttament mill-kumpaniji għandu jkun possibbli biss taħt sitwazzjonijiet definiti b'mod ċar, eċċezzjonali u li jistgħu jiġu mistħarrġa b’mod ġudizzjarju.

  • L-indirizzar tal-preokkupazzjonijiet Ewropej fil-proċess ta' riforma li għaddej fl-Istati Uniti: Il-President Obama tal-Istati Uniti ħabbar rieżami tal-attivitajiet tas-sigurtà nazzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Uniti. Dan il-proċess għandu wkoll ikun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE. Il-bidliet l-iktar importanti għandhom ikunu dak li s-salvagwardji disponibbli għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti jiġu estiżi liċ-ċittadini tal-UE li mhumiex residenti fl-Istati Uniti, li jkun hemm aktar trasparenza kif ukoll li ssir superviżjoni aħjar.

  • Il-promozzjoni internazzjonali tal-istandards ta' privatezza: L-Istati Uniti għandhom jaderixxu għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi għar-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta Personali ("il-Konvenzjoni 108"), hekk kif kienet aderit mal-Konvenzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċiberkriminalità.

Il-Kummissjoni wkoll tagħmilha ċara li l-istandards tal-protezzjoni tad-dejta mhux se jkunu parti min-negozjati li għaddejjin dwar Sħubija Transatlantika ta’ Kummerċ u Investiment.

Ir-reazzjoni tal-lum tal-Kummissjoni tibni fuq is-sejbiet tal-grupp ta' ħidma bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-dejta, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-ftehimiet eżistenti għall-iskambju tad-dejta, kif ukoll fuq id-djalogu kontinwu fil-livell politiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, notevolment il-laqgħat ministerjali tal-ġustizzja u l-intern bejn iż-żewġ naħat f'Ġunju (ara SPEECH/13/536) u Novembru (MEMO/13/1003). Wara l-laqgħa ministerjali tal-ġimgħa l-oħra f'Washington, fejn l-UE kienet rappreżentata mill-Viċi President Viviane Reding u mill-Kummissarju Cecilia Malmström, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ħarġu dikjarazzjoni konġunta (MEMO/13/1010) li fiha rriaffermaw ir-rieda taż-żewġ naħat li jirsistu lejn il-bini mill-ġdid tal-fiduċja, inkluż fi kwistjonijiet li jolqtu l-protezzjoni tad-dejta, u li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tal-ġustizzja u l-intern.

L-isfond

Bħalissa l-UE qed issaħħaħ ir-regoli tagħha dwar il-protezzjoni tad-dejta. Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea (IP/12/46 u IP/13/57) dan l-aħħar ingħataw appoġġ mill-Parlament Ewropew. Il-vot, li sar fil-21 ta' Ottubru 2013, ta lill-Parlament Ewropew mandat biex jinnegozja mat-tieni kamra tal-leġiżlatura tal-UE, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-kapijiet tal-istat u tal-gvern Ewropej saħqu wkoll fuq l-importanza tal-adozzjoni "fil-ħin" tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-protezzjoni tad-dejta waqt summit fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2013. Il-Kummissjoni tixtieq li tikkonkludi n-negozjati sar-rebbiegħa tal-2014.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti bħalissa qed jinnegozjaw ftehim qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja (“il-ftehim umbrella”). In-negozjati tnedew fit-28 ta' Marzu 2011 u, wara aktar minn 15-il sessjoni ta' negozjar, għadhom għaddejja.

L-iskambju tad-dejta personali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, inklużi l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja, huwa regolat minn għadd ta’ ftehimiet fil-livell tal-UE. Dawn huma l-Ftehim dwar l-Assistenza Legali Reċiproka , il-Ftehim dwar l-użu u t-trasferiment ta' dejta fir-Reġistru tal-ismijiet tal-Passiġġieeri (PNR) , il-Ftehim dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Dejta b'Messaġġi Finanzjarji għall-iskop tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP), kif ukoll il-Ftehim bejn il-Europol u l-Istati Uniti. Dawn il-ftehimiet jirrispondu għal sfidi importanti ta’ sigurtà u jissodisfaw l-interessi komuni ta' sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, filwaqt li tkun garantita l-protezzjoni tad-dejta personali.

L-iskambju ta' dejta personali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għal skopijiet kummerċjali huwa indirizzat mid-Deċiżjoni dwar il-Port Salv li tipprovdi l-bażi legali għat-trasferimenti ta' dejta personali mill-Unjoni Ewropea lil kumpaniji fl-Istati Uniti li jaderixxu mal-prinċipji tal-Port Salv.

Għal iżjed informazzjoni:

Press pack including reports and Communication:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/data-protection/news/131127_en.htm

Report on the findings of the EU-US Working Group:

MEMO/13/1059

Analysis of the functioning of 'Safe Harbour'

MEMO/13/1059

Mid-term report on the Terrorist Finance Tracking Programme (TFTP)

MEMO/13/1060

Link to Report

Joint review of the U.S. Passenger Name Record (PNR) Agreement

MEMO/13/1054

Link to Report

Communication on a European Terrorist Finance Tracking System (TFTS)

Homepage of Vice-President Viviane Reding, EU Justice Commissioner:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/

Home page of Cecilia Malmström, EU Commissioner for Home Affairs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/

Follow the Vice-President on Twitter: @VivianeRedingEU

Follow the Justice Directorate-General on Twitter: @EU_Justice

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website