Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ir-Rapport Finanzjarju tal-UE għall-2012: Il-baġit tal-UE huwa għodda ta' investiment dejjem iktar importanti fl-UE

European Commission - IP/13/1163   26/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Novembru 2013

Ir-Rapport Finanzjarju tal-UE għall-2012: Il-baġit tal-UE huwa għodda ta' investiment dejjem iktar importanti fl-UE

Ir-Rapport Finanzjarju għall-2012 ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewopea juri li 94 % tat-total ta' EUR 135.6 biljun tal-baġit tal-UE għall-2012 kien iddedikat għal benefiċjarji mill-Ewropa kollha bħal riċerkaturi, studenti, intrapriżi żgħar u medji, bliet, reġjuni u NGOs.

Fl-2012, il-baġit tal-UE żied il-finanzjament f'oqsma li jistimulaw it-tkabbir, il-ħolqien tax-xogħol u l-investiment għar-riċerka u l-edukazzjoni:

  • B'EUR 9.6 biljun is-sena l-oħra il-Fond ta' Koeżjoni kkontribwixxa fil-bini ta' 1,274km ta' toroq u 950km ta' linji ferrovjarji.

  • Is-sena l-oħra ġew riċevuti 17,374 talba ta' finanzjament għar-riċerka u tqassmu EUR 7.8 biljun matul is-Seba' Programm Qafas dwar ir-Riċerka.

  • EUR 1.2 biljun ġew investiti għal tagħlim tul il-ħajja.

Ir-rapport juri wkoll li l-UE tibqa' fuq quddiem f'dak li għandu x'jaqsam ma' għajnuna umanitarja hekk kif tipprovdi għajnuna lil iktar minn 122 miljun persuna f'iktar minn 90 pajjiż lil hinn mill-fruntieri tal-UE.

Is-sehem għan-nefqa operatorja (salarjii, pensjonijiet, binjiet...) baqa' stabbli fl-2012 b'6 % tat-total tal-baġit tal-UE

"F'sena mmarkata b'diffikultajiet finanzjarji, il-baġit tal-UE għall-2012 baqa' jipprovdi finanzjament u jappoġġja investimenti fiċ-ċittadini u r-reġjuni tal-Ewropa", qal Janusz Lewandowski, il-Kummissarju għall-Ipprogrammar Finanzjarju u l-Baġit. "L-implimentazzjoni għolja tal-baġit tikkonferma l-importanza dejjem akbar ta’ finanzjament tal-UE matul l-irkupru ekonomiku emerġenti”.

Il-benefiċjarji ewlenin

Il-Polonja, bi EUR 15.7 biljun (segwita minn Spanja u Franza) kienet l-ikbar riċevitur tal-finanzjament tal-UE f'termini assoluti. Meta wieħed iqabbel il-volum ta’ finanzjament tal-UE riċevut mill-Introjtu Nazzjonali Gross, l-Estonja hija l-akbar benefiċjarju segwit mil-Latvja u l-Litwanja.

Il-Ġermanja (segwita minn Franza, ir-Renju Unit u Spanja) baqgħet l-ikbar benefiċjarju tal-fondi tal-UE f'oqsma bħar-riċerka u l-innovazzjoni; il-Polonja ggwadanjat l-iktar mill-finanzjament ta' koeżjoni. Franza kienet l-akbar riċevitur ta' fondi agrikoli segwita mill-Ġermanja, Spanja u l-Italja. Il-Pajjiżi l-Baxxi kienu kklassifikati bħala l-ikbar reċipjent fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, filwaqt li l-Italja, segwita mill-Belġju, tinsab fuq quddiem fit-taqsima dwar iċ-“ċittadinanza” tal-baġit tal-UE.

Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE

Ir-rapport jipprovdi tradizzjonalment l-informazzjoni dwar “il-bilanċi baġitarji operattivi”, id-differenza bejn dak li l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-baġit tal-UE u l-ammont tal-fondi tal-UE li jirċievu. Dan il-kalkolu jagħti biss stampa mhux kompluta tal-kosti meta mqabbla mal-benefiċċji li tkun Stat Membru fl-UE peress li ma jikkunsidrax id-diversi parametri bħall-benefiċċji finanzjarji li dan jieħu mis-Suq Intern jew tal-kuntratti li jingħataw lill-kumpaniji privati tiegħu għal proġetti ffinanzjati mill-UE f’pajjiżi oħra.

L-Istati Membri affettwati mill-kriżi (il-Greċja, il-Portugall u Spanja) huma fost l-ikbar benefiċjarji għall-2012, filwaqt li l-ikbar kontributuri netti huma l-Isvezja, id-Danimarka u l-Ġermanja.

L-akbar ekonomiji huma l-iktar li jikkontribwixxu għall-baġit tal-UE. Fl-2012, il-ġid (espress permezz tal-indikatur ING) tal-kontributuri netti żdied b'medja ta' 2.4 %, filwaqt li l-ING ta' benefiċjarji netti baqgħu prattikament l-istess minħabba l-kriżi ekonomika. Minħabba li l-baġit tal-UE huwa mibni fuq solidarjetà intrinsika, dan jispjega għalfejn, f’xi każijiet, il-kontribuzzjonijiet netti żdiedu.

Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-Istati Membri tejbu l-implimentazzjoni tal-fondi għall-politika ta' koeżjoni u programmi oħra ta' investiment allokati lilhom u rċivew iktar fondi mill-politika tal-agrikoltura; dawn il-fatturi wkoll jispjegaw iż-żieda żgħira fil-kontribuzzjonijiet minn kontributuri netti.

Ir-rapport finanzjarju tal-baġit tal-UE għall-2012 huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/budget/financialreport/index_en.html

Kuntatti:

Patrizio Fiorilli (+32 2 295 81 32)

Wojtek Talko (+32 2 297 85 51)

Anness

Baġit tal-UE għall-2012 – Ħlasijiet Implimentati (miljuni ta' EUR)

Id-dħul tal-UE għall-2012


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website