Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tintensifika l-ġlieda kontra s-sajd illegali

Commission Européenne - IP/13/1162   26/11/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Brussell, is-26 ta' Novembru 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tintensifika l-ġlieda kontra s-sajd illegali

Wara twissija formali li saret sena ilu (IP/12/1215), il-Kummissjoni Ewropea llum qiegħda tintensifika l-ġlieda tagħha kontra s-sajd illegali billi tidentifika l-Beliże, il-Kambodja u l-Ginea bħala pajjiżi terzi li ma kkooperawx. Minkejja li l-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet tal-pajjiżi biex jiġu stabbiliti miżuri ta' ġestjoni u ta' kontroll tas-sajd effettivi, dawn it-tliet pajjiżi għadhom ma indirizzawx il-problemi strutturali u ma wrewx verament ir-rieda li jittrattaw il-problema tas-sajd illegali. Issa l-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill tal-Ministri biex jadotta miżuri kummerċjali kontra t-tliet pajjiżi sabiex jiġu indirizzati l-benefiċċji kummerċjali li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet illegali. Fl-aħħar mill-aħħar, se tiġi pprojbita l-importazzjoni lejn l-UE ta' prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti minn dawn il-pajjiżi.

Id-Deċiżjoni hija konsistenti mal-impenn internazzjonali tal-UE li tiżgura l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd kemm fl-ibħra tagħha kif ukoll lil hinn minnhom. L-approċċ tal-UE lejn il-ġlieda kontra s-sajd illegali jirrifletti l-fatt li s-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU) huwa attività kriminali globali li tagħmel ħsara mhux biss lis-sajjieda u lis-swieq tal-UE, iżda wkoll lill-komunitajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Matul is-sena li għaddiet, il-Fiġi, il-Panama, is-Sri Lanka, it-Togo u l-Vanwatu wkoll irċevew twissijiet formali, iżda ilkoll għamlu progress kredibbli b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni. Dawn taw bidu għal leġiżlazzjoni ġdida u tejbu s-sistemi ta' monitoraġġ, kontroll u spezzjoni tagħhom u, b'riżultat ta' dan, id-djalogu ma' dawn il-pajjiżi ġie estiż sa tmiem Frar 2014 u l-progress għandu jiġi evalwat fir-rebbiegħa li ġejja.

Twissijiet formali ġodda

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ukoll twissijiet formali – (karti sofor) lill-Korea, lill-Gana u lil Curaçao, billi mhumiex qed jissodisfaw l-obbligi internazzjonali fil-ġlieda kontra s-sajd illegali. Il-Kummissjoni identifikat dgħufijiet konkreti, bħan-nuqqas ta' azzjonijiet li jindirizzaw l-insuffiċjenzi fil-monitoraġġ, fil-kontroll u fis-sorveljanza tas-sajd, u tissuġġerixxi azzjonijiet korrettivi biex dawn il-problemi jiġu solvuti.

F’dan l-istadju, il-karti sofor mhumiex se joħolqu miżuri li jaffettwaw il-kummerċ. Minflok l-UE, bħalma kien il-każ għall-pajjiżi elenkati qabel, se taħdem mill-qrib magħhom, permezz ta’ djalogu formalizzat u kooperazzjoni intensifikata, sabiex issolvi l-kwistjonijiet identifikati u timplimenta l-pjanijiet ta’ azzjoni meħtieġa.

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd qalet: "Dawn id-deċiżjonijiet juru d-determinazzjoni tagħna fil-ġlieda kontra s-sajd illegali. Kemm is-suq tal-UE kif ukoll is-sajjieda lokali u tal-UE huma affettwati b’mod negattiv. Qegħdin inkomplu nagħmlu pressjoni fuq il-pajjiżi li qed isostnu l-katina ta’ provvista tas-sajd illegali, bħala Stat kostali, Stat tal-bandiera, jew bandiera ta’ konvenjenza. L-Afrika tal-Punent ġiet identifikata bħala sors ewlieni ta’ sajd illegali u issa beħsiebni nieħu l-istess approċċ bir-reqqa fil-Paċifiku."

Sfond

Id-deċiżjoni dwar il-Beliże, il-Kambodja u l-Ginea, tipprovdi lill-Istati Membri b'għodda addizzjonali biex jivverifikaw u, jekk ikun meħtieġ, jirrifjutaw l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd. Il-Kummissjoni tippromwovi approċċ koordinat f’dan ir-rigward. Ladarba l-Kunsill jadotta l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni kummerċjali, il-prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajru bnadar ta’ dawn il-pajjiżi se jkunu pprojbiti milli jiġu importati lejn l-UE. Il-bastimenti tal-UE se jkollhom iwaqqfu s-sajd f’dawn l-ilmijiet. Mhumiex se jkunu aktar possibbli forom oħra ta’ kooperazzjoni, bħal operazzjonijiet konġunti tas-sajd jew ftehimiet tas-sajd ma’ dawn il-pajjiżi.

Permezz ta’ dawn l-azzjonijiet, l-UE mhux sempliċiment qed tinforza r-regoli1 tal-UE iżda qiegħda pjuttost tiżgura li jiġu rrispettati r-regoli tal-IUU adottati min-Nazzjonijiet Uniti u mill-FAO, b’konformità mal-impenji internazzjonali tagħha. Il-pajjiżi kollha identifikati naqsu milli jaqdu dmirijiethom bħala Stati tal-bandiera, kostali, tal-port jew tas-suq billi ma rrispettawx il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) jew il-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut.

Aktar informazzjoni

MEMO/13/1053

Kuntatti:

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

1 :

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. L-għan ta' dan l-istrument ewlieni fil-ġlieda kontra s-sajd illegali huwa li jitħalla aċċess għas-suq tal-UE biss għal prodotti tas-sajd li jkunu ġew iċċertifikati bħala legali mill-Istat tal-bandiera jew mill-Istat ta' esportazzjoni kkonċernat.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site