Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-27 ta' Novembru 2013

Ftehimiet bejn l-UE u l-Istati Uniti: Rapporti tal-Kummissjoni dwar it-TFTP u l-PNR

Illum il-Kummissjoni adottat ir-rapport ta' valutazzjoni tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) flimkien ma' rapport dwar rieżami konġunt tal-Ftehim tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri tal-Istati Uniti (PNR). Il-Kummissjoni vvalutat il-valur tad-dejta tal-informazzjoni finanzjarja mogħtija skont il-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-TFTP fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kif id-dejta tal-PNR qed tintuża mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għal fini tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu. Il-Kummissjoni adottat ukoll Komunikazzjoni dwar Sistema Ewropea ta’ Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTS), u kkonkludiet li l-istabbiliment ta’ sistema bħal din mhux mistenni f’dan l-istadju.

“Il-Ftehimiet dwar it-TFTP u l-PNR jirregolaw it-trasferiment u l-użu tad-dejta personali, u jipprovdu salvagwardji effettivi sabiex jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej. Ħadna l-allegazzjonijiet b’serjetà kbira f'dak li għandu x'jaqsam ma' aċċess possibbli tal-Istati Uniti għad-dejta finanzjarja Rapida barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim dwar it-TFTP u, kif imwiegħed lill-Parlament Ewropew u liċ-ċittadini Ewropej, tlabna lill-Istati Uniti biex jiċċaraw bis-sħiħ din il-kwistjoni. Nilqa' r-riassigurazzjonijiet li l-Gvern tal-Istati Uniti għamel, inkluż fil-laqgħa tiegħi fil-White House fit-18 ta' Novembru, li l-Istati Uniti ma kisritx il-Ftehim dwar it-TFTP u li se tkompli tirrispetta dan il-Ftehim bis-sħiħ. Iżda l-Kummissjoni se tkompli tissorvelja bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-ftehimiet bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-trasferimenti tad-dejta sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE ", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni.

L-isforzi se jiġu intensifikati biex l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar it-TFTP tinżamm taħt skrutinju mill-qrib fix-xhur li ġejjin u fuq medda itwal ta’ żmien. Se jsir rieżami aktar bikri milli mistenni fir-Rebbiegħa 2014.

Rapport Konġunt rigward il-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-TFTP

Fir-rapport tagħha dwar il-valur li ġġib magħha d-dejta pprovduta mit-TFTP għall-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-TFTP iġġenera intelliġenza sinifikanti li għenet biex jiġu żvelati attentati terroristiċi u jiġu intraċċati l-awturi tagħhom.

L-aktar informazzjoni reċenti li ġejja mit-TFTP intużat biex jiġu investigati, pereżempju, is-sensiela ta' attakki bil-bombi ta' Boston ta' April 2013, it-theddid matul il-Logħob Olimpiku f'Londra jew it-taħriġ fis-Sirja ta' terroristi bbażati fl-UE.

Id-dejta dwar it-TFTP tipprovdi għarfien ewlieni fin-netwerks ta' appoġġ finanzjarju tal-organizzazzjonijiet terroristiċi, filwaqt li tgħin biex jiġu identifikati kemm metodi ġodda ta’ finanzjament għat-terroriżmu kif ukoll persuni involuti fl-Istati Uniti, fl-UE jew fi bnadi oħra. L-Istati Membri tal-UE u l-Europol jibbenefikaw minn tali informazzjoni u jirċievu ħjiel investigattiv ta' valur. Matul dawn l-aħħar tliet snin, bi tweġiba għat-total ta' 158 talba li saru mill-Istati Membri u mill-UE (skont l-Artikolu 10), inkisbu 924 ħjiel investigattiv permezz tat-TFTP.

Barra minn hekk, fir-rigward ta' allegazzjonijiet reċenti għall-aċċess għad-dejta dwar messaġġi finanzjarji fl-UE kuntrarju għall-ftehim TFTP, waslu riassigurazzjonijiet bil-miktub li l-Gvern tal-Istati Uniti ma kisirx il-ftehim u li se jkompli jirrispettah bis-sħiħ.

F’dan l-istadju, il-Kummissarju tqis li m’hemm l-ebda ħtieġa għal aktar konsultazzjonijiet mal-Istati Uniti dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar it-TFTP.

Sistema tal-UE ta' Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTS)

Barra t-talbiet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u b'konformità mal-Komunikazzjoni tal-2011 tagħha (IP/11/877), il-Kummissjoni vvalutat l-għażliet biex tistabbilixxi Sistema ta' Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTS).

B’mod partikolari, kull għażla ġiet analizzata f’termini ta’ salvagwardjar tad-drittijiet fundamentali, neċessità, proporzjonalità u kost-effettività, kif imqabbla mas-sitwazzjoni attwali.

Hija tikkonkludi li l-każ għall-istabbiliment ta' sistema bħal din fl-Unjoni Ewropea mhux qed jintwera b’mod ċar f’dan l-istadju, filwaqt li tiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-fatt li, sabiex toħroġ dejta mill-UE jkun meħtieġ li tinħoloq u titmexxa bażi ta' dejta ġdida li jkun fiha l-informazzjoni kollha dwar it-trasferimenti finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.

Il-ħolqien ta’ din il-bażi ta' dejta jqajjem sfidi serji f’termini ta’ ħażna ta’ dejta, aċċess u protezzjoni, biex ma nsemmux l-isforzi tekniċi u finanzjarji enormi li jkunu meħtieġa. Kwalunkwe sistema tal-UE tkun intrusiva fir-rigward tad-dejta u tkun għalhekk teħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ garanziji u salvagwardji b’saħħithom f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tad-dejta. Din tkun għalja kif ukoll diffiċli mil-lat tekniku u operattiv biex tiġi stabbilita u biex tinżamm.

Se jitħalla issa f'idejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE għall-Affarijiet Interni biex jagħmlu l-aħħar għażla dwar il-ħolqien possibbli ta’ Programm tal-UE dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu.

Rapport dwar ir-rieżami konġunt bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-PNR

Il-Ftehim PNR attwali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-trasferiment ta’ dejta tal-passiġġieri tal-ajru għal titjiriet mill-UE lejn l-Istati Uniti daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2012.

Wara rieżami minn esperti tal-UE u tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni sabet li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kienu qed jimplimentaw il-Ftehim skont l-istandards u l-kundizzjonijiet li hemm fih.

Il-ftehim jipprovdi għodda effiċjenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja transnazzjonali u t-terroriżmu, filwaqt li jistabbilixxi limiti ċari għal liema għanijiet tista’ tintuża d-dejta tal-PNR, kif ukoll serje ta’ garanziji b’saħħithom għall-protezzjoni tad-dejta.

Ir-rapport ta’ rieżami konġunt ippubblikat illum isib b’mod partikolari li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jħarsu l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet ta' aċċess tal-passiġġieri u għandhom mekkaniżmu ta’ sorveljanza regolari fis-seħħ biex iħares kontra d-diskriminazzjoni illegali. Il-masking u t-tħassir ta’ dejta sensittiva huma rispettati. Il-kondiviżjoni tad-dejta kemm ma’ aġenziji domestiċi tal-Istati Uniti kif ukoll ma’ pajjiżi terzi hija konformi mal-Ftehim.

Ir-rieżami konġunt li jmiss għandu jsir matul l-ewwel nofs tal-2015.

Links Utli

Mid-term report on the Terrorist Finance Tracking Programme (TFTP)

MEMO/13/1060

Link to Report

Joint review of the U.S. Passenger Name Record (PNR) Agreement

MEMO/13/1054

Link to Report

Communication on a European Terrorist Finance Tracking System (TFTS)

Cecilia Malmström's website

Follow Commissioner Malmström on Twitter

DG Home Affairs website

Follow DG Home Affairs on Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website