Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji taħt il-Kooperazzjoni Msaħħa Il-Kummissjoni tagħti d-dettalji

European Commission - IP/13/115   14/02/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ Frar 2013

It-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji taħt il-Kooperazzjoni Msaħħa Il-Kummissjoni tagħti d-dettalji

Id-dettalji tat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (TTF) li se tiġi implimentata taħt il-kooperazzjoni msaħħa ngħataw fi proposta adottata mill-Kummissjoni llum. Kif intalab mill-11-il Stat Membru1 li se jipproċedu b'din it-taxxa, id-Direttiva proposta tirrifletti l-kamp ta' applikazzjoni u l-għanijiet tal-proposta oriġinali tat-TTF ippreżentata mill-Kummissjoni f'Settembru 2011 (IP/11/1085). Inżamm l-approċċ ta' ntaxxar tat-tranżazzjonijiet kollha b'rabta stabbilita marbuta maż-żona tat-TTF, kif ukoll ir-rati ta' 0.1 % għall-ishma u l-bonds u 0.01 % għad-derivati.

Meta tiġi applikata fil-11-il Stat Membru, din it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji hija mistennija li twassal għal dħul ta' 30-35 biljun euro fis-sena.

Hemm ċerti bidliet limitati fil-proposta TTF tal-lum meta mqabbla mal-oriġinali. Dan sar biex jitqies il-fatt li t-taxxa se tkun implimentata fuq skala ġeografika iżgħar minn dak li kien oriġinalment previst. Dawn il-bidliet huma l-iktar biex tiġi żgurata ċ-ċarezza ġuridika u biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet kontra l-evażjoni u l-abbuż.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju responsabbli għat-Tassazzjoni qal: "Bil-proposta tal-lum, kollox jinsab f'postu biex jippermetti li t-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji ssir realtà. It-taxxa li qegħdin nippreżentaw hija bla dubju waħda ġusta u teknikament soda, li se ssaħħaħ is-Suq Uniku tagħna filwaqt li trażżan il-kummerċ irresponsabbli. Ħdax-il Stat Membru talbu din il-proposta, biex ikunu jistgħu jipproċedu bit-TTF permezz ta' kooperazzjoni msaħħa. Jiena issa nitlob lil dawk l-istess Stati Membri biex ikomplu bl-ambizzjoni tagħhom - li jmexxu, jiddeċiedu u jirnexxu bl-ewwel TTF reġjonali fid-dinja."

Il-proposta tal-lum issegwi l-ftehim tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE x-xahar li għadda biex 11-il Stat Membru jkunu jistgħu jmexxu b'TTF taħt kooperazzjoni msaħħa (IP/12/1138).

It-TTF għandha 3 għanijiet ċentrali. L-ewwel nett, li ssaħħaħ is-Suq Uniku billi tnaqqas l-għadd ta' approċċi nazzjonali diverġenti għat-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji. It-tieni, li tiżgura li s-settur finanzjarju jagħti kontribut ġust u sostanzjali lid-dħul pubbliku. Fl-aħħar nett, it-TTF issostni miżuri regolatorji biex is-settur finanzjarju jitħeġġeġ jieħu sehem f'attivitajiet b'mod iktar responsabbli li jkunu mmirati lejn l-ekonomija reali.

Bħal fil-proposta oriġinali, it-TTF se jkollha rati baxxi, bażi wiesgħa u prekawzjonijiet kontra r-rikollokament tas-settur finanzjarju. Bħal qabel, se japplika l-"prinċipju ta' residenza". Dan ifisser li t-taxxa tkun dovuta jekk kwalunkwe parti għat-tranżazzjoni tkun stabbilita fi Stat Membru parteċipanti, irrispettivament minn fejn isseħħ it-tranżazzjoni. Dan ikun il-każ kemm jekk istituzzjoni finanzjarja involuta fit-tranżazzjoni tkun hi stess stabbilita fiż-żona TTF u kemm jekk tkun qed taġixxi f'isem parti stabbilita f'dik il-ġuriżdizzjoni.

Bħala prekawzjoni kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-proposta tal-lum iżżid ukoll il-"prinċipju tal-ħruġ". Dan ifisser li l-istrumenti finanzjarji maħruġa fil-11-il Stat Membru se jkunu ntaxxati meta jsir kummerċ fuqhom, anke jekk dawk li jkunu qed jagħmlu dan il-kummerċ ma jkunux stabbiliti fiż-żona TTF. Barra minn hekk, issa ġew inklużi dispożizzjonijiet espliċiti kontra l-abbuż.

Bħal fil-proposta oriġinali, it-TTF mhux se japplika għall-attivitajiet finanzjarji ta' kuljum taċ-ċittadini u n-negozji (eż. is-self, il-ħlasijiet, l-assikurazzjoni, id-depożiti eċċ.), sabiex l-ekonomija reali tkun protetta. Lanqas mhi se tapplika għall-attivitajiet tradizzjonali tal-banek fil-kuntest taż-żieda fil-kapital jew għal tranżazzjonijiet finanzjarji mwettqa bħala operazzjonijiet ta' ristrutturazzjoni parzjali.

Il-proposta teskludi wkoll attivitajiet ta' rifinanzjament, il-politika monetarja u l-ġestjoni tad-dejn pubbliku. Għalhekk, it-tranżazzjonijiet mal-banek ċentrali u l-BĊE, bil-Faċilità Ewropea ta' Stabilità Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità, u t-tranżazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea se jkunu eżenti mit-taxxa.

Il-passi li jmiss

Id-Direttiva proposta issa se tiġi diskussa mill-Istati Membri, bil-ħsieb li tiġi implimentata taħt il-kooperazzjoni msaħħa. Is-27 Stat Membru jistgħu jieħdu sehem fid-diskussjonijiet dwar din il-proposta. Madankollu, huma biss l-Istati Membri li jieħdu sehem fil-kooperazzjoni msaħħa li se jkollhom vot, u dawn iridu jaqblu unanimament qabel ma tkun tista' tiġi implimentata. Il-Parlament Ewropew se jkun ikkonsultat ukoll.

Sfond

F'Settembru 2011, il-Kummissjoni ressqet proposta għal sistema komuni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, bl-għanijiet li jiġi żgurat approċċ koerenti għall-intaxxar ta' dan is-settur fis-Suq Uniku, jiġi żgurat kontribut ġust mis-settur finanzjarju lill-finanzi pubbliċi u jkun hemm kontribut lejn kummerċ fis-settur finanzjarju li jsaħħaħ iktar l-effiċenza u l-benessri.

Wara diskussjonijiet intensi dwar dan il-fajl, kien hemm kunsens fil-laqgħat tal-ECOFIN fis-sajf 2012 li l-unanimità bejn is-27 Stat Membru ma kinitx se tintlaħaq fi żmien raġonevoli. Madankollu, għadd ta' Stati Membri esprimew xewqa qawwija li jibqgħu għaddejjin bit-TTF. Għalhekk, fil-ħarifa 2012, il-11-il Stat Membru kitbu lill-Kummissjoni, fejn talbu uffiċjalment li tiġi awtorizzata kooperazzjoni msaħħa dwar it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2011.

Il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa dawn it-talbiet mal-kriterji għal kooperazzjoni msaħħa fit-Trattati. B'mod partikolari, ġie stabbilit li l-kooperazzjoni msaħħa fit-TTF mhux se jkollha impatt negattiv fuq is-Suq Uniku jew fuq l-obbligi, id-drittijiet u l-kompetenzi tal-Istati Membri li ma jiħdux sehem fiha. Fuq il-bażi ta' dan l-eżami, f'Ottubru 2012, il-Kummissjoni pproponiet Deċiżjoni biex tippermetti kooperazzjoni msaħħa dwar it-TTF. Dan kien sostnut mill-Parlament Ewropew f'Diċembru u maqbul mill-Ministri tal-Finanzi Ewropej fl-ECOFIN f'Jannar 2013.

Ladarba ngħata l-kunsens għal kooperazzjoni msaħħa, il-Kummissjoni setgħet tipproċedi bil-proposta dettaljata dwar it-TTF li se tiġi applikata fil-11-il Stat Membru u li qed jiġi ppreżentat illum.

Għal aktar informazzjoni ara wkoll MEMO/13/98

+ http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/other_taxes/financial_sector/index_en.htm

Għall-websajt tal-Kummissarju Šemeta ara:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Kuntatti:

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)

1 :

Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, l-Awstrija, is-Slovenja, il-Portugall, il-Greċja, is-Slovakkja, l-Italja, Spanja, l-Estonja


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website