Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Nagħmlu l-ibliet tal-Ewropa iktar intelliġenti

Commission Européenne - IP/13/1159   26/11/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Novembru 2013

Nagħmlu l-ibliet tal-Ewropa iktar intelliġenti

F' konferenza ospitata llum mill-Kummissjoni Ewropea, mexxejja tal-bliet, CEOs u mexxejja tas-soċjetà ċivili ddiskutew l-azzjonijiet deskritti fil-"Pjan Strateġiku ta' Implimentazzjoni għal Bliet Intelliġenti" u kif għandhom jitpoġġew fil-prattika. Il-Kummissjoni ħabbret li ser tniedi "Stedina għal Impenji favur Bliet u Komunitajiet Intelliġenti" fir-rebbiegħa tal-2014 biex jibda x-xogħol fuq il-prijoritajiet tal-pjan ta' azzjoni. Il-pjan jagħmel parti mill-ħames "Sħubija għall-Innovazzjoni" tal-Ewropa.

Il-Viċi President tal-Kummisjoni Ewropea inkarigat mit-trasport, Siim Kallas, qal: "Kuntent ħafna li qed nara l-operaturi tat-trasport, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjonijiet, il-manufatturi tal-vetturi, il-persuni risponsabbli għall-ippjanar tal-bliet, il-kumpaniji tal-enerġija u r-riċerkaturi lkoll miġbura f'kamra waħda biex jiddiskutu l-futur tal-bliet tagħna. L-inizjattiva Bliet Intelliġenti hija opportunità eċċellenti sabiex isiru bidliet lejn inqas konġestjoni u opportunitajiet aħjar ta' negozju fil-bliet tagħna. Għandna bżonn inżommu r-ritmu u nimxu issa minn pjan għall-azzjoni."

Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mill-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, qalet: "Il-futur tal-infrastruttura u tal-ippjanar tal-bliet ser ikun ibbażat fuq l-integrazzjoni ta' sistemi ta' ICT u fuq l-użu ta' ammonti kbar ta' dejta sabiex il-bliet tagħna jsiru postijiet fejn nistgħu ngħixu u naħdmu aħjar. Għandna bżonn nibbażaw dawk is-sistemi ġodda fuq standards miftuħa għal ħardwer, softwer, dejta u servizzi li se jiġu żviluppati minn din is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni."

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għall-enerġija, qal: "Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti hija dwar l-investimenti li għandna nagħmlu fl-iżvilupp sostenibbli f'kemm jista' jkun ibliet. Il-ħolqien ta' sħubijiet ugwali bejn ibliet u kumpaniji bbażati fuq sinerġiji bejn l-ICT, l-enerġija u l-mobilità ser iwassal għal proġetti li jagħmlu differenza vera fil-ħajja tagħna ta' kuljum."

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tagħmel madwar EUR 200 miljun disponibbli għal Bliet u komunitajiet Intelliġenti fil-baġits tal-2014-2015 tal-Orizzont 2020, il-Programm għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, kif ukoll li tħaffef il-progress u tkabbar l-iskala tal-introduzzjoni ta' soluzzjonijiet għal bliet intelliġenti. Ser ikun hemm il-possibbiltajiet ukoll li jiġu aċċessati l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment.

Is-Sħubija għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni (EIP) għal Bliet u komunitajiet intelliġenti tiffoka fuq dawk l-oqsma fejn l-ICT, l-enerġija u l-mobilità jidħlu f'xulxin, u tidentifika l-iktar approċċi u soluzzjonijiet effettivi u komuni. Il-bliet u r-reġjuni Ewropej huma lkoll differenti, imma għandhom ħafna ħtiġijiet simili wkoll, li l-aħjar mod li bih jistgħu jiġu indirizzati hu permezz ta' approċċ komuni. Huwa hawn li s-Sħubija tista' tipprovdi l-valur miżjud tagħha.

Is-Sħubija tlaqqa' flimkien mexxejja tal-bliet, rappreżentanti tan-negozji u tal-komunitajiet, u tipprovdi forum lil dawn il-parteċipanti fejn jistgħu jidentifikaw, jiżviluppaw u jimplimentaw soluzzjonijiet innovattivi u jagħmluhom realtà. L-EIP għal Bliet u komunitajiet intelliġenti ser tiffoka fuq Mobilità Urbana Sostenibbli, Distretti u Ambjent Mibni Sostenibbli, u l-Infrastrutturi Integrati, kif ukoll proċessi fil-qasam tal-Enerġija, l-ICT u t-Trasport. Is-Sħubija identifikat ukoll ix-xogħol li għandu jsir biex jingħataw aktar attenzjoni u protagoniżmu liċ-ċittadini, kif ukoll l-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' negozju u ffinanzjar li ser jgħinu biex ikun hemm introduzzjoni mgħaġġla ta' soluzzjonijiet fuq skala wiesgħa għall-Bliet Intelliġenti.

L-"istedina għal impenji" li ħabbret illum il-Kummissjoni ser tagħti valur miżjud lill-partijiet ikkonċernati permezz ta' aktar viżibilità Ewropea, opportunità akbar biex jaħdmu ma' oħrajn fuq suġġetti simili, kif ukoll biex joħolqu programmi ta' investiment fuq skala wiesgħa li jippromwovu t-tkabbir u r-ritmu mgħaġġel tal-innovazzjoni fl-ibliet.

Kull belt, kumpanija, assoċjazzjoni, gvern jew korp ta' riċerka huwa mistieden isegwi r-rakkomandazzjonijiet fil-Pjan Strateġiku ta' Implimentazzjoni billi jiżviluppa inizjattivi proprji u jieħu impenji għal bliet intelliġenti permezz ta' investimenti, forom ġodda ta' kooperazzjoni, u t-tqassim tar-riżorsi.

Għal aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/eip/smartcities/

see MEMO/13/1049

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Marlene Holzner (+32 296 01 96)

Ryan Heath (+32 296 17 16)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site