Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa: Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni fil-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili

European Commission - IP/13/1153   25/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Novembru 2013

Il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa: Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni fil-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret — f’dokument ta’ strateġija — spinta ġdida fil-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha. Hu stmat li din il-prattika, li hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala ksur tad-drittijiet umani tan-nisa kif ukoll bħala forma ta' abbuż mit-tfal, affettwat 500,000 vittma fl-UE biss, u aktar minn 125 miljun madwar id-dinja. Fil-ġlieda kontra l-MĠF, il-Kummissjoni se tagħmel użu sħiħ ta' aktar finanzjament mill-UE biex tgħin fil-prevenzjoni ta' din il-prattika, jitjieb l-appoġġ għall-vittmi; jingħata appoġġ lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll l-infurzar nazzjonali tal-liġijiet ta' kontra l-MĠF; u tittejjeb il-protezzjoni skont ir-regoli tal-ażil tal-UE għal nisa li jkunu jinsabu f'riskju. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna impenjaw ruħhom ukoll li jippromwovu madwar id-dinja l-eliminazzjoni tal-MĠF permezz tad-djalogu bilaterali u multilaterali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi aktar riċerka dwar in-numru ta’ nisa u bniet f’riskju. Il-pjan ta' azzjoni tal-lum jikkostitwixxi segwitu għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-MĠF imnedija mill-Kummissjoni f'Marzu (IP/13/189)

"Aktar kmieni din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea bdiet taħdem flimkien ma' attivisti li jnisslu ispirazzjoni fis-sejħa għal tolleranza żero fejn tidħol il-mutilazzjoni ġenitali femminili," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. "Illum qed inwettqu riżultati konkreti. Fi pjan ta’ azzjoni l-Kummissjoni qiegħda ttenni l-impenn tagħna fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-eliminazzjoni tal-MĠF, kemm fl-UE kif ukoll fil-livell globali. Iżda ejja nkunu ċari: il-Kummissjoni ma tistax tagħmel dan waħedha. Se naħdmu id f’id mal-Istati Membri, man-NU, mal-NGOs u mal-komunitajiet affettwati. Ninsab konvinta li flimkien se nkunu kapaċi nikkonsenjaw il-mutilazzjoni ġenitali femminili għall-istorja.”

"L-Unjoni Ewropea hija impenjata għall-politika ta' tolleranza żero għall-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-aspetti kollha tal-azzjoni esterna tagħha. Ninsabu impenjati mal-pajjiżi sħab madwar id-dinja fil-ħidma lejn il-qerda ta' dan l-att li jikser id-drittijiet tan-nisa u tal-bniet u li jagħmillhom il-ħsara b'diversi modi. L-adozzjoni ta' din l-istrateġija llum hija turija tal-impenn konġunt tagħna. L-istrumenti u r-riżorsi li għandha l-UE, politiċi u ekonomiċi, se jintużaw fil-promozzjoni ta' inizjattivi u biex ikunu ta' sostenn għal liġijiet li jkunu ta' għajnuna fil-ħolqien ta' dinja fejn l-ebda tifla ma jkollha taffaċċja din il-prattika krudili u intollerabbli," qalet ir-Rappreżentanta Għolja għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Catherine Ashton.

Il-komunikazzjoni ta' politika tal-lum mill-Kummissjoni tistabbilixxi sensiela ta’ azzjonijiet li jaħdmu lejn l-eliminazzjoni tal-MĠF, inkluż:

Għarfien aħjar tal-fenomenu: l-iżvilupp ta' indikaturi (permezz tal-Istitut Ewropew tal-Ugwaljanza tas-Sessi kif ukoll fil-livell nazzjonali) biex ikun hemm għarfien aħjar tal-għadd ta' nisa u bniet affettwati mill-mutilazzjoni, u fir-riskju tagħha.

Il-prevenzjoni tal-MĠF u l-appoġġ lill-vittmi: isir użu mill-fondi tal-UE (bħall-programm Daphne tal-UE, il-programmi Tagħlim tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni u l-fond li se jkun hemm għall-Ażil u l-Migrazzjoni) biex jiġu sostnuti l-attivitajiet ta' prevenzjoni tal-MĠF, jitqajjem l-għarfien tal-problema, biex in-nisa u l-bniet iħossu li għandhom aktar kontroll tas-sitwazzjoni, u biex jitħarrġu l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u dawk li jaħdmu mal-vittmi. Matul l-2013, il-Kummissjoni qassmet EUR 2.3 miljun għal proġetti speċifkament immirati għall-ġlieda kontra l-MĠF (ara eżempji fl-anness 1);

Prosekuzzjoni aktar effettiva mill-Istati Membri:
jingħata sostenn lill-infurzar tal-liġijiet nazzjonali eżistenti li jipprojbixxu l-MĠF permezz ta' analiżi tal-liġijiet kriminali u tal-kawżi fil-qorti miġjuba s'issa, jinfirex materjal ta' taħriġ għall-professjonisti legali u jiġu infurzati d-drittijiet tal-vittmi li jiksbu appoġġ mill-ispeċjalisti, kif mitlub mil-liġi tal-UE.

Il-protezzjoni tan-nisa f'riskju fuq it-territorju tal-UE: tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tar-regoli tal-ażil tal-UE (speċjalment id-Direttiva tal-Kwalifiki riveduta u d-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil) biex tiġi ggarantita l-protezzjoni tan-nisa f'riskju, jitqajjem l-għarfien tal-professjonisti li jkunu qed jaħdmu fl-ażil u jiġu nkoraġġuti l-Istati Membri biex jirrisistemaw lil tfal u nisa f'riskju billi jipprovdulhom appoġġ permezz tal-Fond Ewrpew tar-Rifuġjati u tal-Fond tal-Ażil u l-Migrazzjoni li se jkun hemm fil-futur.

Ħidma biex tiġi eliminata l-MĠF fil-livell globali: tiġi indirizzata l-MĠF fi djalogi bilaterali ma' pajjiżi sħab relevanti, b'ħidma tal-Unjoni Afrikana u fin-Nazzjonijiet Uniti biex jiġu promossi inizjattivi globali kontra l-MĠF, issir enfażi fuq titjib fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u jiġu appoġġjati inizjattivi tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi affettwati, it-taħriġ u l-gwida għall-persunal fid-delegazzjonijiet tal-UE fi kwistjonijiet marbuta mal-MĠF.

Sabiex jiġi żgurat li d-diversi azzjonijiet jiġu segwiti u jibqgħu l-ħin kollu fuq l-aġenda politika, il-Kummissjoni intrabtet ukoll biex tissorvelja u tieħu kont tal-progress fuq bażi annwali madwar is-6 ta' Frar: il-Jum Internazzjonali tat-Tolleranza Żero għall-MĠF.

L-isfond

Il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) tinkludi l-proċeduri kollha li jinvolvu t-tneħħija parzjali jew totali tal-ġenitali esterni tan-nisa jew ħsara oħra lill-organi ġenitali femminili għal raġunijiet mhux mediċi, kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Il-MGF issir għal raġunijiet kulturali, reliġjużi u/jew soċjali fuq bniet bejn l-età tal-infanzja u l-età ta' 15-il sena. Il-MĠF tikkostitwixxi forma ta' abbuż mit-tfal u vjolenza kontra n-nisa; għandha konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi severi, kemm fuq żmien qasir kif ukoll għat-tul.

Fil-pajjiżi tal-UE fejn jgħixu n-nisa jew bniet vittmi f'riskju tal-MĠF, il-prattika titwettaq l-iktar matul żjara fil-pajjiż tal-oriġini iżda hemm ukoll indikazzjonijiet li l-MĠF tiġri fit-territorju tal-UE.

Rapport riċenti mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) kkonkluda li hemm vittmi, jew vittmi potenzjali tal-MĠF, f’mill-inqas 13-il pajjiż tal-UE: L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, l-Isvezja u r-Renju Unit. Madankollu, dan jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal dejta rigoruża bħala bażi biex tiġi indirizzata l-problema.

Fil-21 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni adottat “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” , li tistabbilixxi sensiela ta' prijoritajiet għall-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż li tintemm il-vjolenza bbażata fuq is-sess. L-istrateġija tinkludi referenza speċifika għall-ġlieda kontra l-MĠF. Fis-6 ta’ Frar 2013 li huwa l-Jum Internazzjonali kontra l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili, il-Kummissjoni Ewropea affermat mill-ġdid l-impenn qawwi tagħha biex teqred din il-prattika li tant tagħmel ħsara (MEMO/13/67).

Fis-6 ta' Marzu 2013 il-Viċi President Reding u l-Kummissarju Cecilia Malmström ingħaqdu ma' attivisti tad-drittjiet tal-bniedem fis-sejħa għal tolleranza żero għall-MĠF waqt laqgħa ta' livell għoli li fiha ġie diskuss kif tista' l-Unjoni Ewropea tgħin lill-Istati Membri jeliminaw il-prattika (IP/13/189) Il-Kummissjoni ħabbret finanzjament ta' EUR 3.7 miljun biex tappoġġja l-attivitajiet tal-Istati Membri biex titqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza kontra n-nisa kif ukoll EUR 11.4 miljun oħra għal NGOs u oħrajn li jaħdmu mal-vittmi. Hija nediet ukoll konsultazzjoni pubblika dwar l-indirizzar tal-MĠF, li r-riżultati tagħha għenu fil-preparazzjoni tal-Komunikazzjoni ta' politika tal-lum.

Biex tinqered il-MĠF se jkun hemm bżonn ta' firxa ta' azzjonijiet li jiffokaw fuq il-ġbir tad-dejta, il-prevenzjoni, il-protezzjoni ta’ bniet f'riskju, il-prosekuzzjoni ta' dawk li jwettquha u l-forniment ta' servizzi lill-vittmi, jgħid ir-rapport. Il-vittmi tal-MĠF jistgħu jserrħu rashom minn protezzjoni skont id-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, adottata fl-4 ta' Ottubru 2012, li tirreferi espliċitament għall-MĠF bħala forma ta' vjolenza bbazata fuq is-sess (IP/12/1066).

Iżda filwaqt li l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom dispożizzjonijiet legali fis-seħħ biex jiftħu proċedimenti kontra dawk li jikkommettu l-MĠF, sew taħt liġijiet kriminali ġenerali kif ukoll speċifiċi, il-prosekuzzjonijiet huma rari ħafna. Dan huwa minħabba d-diffikultajiet biex jinkixfu l-każijiet, biex tinġabar biżżejjed evidenza, nuqqas ta' rieda biex jiġi rrapportat id-delitt u, fuq kollox, nuqqas ta’ għarfien dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili.

Rapport separat mill-EIGE identifika sensiela ta' prattiċi tajba minn disa' Stati Membri fil-ġlieda kontra l-MĠF, bħal ma huma:

Proġett Olandiz għall-prevenzjoni tal-MĠF billi jitlaqqgħu flimkien professjonisti fil-kura tas-saħħa, il-pulizija, l-iskejjel, is-servizzi għall-ħarsien tat-tfal u l-organizzazzjonijiet tal-migranti;

Organizzazzjoni Franċiza li tiffoka fuq il-prosekuzzjoni f'każijiet ta' MĠF billi taġixxi bħala ‘parti ċivili’ fil-proċessi tal-qorti;

Servizz tas-saħħa speċjalizzat fir-Renju Unit bi 15-il klinika li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa affettwati minn MĠF.

Aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea - Intemmu l-vjolenza bbazata fuq is-sess:

http://ec.europa.eu/justice/gender-violence

Rapport mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi – Il-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-UE u l-Kroazja:

Dejta nazzjonali mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi – Il-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-UE u l-Kroazja:

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Facebook: Ibgħat ir-“Ritratti Tolleranza Żero” tiegħek:

COMM-SOCIAL-MEDIA-TEAM@ec.europa.eu

Twitter Hashtag: #zeroFGM

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter

@VivianeRedingEU

Segwi EU Justice fuq Twitter

@EU_Justice

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Anness 1: Eżempji ta’ proġetti ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġa lill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex iqajmu kuxjenza dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili

  1. L-Amministrazzjoni Franċiża tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi se toħloq kampanja bil-għan li titqajjem kuxjenza ta’ miżuri introdotti reċentement fil-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF). Se jitfassal fuljett u jitqassam b'mod wiesa'. (EUR 258,000)

  2. Id-Dipartiment tal-Intern tar-Renju Unit se jiżviluppa proġett li għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar l-MĠF bħala kwistjoni ta' protezzjoni tat-tfal u biex tiġi miġġielda l-prattika. Dan jinkludi kampanja mmirata ta’ komunikazzjoni li tqajjem għarfien fuq il-helpline dwar il-MĠF tas-Soċjetà Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Krudeltà fuq it-Tfal (NSPCC), l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ dwar l-MĠF u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti minn professjonisti b’responsabbiltajiet għas-salvagwardja u l-ħarsien tat-tfal, u l-organizzazzjoni ta’ workshop Ewropew għall-iskambju tal-ħiliet li jolqtu l-MĠF. (EUR 340,000)

  3. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa f’Malta se tqajjem għarfien dwar l-MĠF, u tipprovdi informazzjoni dwarha, inkluż fost il-professjonisti li jaħdmu mal-vittmi jew ma' dawk li jwettquha. L-attivitajiet jinkludu studju dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili f’Malta, fuljetti għall-professjonisti fil-kura tas-saħħa u għal nisa migranti dwar l-MĠF u taħriġ għall-professjonisti u l-esperti legali relevanti li fix-xogħol tagħhom jiltaqgħu mal-vittmi jew dawk li jwettquha. (EUR 300,000)

  4. Il-proġett “CREATE Youthnet” implimentat minn FORWARD (ir-Renju Unit) għandu l-għan li jipproteġi liż-żgħażagħ minn prattiki dannużi, b’mod partikolari l-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ furzat, billi tingħatalhom is-setgħa li jkunu kunfidenti biżżejjed li jitolbu għall-bidla u jservu ta' eżempju fost sħabhom fi ħdan il-komunitajiet tagħhom. Il-proġett jikkonsisti minn taħriġ u mentoring taż-żgħażagħ, minn segwitu tal-ħidma maż-żgħażagħ tal-aġenziji ewlenin, il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew ta' promoturi taż-żgħażagħ kif ukoll ta' Netwerk Nazzjonali taż-Żgħażagħ, u l-iżvilupp ta’ materjal immirat lejn iż-żgħażagħ u ta' kampanji kreattivi mmirati lejn l-iskejjel, iż-żgħażagħ u partijiet interessati fil-komunità. (EUR 317,000)

  5. Il-proġett "Il-bidla: Il-Promozzjoni ta' Tibdil fl-Imġieba lejn il-qerda sħiħa tal-MĠF" immexxi minn Terre des Femmes (il-Ġermanja) għandu l-għan li jippermetti lil komunitajiet prattikanti madwar l-UE biex imexxu ħidma kontra l-MĠF billi jingħata sostenn lil membri influwenti f'dawn il-komunitajiet. Il-proġett jinkludi taħriġ speċjalizzat għal professjonisti ewlenin u jippromwovi d-djalogu fi ħdan il-Komunitajiet. Il-proġett se jiżviluppa manwali ta' taħriġ għal madwar l-Ewropa kollha għal Stati Membri, NGOs u firxa usa’ ta’ partijiet interessati. Konferenza internazzjonali organizzata minn Euronet-FGM - netwerk ta' aktar minn 35 organizzazzjoni-membru minn 15-il pajjiż Ewropew li jaħdmu kontra l-MĠF - se tiggarantixxi tifrix wiesa' tar-riżultati tal-proġetti u tal-manwal ta' taħriġ. (EUR 380,000)

  1. L-Universita ta' Coventry qed tiżviluppa proġett li jinvolvi ħidma mal-komunitajiet oriġinali Somali u Sudaniżi mill-proġett REPLACE iffinanzjat taħt Daphne fl-2010-11, li ħa approċċ ibbażat fuq tibdil fl-imġieba li tolqot is-saħħa, flimkien ma' metodi ta' riċerka bbażati fuq azzjoni parteċipattiva biex tiġi identifikata mġieba partikolari u attitudnijiet li jikkontribwixxu għall-MĠF fl-UE. Hija se tapplika r-riżultati u l-approċċ REPLACE u tfassal strateġiji ġodda għall-bidla f’dawn il-komunitajiet. L-attivitajiet jinkludu l-applikazzjoni tal-approċċ REPLACE u sett ta' għodda lill-komunitajiet li jipprattikaw l-MĠF f’pajjiżi oħra tal-UE permezz ta’ workshops ibbażati fil-komunità biex jiġi identifikat dak li jiffaċilita u dak li jostakola t-tibdil. (EUR 535,000)

Anness 2: Għadd stmat ta' nisa li huma vittmi, vittmi potenzjali, u bniet fir-riskju tal-MĠF (fejn l-istudji huma disponibbli)

Pajjiż

Dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali kontra l-MĠF

Għadd stmat tan-nisa b'MĠF (data tal-istudju)

Għadd stmat ta’ bniet fir-riskju tal-MĠF

Għadd stmat ta’ nisa minn reġjuni affettwati mill-MĠF li jgħixu fl-UE (fejn m’hemmx disponibbli dejta speċifika tal-MĠF)

Il-Belġju

Speċifiku

6,260 (2011)

1,975

Il-Bulgarija

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

Ir-Repubblika Ċeka

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

Id-Danimarka

Speċifiku

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

15,116

Il-Ġermanja

Ġenerali

19,000 (2007)

4,000

L-Estonja

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

L-Irlanda

Speċifiku

3,170 (2011)

Ebda dejta disponibbli

Il-Greċja

Ġenerali

1,239 (2006)

Ebda dejta disponibbli

Spanja

Speċifiku

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

30,439

Franza

Ġenerali

61,000 (2007)

Ebda dejta disponibbli

L-Italja

Speċifiku

35,000 (2009)

1,000

Ċipru

Speċifiku

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

1,500

Il-Latvja

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

Il-Litwanja

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

Il-Lussemburgu

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

L-Ungerija

Ġenerali

170-350 (2012)

Ebda dejta disponibbli

Malta

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Ġenerali

29,210 (2013)

40-50 kull sena

L-Awstrija

Speċifiku

8,000 (2000)

Ebda dejta disponibbli

Il-Polonja

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

Il-Portugall

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

9,263

Ir-Rumanija

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

Is-Slovenja

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

Is-Slovakja

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

Il-Finlandja

Ġenerali

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

4,400

L-Iżvezja

Speċifiku

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

91,420

Ir-Renju Unit

Ġenerali

65,790 (2007)

30,000

Il-Kroazja

Speċifiku

Ebda dejta disponibbli

Ebda dejta disponibbli

Sors: EIGE: Il-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea u l-Kroazja, ħlief mill-Pajjiżi l-Baxxi: Marja Exterkate - Il-mutilazzjoni ġenitali femminili fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-prevalenza, l-inċidenza u d-determinanti (2013)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website