Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Novembru 2013

Il-moviment liberu tal-persuni: ħames azzjonijiet ta' ġid għaċ-ċittadini, għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-UE

F'dokument ta' politika li għadha kif adottat il-Kummissjoni Ewropea, qed issir enfasi fuq ir-responsabbiltà konġunta tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu u jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-UE. Sabiex jappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jagħmlu dan, id-dokument tal-Kummissjoni jiddeskrivi ħames azzjonijiet konkreti biex jissaħħaħ id-dritt għall-moviment liberu, filwaqt li jgħin lill-Istati Membri biex jaħsdu l-benefiċċji pożittivi li dan iġib miegħu. Id-dokument ta’ politika jiċċara d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għal moviment liberu u aċċess għall-benefiċċji soċjali, u jindirizza t-tħassib li qajmu xi Stati Membri b’rabta mal-isfidi li l-flussi migratorji jistgħu jirrappreżentaw għall-awtoritajiet lokali.

“Id-dritt għal moviment liberu huwa dritt fundamentali u dan jolqot il-qalba taċ-ċittadinanza tal-UE. Aktar minn żewġ terzi tal-Ewropej jgħidu li l-moviment liberu huwa ta’ benefiċċju għal pajjiżhom. Jeħtieġ li nsaħħuh u nissalvagwardjawh," qalet Viviane Reding, il-Viċi-President u l-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE. “Ninsab konxja dwar it-tħassib ta’ xi Stati Membri rigward l-abbużi potenzjali relatati mal-flussi tal-mobilità. L-abbuż idgħajjef il-moviment liberu. Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda hemm biex tagħti daqqa t’id lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn l-isfidi. Għalhekk illum il-Kummissjoni ressqet ħames azzjonijiet li se jgħinu lill-Istati Membri jittrattaw każijiet ta’ abbuż potenzjali u jużaw, b'mod aktar effettiv, il-flus tal-UE għall-inklużjoni soċjali. Ejja naħdmu flimkien biex nissalvagwardjaw id-dritt għal moviment liberu. Iċ-ċittadini Ewropej jafdaw f'dan.”

László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal: "Il-Kummissjoni hi impenjata li tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jeżerċitaw fil-prattika d-drittijiet tagħhom li jaħdmu u jgħixu f'kull pajjiż tal-UE. L-Istati Membri u l-UE għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw li regoli dwar il-moviment liberu jkomplu jimmassimizzaw il-benefiċċji għaċ-ċittadini tagħna u għall-ekonomiji tagħna. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jistgħu jinħolqu problemi lokali minħabba l-fluss kbir u f'daqqa ta' persuni minn pajjiżi oħra tal-UE lejn żona ġeografika partikolari. Pereżempju, dawn jistgħu joħolqu pressjoni fuq l-edukazzjoni, id-djar u l-infrastruttura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni lesta li taħdem mal-Istati Membri u tgħin lill-awtoritajiet muniċipali u oħrajn biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew kollu kemm hu.”

B'aktar minn 14-il miljun ċittadin fl-UE residenti fi Stat Membru ieħor, il-moviment liberu – jew il-possibbiltà li wieħed jgħix, jaħdem u jistudja fejn irid fl-Unjoni – huwa l-aktar dritt tal-UE imħaddan mill-Ewropej. Il-ħaddiema tal-UE ilhom jibbenefikaw minn dan id-dritt sa mill-ħolqien tal-Unjoni Ewropea u dan il-prinċipju tnaqqax fl-ewwel Trattat Ewropew ta’ Ruma fl-1957.

Il-moviment liberu taċ-ċittadini huwa wkoll komponent ewlieni tas-Suq Uniku kif ukoll il-qofol tas-suċċess tiegħu: dan jistimola t-tkabbir ekonomiku għax permezz tiegħu l-persuni jistgħu jivvjaġġaw, jixtru u jaħdmu lil hinn mill-fruniteri nazzjonali u l-kumpaniji jistgħu jimpjegaw minn fost riżerva akbar ta' talent. Il-mobilità tal-forza tax-xogħol bejn l-Istati Membri tikkontribwixxi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u l-impjiegi fid-dawl ta’ żbilanċi sinifikanti fis-swieq tax-xogħol tal-UE u tixjiħ tal-popolazzjoni.

Fl-aħħar nett, ir-regoli dwar il-moviment liberu jinkludu serje ta' salvagwardji li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprevjenu l-abbużi.

Il-Komunikazzjoni tal-lum tanalizza l-impatt taċ-ċittadini mobbli tal-UE fuq is-sistemi ta' protezzjoni soċjali tal-Istati Membri ospitanti. L-evidenza fattwali tindika bi kbir li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor jagħmlu dan minħabba raġunijiet ta' xogħol. Hemm aktar ċans li dawn ikunu ekonomikament attivi miċ-ċittadini stess tal-pajjiż u inqas ċans li dawn jitolbu l-benefiċċji soċjali. Fil-fatt, il-perċentwal ta’ ċittadini mobbli tal-UE li jirċievu l-benefiċċji huwa relattivament baxx, meta mqabbel maċ-ċittadini stess tal-Istati Membri u mal-persuni li mhumiex ċittadini tal-UE (l-Anness 3). Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ċ-ċittadini mobbli tal-UE huma l-kontributuri netti tas-sistema ta’ protezzjoni soċjali tal-pajjiż ospitanti.

Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi li ċ-ċittadini tal-UE għandhom skont il-liġi tal-UE. Din tiċċara l-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini jridu jissodisfaw sabiex ikunu intitolati għall-moviment liberu, għall-assistenza soċjali u għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Filwaqt li tqis l-isfidi li nħolqu f’xi Stati Membri, din tispjega wkoll is-salvagwardji mill-abbuż, il-frodi u l-iżbalji. Din tagħti ħarsa wkoll lejn l-istrumenti tal-inklużjoni soċjali disponibbli għall-Istati Membri u l-komunitajiet lokali li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet partikolari marbuta mal-fluss ta’ ċittadini mobbli tal-UE.

Sabiex tindirizza t-tħassib f’xi Stati Membri tal-UE dwar l-implimentazzjoni fil-prattika tar-regoli dwar il-moviment liberu, il-Kummissjoni tistabbilixxi ħames azzjonijiet biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali:

  1. Jiġġieldu ż-żwiġijiet ta’ konvenjenza: Il-Kummissjoni se tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jimplimentaw ir-regoli tal-UE li permezz tagħhom jistgħu jiġġieldu l-abbużi potenzjali tad-dritt għall-moviment liberu, billi tħejji Manwal dwar kif jiġu indirizzati ż-żwiġijiet ta' konvenjenza.

  2. Japplikaw ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali: Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tikkjarifika "t-test ta' residenza abitwali" użat fir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (Ir-Regolament 883/2004/KE) fi gwida prattika li se tiġi prodotta sa tmiem l-2013. Il-kriterji stretti ta' dan it-test jiżguraw li ċ-ċittadini li mhumiex qed jaħdmu jista' biss ikollhom aċċess għas-sigurtà soċjali fi Stat Membru ieħor ladarba jkunu ttrasferew ġenwinament iċ-ċentru tal-interessi tagħhom lejn dak l-Istat (pereżempju l-familja tagħhom tinsab hemmhekk).

  3. Jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-inklużjoni soċjali: Jgħinu lill-Istati Membri jkomplu jużaw il-Fond Soċjali Ewropew biex jindirizzaw l-inklużjoni soċjali: Mill-1 ta' Jannar 2014, mill-inqas 20% tal-fondi tal-FSE għandhom jintefqu biex titħeġġeġ l-inklużjoni soċjali u jiġi miġġieled il-faqar f'kull Stat Membru.

  1. Jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prassi fost l-awtoritajiet lokali: Il-Kummissjoni se tgħin lill-awtoritajiet lokali jaqsmu l-għarfien żviluppat mal-Ewropa kollha, biex jindirizzaw aħjar l-isfidi marbuta mal-inklużjoni soċjali. Sa tmiem l-2013, il-Kummissjoni se tipproduċi studju biex jevalwa l-impatt tal-moviment liberu f'sitt bliet ewlenin. Fi Frar 2014, se tistieden lis-sindki biex jiddiskutu l-isfidi u jaqsmu flimkien l-aħjar prassi.

  2. Jiżguraw l-applikazzjoni fil-prattika ta’ regoli tal-UE dwar il-moviment liberu: sa tmiem l-2014, il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, modulu ta' taħriġ onlajn biex tgħin lill-persunal tal-awtoritajiet lokali jifhem kompletament u japplika d-drittijiet għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE. Illum, 47% taċ-ċittadini tal-UE jgħidu li l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom meta jmorru jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE huma dovuti għall-fatt li l-uffiċjali fl-amministrazzjonijiet lokali ma jkunux familjari biżżejjed mad-drittijiet għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE.

Sfond

Għoxrin sena ilu, it-Trattat ta’ Maastricht estenda d-dritt tal-moviment liberu għaċ-ċittadini kollha tal-UE, irrispettivament minn jekk humiex ekonomikament attivi jew le. Ir-regoli u l-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-moviment liberu u għar-residenza huma stabbiliti fid-Direttiva li ntlaħaq ftehim dwarha mill-Istati Membri fl-2004 (2004/38/EC).

Għal 56% taċ-ċittadini Ewropej, il-moviment liberu huwa l-aktar kisba pożittiva tal-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, kulma jmur aktar Ewropej qegħdin igawdu dan id-dritt u qegħdin jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE: fi tmiem l-2012, 14.1 miljun ċittadin kienu qed jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex pajjiżhom. Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru, aktar minn żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej (67%) iqisu li l-moviment liberu tal-persuni fl-UE joħloq benefiċċji ekonomiċi għal pajjiżhom (ara l-Anness 1).

Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jgħix f’pajjiż ieħor tal-UE sa tliet xhur mingħajr ebda kundizzjoni jew formalità. Id-dritt ta’ residenza għal aktar minn tliet xhur jiddependi minn ċerti kundizzjonijiet, skont l-istatus individwali fil-pajjiż ospitanti tal-UE (ara MEMO/13/1041 għal aktar dettalji).

For more information

European Commission – EU free movement :http://ec.europa.eu/justice/citizen/move-live/index_en.htm

Free movement of workers:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=2006&furtherNews=yes

Homepage of Viviane Reding, Vice-President of the European Commission and EU Justice Commissioner: http://ec.europa.eu/reding

Follow the Vice-President on Twitter: @VivianeRedingEU

László Andor's website: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Follow László Andor on Twitter: http://twitter.com/LaszloAndorEU

Follow EU Justice on Twitter: @EU_Justice

Subscribe to the European Commission's free e-mail newsletter on employment, social affairs and inclusion: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)

Annex

Annex 1: Public perception about free movement

Source, Flash Eurobarometer 365 on 'European Union Citizenship', p44

Annex 2: EU mobile citizens are more likely to be economically active than Member States' own nationals

The chart is sorted according to the number of working-age (15-64) mobile EU citizens residing in the country.

Source: Eurostat, EU Labour Force Survey (table lfsa_argan). Note: only the main destination countries of mobile EU citizens are shown in the chart. These 17 Member States account for 99 % of the mobile EU citizens in 2012.

Annex 3: The effect of mobile EU citizens on the social system in 13 Member States

Data provided by the Member States themselves.

Annex 4: Allocation of EU Funding from the European Social Fund 2007-2013

* Cumulative interim payments by the Commission to Member States, based on certified expenditure. Actual implementation rate may be significantly higher.

**Budget allocated to priorities "Increasing migrants' participation in employment" and "Integrating disadvantaged people into employment".


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website