Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta' Frar 2013

Liema inizjattiva se tixpruna l-aktar l-intraprenditorija?

L-intraprenditorija hija l-aktar xprun qawwi għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Iżda liema inizjattiva fl-Ewropa hija l-aktar kreattiva u l-aktar effikaċi fis-sostenn għall-ħolqien tan-negozji u ta' impjiegi ġodda? Sabiex issib it-tweġiba għal din il-mistoqsija, il-Kummissjoni Ewropea llum nediet il-Premju Ewropew għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi (EEPA) tal-2013. Il-premjijiet jirrikonoxxu l-aqwa inizjattivi pubbliċi u sħubijiet pubbliċi u privati fil-promozzjoni tal-iżvilupp tan-negozju u tal-intraprenditorija. Din is-sena, żdiedet kategorija ġdida li tippremja l-proġetti ta' suċċess li jikkontribwixxu għall-ekonomija ekoloġika.

L-SMEs għandhom potenzjal ta' ħolqien tal-impjiegi ekwivalenti għal 85 % tal-impjiegi ġodda kollha. 37 % tal-Ewropej kollha jixtiequ jaħdmu għal rashom kieku jistgħu. Iż-żgħażagħ huma saħansitra aktar ispirati mill-intraprenditorija: 45 % fost dawk li għandhom bejn il-15 u l-24 sena jqisuha bħala għażla ta’ karriera realistika. Li kieku jiġi vvalorizzat dan il-potenzjal, mal-20.8 miljun intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SMEs) li hemm bħalissa fl-UE jkunu jistgħu jiżdiedu miljuni ta’ negozji ġodda. L-EEPA beħsiebu jillibera dan il-potenzjal billi jirrikonoxxi l-inizjattivi ta' suċċess f'dan il-qasam.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, Antonio Tajani, qal: "Kollha kemm aħna nistgħu nitgħallmu minn dawn l-istejjer ta' suċċess dwar kif nistgħu noħolqu aktar impjiegi u nsostnu l-irkupru tal-ekonomija Ewropea. Il-miraklu ekonomiku fl-Ewropa ta’ wara l-gwerra kien imsejjes fuq l-intraprenditorija u d-deċiżjonijiet kuraġġużi meħuda minn personalitajiet intraprenditorjali. Jekk irridu nistimolaw it-tkabbir fl-Ewropa, minbarra li nsostnu l-iżvilupp tan-negozji eżistenti, għandna niffokaw ukoll fuq oħrajn ġodda. Il-premjijiet għall-intrapriżi se jgħinu biex jiżguraw li l-potenzjal intraprenditorjali enormi tal-Ewropa jkun jista' jiġi sfruttat b'mod sħiħ."

Għal aktar informazzjoni dwar il-Premju Ewropew għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi, żur is-sit website, segwi l-Premjijiet fuq Twitter fuq is-sit English, French, Spanish, Italian jew German jew żur is-sit uffiċjali tal-Premjijiet fuq Facebook page.

Għal studji ta' każijiet, jekk jogħġbok ara r-rebbieħa tas-sena l-oħra fuq national u European.

Watch a video of 2012 grand prize winner, Outset

More information on all of the 2012 winners

Entrepreneurship Action Plan 2020

Wanted: More women entrepreneurs to create growth and jobs

The Small Business Act

Is-sitt kategoriji tal-premju huma:

  • Is-sostenn tal-iżvilupp ta’ swieq ekoloġiċi u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi

  • Il-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali

  • L-investiment fil-ħiliet

  • It-titjib fl-ambjent tan-negozju

  • Is-sostenn tal-internazzjonalizzazzjoni tan-negozji

  • L-intraprenditorija responsabbli u inklussiva.

Il-kategorija l-ġdida maħsuba biex issostni t-tkabbir sostenibbli se tkun miftuħa għal proġetti li jappoġġjaw l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-aċċess tal-SMEs għal swieq ekoloġiċi.

Kif tipparteċipa

Il-kompetizzjoni għandha żewġ stadji; l-applikanti jridu l-ewwel jikkompetu fil-livell nazzjonali, u mbagħad ikunu eliġibbli li jikkompetu fil-livell Ewropew. Għall-kompetizzjoni nazzjonali, kull pajjiż se jagħżel, sa Ġunju 2013, żewġ kandidaturi biex jinħatru għall-kompetizzjoni Ewropea.

Lista ta' dawk innominati se tintgħażel mill-ġurija Ewropea. Dawk kollha nnominati mill-kompetizzjonijiet nazzjonali u Ewropej se jkunu mistiedna jattendu ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, li tirrikonoxxi lir-rebbieħa għall-isforzi tagħhom u tagħtihom l-opportunità li jippreżentaw lilhom infushom f'ambjent pan-Ewropew. Ir-rebbieħa se jirċievu l-premjijiet tagħhom waqt ċerimonja li se ssir bejn il-25 u s-27 ta' Novembru f'Vilnius, il-Litwanja, fl-okkażjoni tal-Assemblea tal-2013 tal-SMEs.

Sfond

Il-Premju Ewropew għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi ilu mill-2006 jirrikonoxxi l-eċċellenza fil-promozzjoni tal-intraprenditorija u tan-negozji żgħar fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Minn mindu tnieda l-premju, ġew ippreżentati aktar minn 2 000 proġett, li flimkien appoġġjaw il-ħolqien ta' aktar minn 10 000 kumpanija ġdida. L-għanijiet tal-Premju huma li jidentifika u jirrikonoxxi l-attivitajiet u l-inizjattivi ta' suċċess imwettqa biex jippromwovu l-intrapriża u l-intraprenditorija, li juri u jaqsam eżempji tal-aqwa politiki u prattiki tal-intraprenditorija, li joħloq kuxjenza akbar tar-rwol li għandhom l-intraprendituri fis-soċjetà Ewropea u li jħeġġeġ u jispira lill-intraprendituri potenzjali.

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site