Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni se tniedi osservatorju bijoeconomiku

Commission Européenne - IP/13/113   14/02/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 14 ta' Frar 2013

Il-Kummissjoni se tniedi osservatorju bijoeconomiku

Illum il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza Máire Geoghegan-Quinn ħabbret li l-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi osservatorju biex iżomm kont tal-progress u tkejjel l-impatt tal-iżvilupp tal-bijoekonomija tal-Unjoni Ewropea. L-osservatorju se jiġbor dejta biex isegwi l-evoluzzjoni tas-swieq, iżomm kont tal-politiki bijoekonomiċi tal-UE, dawk nazzjonali u reġjonali, tal-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, u d-daqs tal-investimenti pubbliċi u privati marbuta magħhom. L-osservatorju se jkun kkoordinata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, is-servizz xjentifiku intern tal-Kummissjoni.

Il-Kummisarju Geoghegan-Quinn qalet: "Għaddiet sena mindu nedejna l-istrateġija bijoekonomika tagħna. Issa qed naraw l-Istati Membri jaħtfu l-opportunità mogħtija mit-tranżizzjoni lejn ekonomija post-petroleum ibbażata fuq użu intelliġenti ta’ riżorsi mill-art u l-baħar. Huwa essenzjali li jagħmlu dan peress li se jkun tajjeb għall-ambjent tagħna, l-ikel u s-sigurtà tal-enerġija tagħna, u għall-kompetittività tal-Ewropa fil-ġejjieni. Dan l-osservatorju se jgħin biex jinżamm ir-ritmu."

L-osservatorju, li huwa proġett ta’ tliet snin, se jibda f'Marzu 2013 bil-għan li d-dejta miġbura tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta' portal web apposta fl-2014. B’dan il-mod, l-osservatorju se jappoġġa l-istrateġiji reġjonali u nazzjonali bijoekonomiċi li qed jiġu żviluppati attwalment mill-Istati Membri tal-UE.

Barra milli jipprovdi dejta dwar id-daqs tal-bijoekonomija u t-taqsimiet kostitwenti tagħha l-Osservatorju għandu jżomm kont ta’ għadd ta’ miżuri ta’ prestazzjoni, inklużi indikaturi ekonomiċi u tal-impjiegi, indikaturi tal-innovazzjoni, u miżuri ta’ produttività, benessri soċjali u kwalità ambjentali. Se jipprovdi wkoll “sorveljanza tat-teknoloġija” u “sorveljanza ta’ politiki”, biex isegwi l-iżvilupp tax-xjenza u t-teknoloġija kif ukoll ta’ politiki marbuta mal-bijoekonomija.

Il-bijoekonomija fl-Ewropa huwa stmat li diġà tiswa EUR 2 triljuni u 22 miljun impjieg. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra sħubija pubblika-privata ġdida dwar industriji bbażati fuq il-bijoteknoloġija biex tħaffef l-iżvilupp tas-settur. Mistennija deċiżjoni f’Ġunju 2013.

Il-kummissarju ħabbret dan waqt konferenza bijoekonomika f’Dublin organizzata mill-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

L-isfond

It-terminu “Bijoekonomija” ifisser ekonomija bbażata fuq użu intelliġenti tar-riżorsi bijoloġiċi u rinnovabbli mill-art u mill-baħar bħala mezzi ta’ produzzjoni tal-ikel u tal-għalf, industrijali u tal-enerġija. Dan it-terminu jkopri wkoll l-użu tal-bijoskart, u ta’ proċessi bbażati fuq il-bijoloġija għal industriji sostenibbli.

l-Istrateġija Bijoekonomika tal-UE , adottata fit-13 ta’ Frar 2012, għandha tliet pilastri ewlenin:

1) L-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-ħiliet għall-bijoekonomija. Dan għandu jinkludi finanzjament mill-UE, finanzjament nazzjonali, finanzjament privat u t-titjib tas-sinerġiji b’inizjattivi oħrajn ta’ politika.

2) L-iżvilupp tas-swieq u l-kompetittività fis-setturi tal-bijoekonomija permezz ta’ intensifikazzjoni sostenibbli tal-produzzjoni primarja, il-konverżjoni ta’ flussi ta’ skart fi prodotti b’valur miżjud, kif ukoll mekkaniżmi ta’ tagħlim reċiproku għal titjib fl-effiċjenza tal-produzzjoni u r-riżorsi. Bħala eżempju, l-iskart tal-ikel jiswa lill-Ewropej li jħallsu t-taxxi bejn EUR 55 u EUR 90 kull tunnellata, u jipproduċi 170 miljun tunnellata ta' CO. Dan l-iskart jista’ jiġi trasformat f’bijoenerġija jew prodotti oħrajn b’bażi bijoloġika, b’ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir.

3) Il-koordinazzjoni msaħħa tal-politika u l-involviment tal-partijiet interessati, permezz tal-ħolqien ta' Panil tal-Bijoekonomija, Osservatorju tal-Bijoekonomija u Konferenzi għall-Partijiet Interessati fuq bażi regolari.

L-istrateġija tfittex li toħloq sinerġiji u komplimentaritajiet ma' oqsma politiċi oħrajn, strumenti u sorsi ta' finanzjament li jikkondividu u jindirizzaw l-istess għanijiet, bħall-Fondi ta’ Koeżjoni, il-Politika Agrikola Komuni u dik tas-Sajd (PAK u PKS), il-Politika Marittima Integrata (PMI), u l-politiki ambjentali u industrijali kif ukoll dawk dwar l-impjiegi, l-enerġija u s-saħħa.

L-istrateġija hija waħda mill-proposti operattivi fil-qafas tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi, inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-bijoekonomija ġiet rikonoxxuta fil-programm futur tar-riċerka tal-Kummissjoni Orizzont 2020: ġew proposti EUR 4.7 biljuni għall-Isfida “Sigurtà tal-ikel, agrikoltura sostenibbli, riċerka tal-baħar u marittima, u l-bijoekonomija", b'finanzjament komplementari f'oqsma oħrajn tal-programm Orizzont 2020.

Għal aktar informazzjoni IP/12/124

Orizzont 2020: www.ec.europa.eu/research/horizon2020

Unjoni tal-Innovazzjoni: http://ec.europa.eu/innovation-union

Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi:

http://ec.europa.eu/resource-efficient-europe/index_mt.htm

Ewropa 2020 http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm

Ċentru Konġunt tar-Riċerka http://ec.europa.eu/dgs/jrc/index.cfm

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site