Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Novembru 2013

Sebgħa minn kull għaxar ċittadini tal-UE jgħidu li l-għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija ta' benefiċċju għalihom ukoll

Il-ġlieda kontra l-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea, skont 66 % taċ-ċittadini tal-UE. Sebgħa minn kull għaxar persuni (69 %) jemmnu li l-għajnuna lil dawn il-pajjiżi hija ta' benefiċċju wkoll għall-UE, biex b'hekk jibbenefikaw iċ-ċittadini tagħha. Dawn huma xi riżultati ewlenin minn stħarriġ tal-Eurobarometer li għandu jiġi ppubblikat illum waqt il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp fi Brussell (is-26 u s-27 ta’ Novembru).

Minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi, aktar ċittadini tal-UE issa huma lesti li jħallsu aktar għall-merċa u l-prodotti li jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw (48 % ta’ dawk li wieġbu, li jirrappreżentaw żieda ta’ 4 punti perċentwali mill-2012 'il hawn). Sadanittant, 83 % ta' dawk li wieġbu jaħsbu li huwa importanti li tingħata għajnuna lin-nies f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u 61 % huma tal-fehma li l-għajnuna għandha tiżdied.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, ikkummenta: “Ninsab mħeġġeġ meta nara li ħafna ċittadini tal-UE huma favur is-solidarjetà globali u jemmnu li flimkien nistgħu nagħmlu differenza reali biex negħlbu l-faqar. Għandna sfidi importanti quddiemna, biex niżguraw il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju u nagħmlu mod li l-faqar isir biss parti mill-passat. Biex nimxu 'l quddiem jeħtieġ li lkoll naħdmu flimkien — il-komunità globali għandha taqbel fuq aġenda konġunta ambizzjuża għall-qerda tal-faqar u għall-iżvilupp sostenibbli. L-istħarriġ tal-lum għandu messaġġ ċar: L-Ewropej huma lesti li jaqdu r-rwol tagħhom f’dan.”

Iċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li l-politika futura għall-iżvilupp għandha tiffoka fuq l-impjiegi (44 % ta’ dawk li wieġbu), is-saħħa (33 %), it-tkabbir ekonomiku (31 %) u l-edukazzjoni (30 %).

L-Ewrobarometru Speċjali “L-Għajnuna tal-UE għall-Iżvilupp u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju” għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissarju Piebalgs waqt il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp (EDDs). L-avveniment qed jiġbor flimkien il-Kapijiet tal-Istat u dawk tal-Gvern mill-Afrika mal-istituzzjonijiet tal-UE, il-Ministri tal-UE, ir-rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet tan-NU, is-soċjetà ċivili, l-akkademiċi u s-settur privat. Id-diskussjonijiet jiffukaw fuq l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u l-ħtieġa ta’ pożizzjoni Ewropea b’saħħitha biex jiġu indirizzati l-faqar globali u l-iżvilupp sostenibbli wara l-2015.  Dan l-avveniment jipprovdi opportunità unika għall-partijiet interessati, id-donaturi u l-atturi ewlenin fl-iżvilupp biex jingħaqdu flimkien biex jikkontribwixxu għall-viżjoni tal-UE għall-iżvilupp, wara l-2015.

Xejriet ewlenin tal-UE

L-impenn personali għall-iżvilupp qed jikber. L-għadd ta' Ewropej li huma lesti li jħallsu aktar għall-merċa u l-prodotti li jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa ta' 48 %, żieda ta’ 4 punti perċentwali mill-2012. Żidiet kbar jistgħu jinstabu f’xi pajjiżi li kienu milquta sew mill-kriżi ekonomika: l-Irlanda (47 %, + 12), il-Latvja (27 %, + 8) u Spanja (+ 7).

L-appoġġ għall-iżvilupp u l-għajnuna għadu għoli. Minn dawk li rrispondew, 83 % jaħsbu li huwa importanti li jkunu mgħejuna l-persuni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, meta mqabbla ma’ 85 % s-sena l-oħra. B’kuntrast, l-għadd ta’ persuni li huma favur li l-UE żżid l-għajnuna tagħha jibqa’ stabbli, b'61 %.

Iż-żgħażagħ huma partikolarment imħassba b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp u huma impenjati li jsolvuhom. Iż-żagħżagħ, b'mod partikolari, jaħsbu li huma jista’ jkollhom rwol bħala individwi fil-ġlieda kontra l-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Filwaqt li 61 % minn dawk bejn il-15 u l-24 sena jemmnu f'dan, 45 % biss tal-persuni li għandhom 55 jew aktar huma tal-istess opinjoni.

Fost il-persuni bejn il-15 u l-24 sena, 53 % huma lesti li jħallsu aktar għall-prodotti jekk dan jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, meta mqabbla ma’ 45 % minn dawk li wieġbu li għandhom 55 sena jew aktar. Il-persuni li wieġbu li huma iżgħar fl-età għandhom ukoll aktar tendenza li jaħsbu li l-ġlieda kontra l-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE u tal-gvern nazzjonali tagħhom.

Il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp se jagħtu l-possibbiltà lil għadd ta’ ambaxxaturi żagħżagħ min-naħat kollha tal-Unjoni Ewropea u tad-dinja li se jkunu mistiedna jaffrontaw lill-membri tal-bord tal-avveniment b'mistoqsijiet.

Aktar riżultati tal-Ewrobarometru Speċjali

Filwaqt li ħafna minn dawk li wieġbu (66 %) jaħsbu li l-ġlieda kontra l-faqar fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea, huma biss 48 % li jaħsbu li għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-gvern nazzjonali tagħhom stess.

Għadd żgħir biss ta’ dawk li wieġbu (6 %) semgħu jew qraw dwar l-MDGs u jafu x’inhuma. Meta jingħataw lista ta’ MDGs, l-Ewropej jemmnu li dawk l-aktar diffiċli biex jinkisbu matul l-għaxar snin li ġejjin huma l-eliminazzjoni tal-faqar, il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-twaqqif tat-tixrid tal-HIV/AIDS.

Madwar wieħed minn kull għaxra (12 %) li wieġbu jistmaw b’mod korrett l-għadd ta’ persuni fid-dinja li jgħixu fuq anqas minn $1 kuljum (bejn 500 u 1 biljun).

Għal aktar tagħrif

L-Ewrobarometru Speċjali, inklużi l-skedi informattivi speċifiċi għal kull pajjiż għall-Istati Membri kollha tal-UE jinsabu fis-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_419_400_en.htm#405

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Il-websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Il-websajt tal-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp:

http://eudevdays.eu/

SPEECH/13/980: A vision for the post-2015 Agenda

Kuntatti:

Alexandre Polack (+32 2 299 06 77)

Maria Sanchez Aponte (+32 2 298 10 35)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website