Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta' Novembru 2013

It-theddidiet onlajn: stħarriġ juri l-impatt taċ-ċiberkriminalità

L-utenti tal-Internet fl-UE huma mħassbin ħafna dwar iċ-ċibersigurtà, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat illum. 76 % jaqblu li r-riskju li wieħed isir vittma taċ-ċiberkriminalità żdied fl-aħħar sena, ftit aktar minn studju simili li kien sar fl-2012. 12 % tal-utenti tal-internet diġà kellhom il-midja soċjali jew il-kont tal-email tagħhom ippiratati.

Filwaqt li 70 % tal-utenti tal-internet madwar l-UE huma kunfidenti dwar il-kapaċità tagħhom li jużaw l-internet biex jixtru jew jagħmlu servizz bankarju onlajn, madwar 50 % biss jagħżlu li jagħmlu dan fil-fatt. Dan id-distakk sinifikanti juri l-impatt negattiv taċ-ċiberkriminalità fuq is-suq uniku diġitali: iż-żewġ kwistjonijiet ewlenin ta' tħassib dwar attivitajiet bħal dawn onlajn relatati mal-użu ħażin tad-dejta personali (imsemmi minn 37 %) u s-sigurtà tal-ħlasijiet onlajn (35%)

“Dan l-istħarriġ juri l-impatt distruttiv li ċ-ċiberkriminalità għandu fuq l-użu tal-internet — ħafna nies jagħżlu li ma jisfruttawx il-vantaġġ sħiħ tal-possibilitajiet kollha li l-internet iġib miegħu. Dan ifixkel kemm l-ekonomija diġitali tagħna kif ukoll il-ħajja tagħna onlajn. Għandna bżonn insaħħu l-kooperazzjoni Ewropea, waqt li nibnu fuq il-ħidma taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, biex naslu sal-għeruq tal-kriminalità organizzata onlajn," qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

Huwa inkoraġġanti l-fatt li, iktar ċittadini tal-UE jħossuhom infurmati tajjeb dwar ir-riskji taċ-ċiberkriminalità meta mqabbla mal-2012 (44 % - minn 38 %). Madankollu, jidher li mhux dejjem jiġbdu l-konsegwenzi kollha meħtieġa minn dik l-informazzjoni. Pereżempju, anqas minn nofs l-utenti tal-internet bidlu xi waħda mill-passwords tagħhom onlajn matul l-aħħar sena (48 % - kemxejn aħjar minn 45 % fl-2012).

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru jkopri aktar minn 27 000 persuna fl-Istati Membri kollha, u juri wkoll li:

87 % minn dawk li wieġbu jevitaw li jiżvelaw informazzjoni personali onlajn (ftit inqas minn 89 % fl-2012).

Maġġoranza għadhom ma jħossuhomx infurmati biżżejjed dwar ir-riskji taċ-ċiberkriminalità (52 % meta mqabbla ma’ 59 % fl-2012).

7 % kienu vittmi ta’ frodi bil-karta tal-kreditu jew ta' frodi bankarju onlajn.

Kien hemm żieda sinifikanti fl-għadd ta' utenti li jaċċessaw l-internet permezz ta' smartphone (35 %, li tela' minn 24 % fis-sena li għaddiet) jew ta' tablet computer (14 %, li tela' minn 6 %).

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex issaħħaħ ir-rispons globali tal-UE għaċ-ċiberkriminalità u biex tikkontribwixxi għat-titjib taċ-ċibersigurtà għaċ-ċittadini.

Iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) li tnieda f'Jannar qed jaħdem lejn rispons kollettiv tal-UE għat-theddidiet miċ-ċiberkriminalità (IP/13/13). L-għajnuna lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi mill-Istati Membri u lil hinn flimkien mal-kooperazzjoni magħhom huma prijorità ċentrali tal-EC3.

Fi Frar, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz ta’ Azzjoni Esterna, adottat ukoll Strateġija għaċ-Ċibersigurtà għall-Unjoni Ewropea (IP/13/94 and MEMO/13/71). Il-prijoritajiet f’dan il-qasam jinkludu l-għajnuna lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw u jindirizzaw in-nuqqasijiet tagħhom fil-kapaċità għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, kif ukoll it-trawwim ta’ kooperazzjoni bejn l-EC3, l-Istati Membri u atturi oħra.

Barra minn hekk, f’Awwissu, l-UE adottat regoli ġodda li jagħtu spinta lid-difiżi tal-Ewropa kontra l-attakki ċibernetiċi li jinkludu l-kriminalizzazzjoni ta’ “botnets”, jiġifieri netwerks ta’ kompjuters infettati li s-setgħa ta' pproċessar tagħhom tiġi sfruttata għal attakki ċibernetiċi, u għodod oħrajn użati miċ-ċiberkriminali (MEMO/13/661). Dan jintroduċi wkoll ċirkostanzi aggravanti ġodda u sanzjonijiet kriminali ogħla, sabiex b’mod effettiv jiġu evitati l-attakki fuq skala kbira kontra s-sistemi tal-informazzjoni. Barra minn hekk, id-Direttiva ttejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-ġudikatura u l-pulizija tal-Istati Membri tal-UE.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar bejn Mejju u Ġunju ta’ din is-sena.

Links Utli

L-Ewrobarometru 2013 dwar iċ-ċibersigurtà

L-istħarriġ 2012

Il-websajtta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajttad-DĠ tal-Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ tal-Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website