Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Prodotti aktar siguri u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern

Commission Européenne - IP/13/111   13/02/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta' Frar 2013

Prodotti aktar siguri u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern

Illum il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda li jtejbu s-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur li qed jiċċirkolaw fis-Suq Uniku u li jsaħħu s-sorveljanza tas-suq li jikkonċernaw il-prodotti kollha li mhumiex għall-ikel, inkluż dawk importati minn terzi pajjiżi. Dan se jgħin biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għan-negozji. Prodotti li mhumiex siguri ma għandhomx jaslu għand il-konsumaturi jew utenti oħra, u jekk intejbu l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tagħhom inkunu mxejna pass kbir ’il quddiem li jgħinna nneħħuhom malajr mis-suq. Ladarba jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, ir-regoli l-ġodda se jiġu infurzati mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq nazzjonali fl-Istati Membri li se jibbenefikaw minn kooperazzjoni u għodod imsaħħa biex iwettqu l-kontrolli.

Iż-żewġ proposti leġiżlattivi huma kkumplimentati minn pjan multiannwali għas-sorveljanza tas-suq li jistabbilixxi 20 azzjoni konkreta biex tittejjeb is-sorveljanza tas-suq, li għandhom jibdew jiġu implimentati minn issa sal-2015, fil-qafas regolatorju attwali u sakemm ir-regoli l-ġodda jidħlu fis-seħħ.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: “Jekk irridu nibbenefikaw b’mod sħiħ mis-suq uniku, neħtieġu sett ta' regoli ta' kwalità għolja dwar is-sigurtà tal-prodotti u sistema ta' implimentazzjoni effettiva u kkoordinata sew mal-Unjoni kollha. Koordinazzjoni aħjar tal-verifiki tas-sigurtà tal-prodott, speċjalment fil-fruntieri esterni tal-UE, se tneħħi l-kompetizzjoni inġusta minn operaturi brikkuni diżonesti jew kriminali”. Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: “Il-konsumaturi jistennew li l-prodotti fis-suq Ewropew ikunu siguri. In-negozji jistennew li joperaw f'kondizzjonijiet kummerċjali ġusti. L-awtoritajiet jeħtieġu l-għodod adegwati biex jaħdmu b’mod effiċjenti u effettiv. Il-pakkett ta’ proposti li l-Kummissjoni adottat illum għandu l-għan li jissodisfa dawn l-aspettattivi. Aħna ninsabu konvinti li l-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet nazzjonali se jibbenefikaw bil-kbir minn regoli ċari u konsistenti fis-Suq Uniku, aktar sorveljanza effettiva tas-suq u traċċabbiltà aħjar tal-prodotti.”

Sigurtà tal-prodotti u sorveljanza tas-suq imtejba

Bħalissa, ir-regoli tal-Unjoni dwar is-sorveljanza tas-suq u s-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur huma frammentati u mxerrdin f'diversi biċċiet differenti ta' leġiżlazzjoni, u għalhekk joħolqu lakuni u jirfsu fuq xulxin. Il-proposti leġiżlattivi li l-Kummissjoni adottat illum se jippermettu koerenza aħjar tar-regoli li jirregolaw l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-prodotti għall-konsumatur, u koordinazzjoni aħjar fil-mod li bih l-awtoritajiet jivverifikaw il-prodotti u jinfurzaw ir-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti mal-Unjoni Ewropea kollha.

Il-bidliet ewlenin tal-pakkett tal-lum huma:

  1. Allinjament tal-obbligi ġenerali tal-operaturi ekonomiċi biex tkun żgurata s-sigurtà tal-prodotti kollha għall-konsumatur b’responsabbiltajiet aktar ċari għall-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri.

  2. Għodod aktar effettivi biex jinfurzaw is-sigurtà u rekwiżiti oħra relatati mal-prodotti u biex tittieħed azzjoni fis-setturi kollha kontra prodotti perikolużi u li mhumiex konformipermezz ta’ sett uniku ta’ regoli koerenti għas-sorveljanza tas-suq.

  3. Traċċabbiltà tal-prodotti għall-konsumatur imtejba permezz ta' katina tal-provvista - li tippermetti tweġiba rapida u effettiva għall-problemi tas-sigurtà (eż. sejħiet lura). Biex dan isir il-manifatturi u l-importaturi għandhom jiżguraw li l-prodotti jkollhom indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini tal-prodott jew, meta mbagħad id-daqs jew in-natura tal-prodott ma jippermettux dan, l-indikazjoni għandha tidher fuq l-imballaġġ jew fuq dokument li jakkumpanja l-prodott. Għall-prodotti manifatturati fl-Unjoni, il-marka għandha tirreferi għall-Unjoni jew għal Stat Membru partikolari. L-indikazzjoni tal-oriġini tissupplimenta r-rekwiziti tat-traċċabbiltà bażika rigward l-isem u l-indirizz tal-manifattur. Tali informazzjoni tista’ tiffaċilita l-kompitu tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li jittraċċaw il-prodott lura għall-post fejn ġie immanifatturat u tippermetti kuntatti mal-awtoritajiet tal-pajjiżi ta’ oriġini fil-qafas tal-kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur għall-azzjonijiet ta’ segwitu xierqa.

  4. Il-ħolqien ta’ sistema aktar kooperattiva għas-sorveljanza tas-suq mal-UE kollha.

  5. Proċeduri razzjonalizzati għan-notifika ta’ prodotti perikolużi, u sinerġiji bejn is-Sistema tal-Informazzjoni għal Twissija Rapida (RAPEX) u s-Sistema ta' Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS).

Min se jibbenefika u kif?

  1. Konsumaturi – Prodotti siguri u konformi fl-UE kollha b’livell ferm ogħla ta’ protezzjoni. Dan iffiser aktar kunfidenza tal-konsumatur fis-suq intern.

  2. Manifatturi/Negozji – Regoli aktar koerenti mas-setturi kollha tal-prodott. Dan ifisser inqas spejjeż ta’ konformità għan-negozji, speċjalment għal intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju. Barra minn hekk koordinazzjoni aħjar tal-verifiki tas-sigurtà tal-prodotti tfisser it-tneħħija ta' kompetizzjoni inġusta minn operaturi diżonesti jew brikkuni.

Il-proposti issa se jiġu diskussi fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida mistennija tidħol fis-seħħ fl-2015.

Sfond

Fis-suq uniku tal-UE, l-oġġetti jiċċirkolaw liberament u l-konsumaturi u n-negozji jistgħu jixtru u jbigħu prodotti fis-27 Stat Membru tal-UE u fit-3 pajjiżi tal-EFTA/Żona Ekonomika Ewropea b’popolazzjoni totali ta’ aktar minn 490 miljun. Ir-regoli tal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti, u s-sorveljanza tas-suq tal-awtoritajiet nazzjonali li hija fundamentali għalihom, huma l-bażi għal suq uniku sigur.

Id-Direttiva 87/357/KEE dwar prodotti li jixbhu prodotti oħra magħmula għall-ikel u d-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti għandhom jinbidli b’Regolament avvanzat ġdid dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur. Ir-regoli li jirregolaw is-sorveljanza tas-suq u li huma mxerrda f’diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni għandhom jingħaqdu fi strument legali wieħed applikabbli għall-prodotti kollha (li mhumiex għall-ikel).

MEMO/13/93

Il-pakkett jista’ jinstab fuq is-siti tad-DG SANCO u d-DG ENTR.

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

Carlo Corraza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site