Navigation path

Left navigation

Additional tools

Inxaqqu l-Barriera Inviżibbli tal-Ewropa: Il-Parlament Ewropew japprova l-proposta tal-Kummissjoni relatata man-Nisa fit-Tmexxija ta' Kumpaniji

European Commission - IP/13/1118   20/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta' Novembru 2013

Inxaqqu l-Barriera Inviżibbli tal-Ewropa: Il-Parlament Ewropew japprova l-proposta tal-Kummissjoni relatata man-Nisa fit-Tmexxija ta' Kumpaniji

Il-Parlament Ewropew illum ivvota b’maġġoranza qawwija (459 favur, 148 kontra u 81 astensjonijiet) b'appoġġ għal-liġi proposta mill-Kummissjoni Ewropea biex jittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fil-livell maniġerjali tal-kumpaniji tal-Ewropa. L-approvazzjoni qawwija mill-membri tal-Parlament Ewropew tfisser li l-proposta tal-Kummissjoni issa ġiet approvata permezz ta’ wieħed miż-żewġ koleġiżlaturi tal-Unjoni Ewropea. Issa jeħtieġ li l-Istati Membri fil-Kunsill jilħqu ftehim dwar l-abbozz ta’ liġi, bejniethom u mal-Parlament Ewropew, sabiex din tidħol fil-kotba tal-istatut tal-UE. Il-vot plenarju jsegwi approvazzjoni ċara għall-inizjattiva tal-Kummissjoni miż-żewġ kumitati ewlenin tal-Parlament, l-Affarijiet Legali (JURI) u l-kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) fl-14 ta’ Ottubru 2013 (IP/13/943). L-aktar ċifri riċenti jikkonfermaw li, wara azzjoni determinata min-naħa tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, is-sehem tan-nisa fit-tmexxija ta' kumpaniji madwar l-UE ilu jiżdied għal dawn l-aħħar tliet snin u issa laħaq is-16.6 %, minn 15.8 % f’Ottubru 2012 (ara l-Anness 1 u MEMO/13/882).

Il-vot tal-lum fil-Parlament Ewropew huwa mument storiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. “Il-Parlament Ewropew elett direttament semma leħnu ċar u tond: l-Ewropa teħtieġ regoli qawwija biex tindirizza l-iżbilanċ bejn is-sessi fil-kumitati ta’ tmexxija tal-kumpaniji. Nixtieq nirringrazzja lir-relaturi Rodi Kratsa-Tsagaropoulou u Evelyn Regner għax-xogħol bieżel tagħhom u għall-appoġġ b'impenn li wrew fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni. Il-Parlament ikkawża l-ewwel xquq fil-barriera inviżibbli li għadha qed tillimita t-talent femminili milli jilħaq l-ogħla impjiegi. Il-Kunsill tal-Ministri, it-tieni Awla tal-UE, issa għandu jilqa' l-isfida u jagħmel progress malajr kemm jista' jkun f'dan l-abbozz ta’ liġi, li jagħti l-prijorità lill-kwalifiki u lill-mertu."

Dawn huma l-aktar punti importanti tal-vot tal-Parlament Ewropew illum, li jibni fuq il-pilastri ewlenin tal-proposti tal-Kummissjoni:

Dan jikkonferma l-approċċ tal-Kummissjoni li jiffoka fuq proċedura tal-għażla ġusta u trasparenti (imsejħa il-"kwota proċedurali") aktar milli fuq l-introduzzjoni ta’ kwota kwantitattiva fissa.

Intrapriżi żgħar u medji jibqgħu esklużi mill-ambitu tad-Direttiva iżda l-Istati Membri huma mistiedna biex jappoġġawhom u jinċentivawhom sabiex itejbu b’mod sinifikattiv il-bilanċ bejn is-sessi f'kull livell tal-amministrazzjoni u fuq il-bordijiet.

B'segwitu għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, l-Istati Membri mhu se jkollhom l-ebda possibbiltà li jeżentaw il-kumpaniji mil-liġi fejn membri tas-sess l-inqas rappreżentat ikunu jiffurmaw inqas minn 10 % tal-forza tax-xogħol.

Il-Parlament saħħaħ id-dispożizzjoni dwar is-sanzjonijiet billi żied għadd ta’ sanzjonijiet li għandhom ikunu obbligatorji, aktar milli indikattivi, hekk kif kienet ipproponiet il-Kummissjoni. Skont it-test tal-Parlament, sanzjonijiet għal nuqqas ta’ rispett għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ għażla għall-membri tal-bord għandhom jinkludu l-esklużjoni mill-akkwist pubbliku u l-esklużjoni parzjali mill-għoti ta’ finanzjament mill-Fondi Strutturali Ewropej.

Il-Passi li Jmiss: Sabiex issir liġi, il-proposta tal-Kummissjoni issa trid tiġi adottata b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill (li jivvota b'maġġoranza kwalifikata). Il-vot plenarju tal-lum tal-Parlament Ewropew isegwi opinjonijiet pożittivi dwar l-inizjattiva minn ħames kumitati Parlamentarji: l-Affarijiet Legali (JURI) u l-kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) (IP/13/943), l-Impjiegi (EMPL) u l-Kumitati għas-Suq Intern (IMCO) u għall-Affarijiet Ekonomiċi (ECON) (MEMO/13/672).

Il-Kunsill, li dwar din il-proposta jiddeċiedi fuq l-istess livell mal-Parlament Ewropew, evalwa l-progress miksub taħt il-Presidenza Irlandiża f'laqgħa tal-ministri għall-Impjiegi u għall-Affarijiet Soċjali (il-Kunsill EPSCO) fl-20 ta' Ġunju 2013 (MEMO/13/584). Il-ministri huma mistennija jerġgħu jiddiskutu l-abbozz ta’ liġi fil-laqgħa tagħhom tad-9-10 ta’ Diċembru 2013.

Kuntest

Fl-14 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat proposta għal direttiva li tistabbilixxi objettiv minimu ta’ preżenza ta' 40% tas-sess l-inqas rappreżentat fil-postijiet ta’ membri mhux eżekuttivi tal-bordijiet f’kumpaniji elenkati fl-Ewropa sal-2020, jew sal-2018 għall-impriżi pubbliċi elenkati (ara IP/12/1205 u MEMO/12/860).

L-elementi ewlenin tal-abbozz tal-liġi:

Jekk kumpanija elenkata pubblikament fl-Ewropa ma jkollhiex 40% li huma nisa fil-bord mhux eżekuttiv tagħha, il-liġi l-ġdida se titlobha biex iddaħħal proċedura ġdida tal-għażla għall-membri tal-bord li tagħti prijorità lill-kandidati nisa kkwalifikati.

Il-liġi tenfasizza b’mod qawwi l-kwalifiki. Ħadd ma huwa se jikseb impjieg fuq il-bord biss minħabba li huma nisa. Iżda min-naħa l-oħra, l-ebda mara ma hija se titlef l-opportunità ta’ impjieg minħabba s-sess tagħha.

Il-liġi tapplika biss għall-bordijiet superviżorji jew għad-diretturi mhux eżekuttivi tal-kumpaniji elenkati pubblikament, minħabba l-importanza ekonomika u l-viżibbiltà għolja tagħhom. L-impriżi żgħar u medji huma esklużi.

L-Istati Membri individwali tal-UE se jkunu meħtieġa jistabbilixxu sanzjonijiet xierqa u dissważivi għall-kumpaniji li jiksru d-Direttiva.

Il-liġi hija miżura temporanja. Din tiskadi awtomatikament fl-2028.

Il-liġi tinkludi wkoll, bħala miżuri kumplementari, kwota flexi": obbligu għall-kumpaniji elenkati fil-Borża li jistabbilixxu miri individwali, awtoregolatorji għalihom rigward ir-rappreżentanza taż-żewġ sessi fost id-diretturi eżekuttivi li jridu jinkisbu sal-2020 (jew l-2018 fil-każ ta’ impriżi pubbliċi). Il-kumpaniji se jkollhom jirrappurtaw kull sena dwar il-progress li jkun sar.

Għal aktar tagħrif

Il-bażi tad-dejta tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-decision-making/database/index_en.htm

Il-pakkett għall-ġurnalisti – Nisa fit-Tmexxija ta' Kumpaniji:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/gender-equality/news/121114_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter

@VivianeRedingEU

Segwi EU Justice fuq Twitter

@EU_Justice

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Anness 1 - Is-sehem tan-nisa fit-tmexxija ta' kumpaniji kbar elenkati pubblikament, UE-27, 2010-2013: Progress Kontinwu, wara Azzjoni tal-Kummissjoni

Anness 2 - Ir-rappreżentazzjoni tan-nisa u l-irġiel fit-tmexxija ta' kumpaniji kbar elenkati pubblikament, April 2013

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Bażi ta' dejta dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website