Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, il-21 ta' Novembru 2013

Nibnu l-fiduċja fis-Sistemi tal-Ġustizzja fl-Ewropa: Il-Forum “Assises de la Justice” fit-tiswir tal-ġejjieni tal-Politika tal-UE dwar il-Ġustizzja

Kif ser tidher il-Politika tal-UE dwar il-Ġustizzja fl-2020? Din hija t-tema ta' konferenza kbira li tibda llum – "Assises de la Justice" ospitata mill-Kummissjoni Ewropea fil-21 u fit-22 ta' Novembru fi Brussell. Il-punt tat-tluq għal din ir-riflessjoni huwa pakkett ta' ħames dokumenti ta' diskussjoni ppreżentati mill-Kummissjoni li jkopru l-Liġi Ewropea ċivili, kriminali u amministrattiva, kif ukoll l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-UE. Dawn id-dokumenti jippreżentaw ideat u mistoqsijiet għal azzjonijiet possibbli marbuta mal-politika tal-UE dwar il-ġustizzja fis-snin li ġejjin. L-għan huwa li jissaħħu s-sisien li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija mibnija u li titlesta ż-żona Ewropea tal-ġustizzja fl-interess taċ-ċittadini u tan-negozji Ewropej.

Aktar minn 700 parteċipant irreġistraw għal dan l-avveniment, li se jixxandar fuq l-internet u live fuq Twitter bl-użu tal-hashtag #EUJustice. Il-konferenza se tlaqqa’ flimkien għadd ta’ kelliema ta’ livell għoli, bħas-Sur V. Skouris, President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, is-Sur R. Badinter, eks-Ministru tal-Ġustizzja u eks President tal-Kunsill Kostituzzjonali tar-Repubblika Franċiża, is-Sur A. Shatter, Ministru tal-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u d-Difiża tal-Irlanda u s-Sur J. Bernatonis, Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja. Qabel dan l-avveniment, il-Kummissjoni Ewropea llum ppubblikat stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar “Il-Ġustizzja fl-Unjoni Ewropea”.

"F’medda ta’ ftit snin biss, il-politika tal-ġustizzja ngħatat prominenza fl-attività tal-Unjoni Ewropea – li tista' titqabbel mal-ispinta li ngħata s-suq uniku fis-snin disgħin. Għamilna passi kbar, iżda għad hemm ħafna aktar x'nistgħu nagħmlu biex niżviluppaw żona tassew Ewropea ta’ ġustizzja" qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. "Il-bini ta’ pontijiet bejn is-sistemi ġudizzjarji differenti jfisser il-bini tal-fiduċja. Żona tassew Ewropea tal-Ġustizzja tista’ taħdem biss jekk ikun hemm fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja ta’ xulxin. Il-Kummissjoni Ewropea ma tistax tagħmel dan waħidha. Nistenna bil-ħerqa d-diskussjonijiet fil-forum tal-Assises de Justice ma’ Ministri, imħallfin u ġuristi. Flimkien nistgħu nħejju t-triq għal politika tal-UE għall-ġustizzja għall-ħames snin li ġejjin.”

Sistemi tal-ġustizzja effikaċi fi Stat Membru wieħed huma wkoll importanti għall-UE kollha kemm hi: kull meta qorti nazzjonali ssostni liġi tal-UE, tkun qed taġixxi ta' "Qorti tal-UE". Pereżempju, il-qrati nazzjonali għandhom rwol essenzjali fl-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u leġiżlazzjoni oħra kruċjali għas-Suq Uniku. Nuqqasijiet fis-sistema tal-ġustizzja nazzjonali mhumiex biss problema għal Stat Membru partikolari, iżda jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tas-Suq Uniku u, b’mod aktar ġenerali, is-sistema legali kollha tal-UE, li hija bbażata fuq fiduċja reċiproka. Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar “Il-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea”, ippubblikat illum, jikkonferma dan:

Filwaqt li 22 % biss ta’ dawk li wieġbu jaħsbu li s-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali għandhom ikunu fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, żewġ terzi tal-bqija jaħsbu li l-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali huwa kwistjoni ta’ tħassib Komuni Ewropew minħabba l-eżistenza ta’ każijiet transfruntiera, jew biex jiġi żgurat li l-liġi tal-UE tista’ tiġi sostnuta b’mod effikaċi fl-Unjoni kollha, jew f'każ li jkun hemm problemi serji fil-funzjonament ta' sistema ġudizzjarja nazzjonali. (ara l-Anness 1).

Il-maġġoranza tan-nies (53 %) għandhom tendenza li jafdaw fis-sistema tal-ġustizzja nazzjonali tagħhom, iżda l-livell ta’ fiduċja jvarja b’mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor, minn 85 % (fid-Danimarka u l-Finlandja) għal 24 % (fis-Slovakkja) (ara l-Anness 2).

Il-maġġoranza tal-poplu taħseb li hemm differenzi kbar bejn is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali f’termini ta’ kwalità (58 %), effiċjenza (58 %) u indipendenza (52 %).

It-tħassib ewlieni fir-rigward tal-qrati ċivili u kummerċjali jidher li hu t-tul taż-żmien u l-ispiża tal-proċedimenti, b’rispettivament 65 % u 48 % ta’ dawk li wieġbu li jikkonsidrawhom bħala pjuttost ħżiena jew ħżiena ħafna (ara l-Anness 3).

Kważi disgħa minn kull għaxar persuni (89 %) jippreferu jsolvu tilwima 'l barra mill-qorti jekk ikun hemm alternattivi għad-dispożizzjoni tagħhom.

Il-passi li jmiss: Il-kontribut miġbur fil-konferenza 'Assises de la Justice' (ara l-aġenda fl-Anness 4) se jgħin lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-politika tal-UE għall-ġustizzja wara l-Programm ta’ Stokkolma. Kif ħabbar il-President Barroso fl-ittra tiegħu lill-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz tal-11 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta Komunikazzjoni dwar inizjattivi futuri fil-qasam tal-politiki għall-ġustizzja u l-intern fir-rebbiegħa tal-2014 li se jiġu diskussi fil-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2014. Il-kontribut mill-konferenza għalhekk se jikkontribwixxi għall-parti dwar il-ġustizzja ta' dik il-Komunikazzjoni.

Sfond

Il-Politika tal-UE għall-Ġustizzja għaddiet minn bidliet kbar ħafna matul dawn l-aħħar ftit snin. Kien biss fl-2010, mal-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Ewropea attwali, li nħoloq portafoll għall-ġustizzja. Minn dakinhar, il-Kummissjoni ressqet aktar minn 50 inizjattiva f’dan il-qasam, u b'hekk bdiet tifrex l-elementi kostitwenti ta' Żona tassew Ewropea ta' Libertà, Ġustizzja u Sigurtà għas-servizz taċ-ċittadini tal-Ewropa – wieħed mill-objettivi ewlenin tal-UE kif kien iddikjarat fit-Trattat ta’ Lisbona.

Ittieħdu passi importanti fi ftit snin biss: Drittijiet ġodda tal-UE għall-vittmi ta' reat (IP/12/1200) u rikonoxximent eħfef ta' sentenzi (IP/12/1321) tejbu l-aċċess għall-ġustizzja, filwaqt li l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni ta' dejta personali għandhom isaħħu d-drittijiet fundamentali u s-suq uniku diġitali (MEMO/13/39). Barra minn hekk, inizjattivi bħat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE (IP/13/285) enfasizzaw kemm sistemi u politiki għall-ġustizzja effikaċi huma kruċjali għat-tkabbir ekonomiku.

L-għan issa huwa li jittieħed kont tal-progress li sar u jiġu identifikati l-isfidi ewlenin tal-futur. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed torganizza l-forum ‘Assises de la Justice' fil-21 u fit-22 ta’ Novembru. Din hija konferenza ta’ jumejn, li ser tlaqqa' flimkien imħallfin, avukati, akkademiċi, dawk li jfasslu l-politika u rappreżentanti tan-negozju minn madwar l-Ewropa. Ingħaqad fid-dibattitu permezz tal-midja soċjali bl-użu tal-hashtag #EUJustice.

Għal aktar tagħrif

Il-ħames dokumenti tematiċi:

http://ec.europa.eu/justice/events/assises-justice-2013/discussion_papers_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – Assises de la justice

http://ec.europa.eu/justice/events/assises-justice-2013/index_en.htm

Skedi Informattivi dwar il-bini ta' Żona Ewropea għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/events/assises-justice-2013/index_en.htm

Ingħaqad fid-dibattitu fuq Twitter: #EUJustice

Il-Homepage ta' Viviane Reding, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter:@VivianeRedingEU

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Anness 1: GOVERNANZA TAS-SISTEMI ĠUDIZZJARJI NAZZJONALI

22 % biss ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ jaqblu ħafna li l-funzjonament ta’ sistema ġudizzjarja nazzjonali huwa esklussivament kwistjoni tal-Istati Membri

Żewġ terzi tal-bqija jaħsbu li l-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali huwa kwistjoni tal-UE minħabba l-eżistenza ta’ każijiet transfruntiera, jew biex jiġi żgurat li l-liġi tal-UE tista’ tiġi sostnuta b’mod effikaċi fl-Unjoni kollha, jew f'każ li jkun hemm problemi serji fil-funzjonament ta' sistema ġudizzjarja nazzjonali.

Bażi: dawk li wieġbu l-istħarriġ li ma 'jaqblux ħafna' li l-funzjonament ta’ sistemi ġudizzjarji nazzjonali huwa esklussivament kwistjoni tal-Istati Membri (N=20866)

Anness 2: Il-maġġoranza tan-nies (53 %) għandhom tendenza li jafdaw fis-sistema tal-ġustizzja nazzjonali tagħhom

Anness 3: Il-perċezzjoni tal-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tal-qrati nazzjonali

Anness 4: Assises de la Justice: Aġenda annotata

Il-Ħamis 21 u l-Ġimgħa 22 ta’ Novembru 2013 fi Brussell (il-Belġju), il-Kummissjoni Ewropea, il-Binja Charlemagne.

L-EWWEL JUM

09:30 – 10:00 FTUĦ

Is-Sra V. Reding, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja

10:00 - 10:55 DIKJARAZZJONIJIET TA' INTRODUZZJONI

Is-Sur J. Bernatonis (LT), Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja

Is-Sur R. Badinter (FR), Avukat, eks-Ministru tal-Ġustizzja u eks-President tal-Kunsill Kostituzzjonali tar-Repubblika Franċiża

Is-Sur J.Rozenberg (UK), Kummentatur fi kwistjonijiet legali u ġurnalist

11:15 - 13:00 SISTEMI TA' ĠUSTIZZJA EFFIKAĊI FL-UE U T-TABELLA TA' VALUTAZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UE

Moderatur: Is-Sra F. Le Bail, Direttur Ġenerali għall-Ġustizzja, il-Kummissjoni Ewropea

Is-Sra P. Teixeira da Cruz (PT), Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Portugiża

Is-Sur K. Lenaerts (BE), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur M. Barendrecht (NL), Professur tal-Liġi, Università ta' Tilburg , Direttur ta’ Hiil

Is-Sur P. Justice Gilligan (IE), President tan-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura

14:30 - 16:00 L-INDIPENDENZA TAL-ĠUSTIZZJA U T-TABELLA TA' VALUTAZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UE

Moderatur: Is-Sra F. Le Bail, Direttur Ġenerali għall-Ġustizzja, il-Kummissjoni Ewropea

Is-Sur V. Skouris (EL), President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Is-Sra P. Koskelo (FI), President tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Finlandja, Viċi President tal-NPSJC

Is-Sur E. Tsouroulis (EL), President tal-Kunsill tal-Avukaturi u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati tal-Ewropa

Is-Sur R. Müller (DE), Ġurnalist

16:30 - 18:00 LEJN MEKKANIŻMU ĠDID TA' STAT TA' DRITT

Moderatur: Is-Sra F. Le Bail, Direttur Ġenerali għall-Ġustizzja, il-Kummissjoni Ewropea

Is-Sur A. Shatter (IE), Ministru tal-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u d-Difiża tal-Irlanda

Is-Sur R. Tavares (PT), Membru tal-Parlament Ewropew, Viċi President CRIM

Is-sur J.M. Sauvé (FR), Viċi-President tal-Conseil d’État tar-Repubblika Franċiża, President ta’ ACA

Is-Sur G. Buquicchio (IT), President tal-Kummissjoni ta’ Venezja, il-Kunsill tal-Ewropa

IT-TIENI JUM

09:00-13:00 LEJN ŻONA EWROPEA TA' ĠUSTIZZJA IKTAR INTEGRATA MIBNIJA FUQ IL-FIDUĊJA REĊIPROKA

Moderatur: Is-Sra F. Le Bail, Direttur Ġenerali għall-Ġustizzja, il-Kummissjoni Ewropea

9:00 – 10:20 Il-liġi kriminali

Is-Sur J.F. López Aguilar (ES), Membru tal-Parlament Ewropew, President tal-Kumitat LIBE

Is-Sur K. Tolksdorf (DE), President tal-Bundesgerichtshof tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Viċi President tal-NPSJC

Is-Sur J.C. Marin (FR), Prosekutur Ġenerali, Cour de cassation tar-Repubblika Franċiża

Is-Sra M. McGowan QC (UK), Konsulent Legali, President tal-Kamra tal-Avukati tal-Ingilterra u Wales

10:20 – 11:40 Il-liġi ċivili u kummerċjali

Is-Sur K. Lehne (DE), Membru tal-Parlament Ewropew, President JURI

Lord Mance (UK), Imħallef tal-Qorti Suprema tar-Renju Unit

Is-Sur M. Szpunar (PL), Advocate General of the Court of Justice of the European Union

11:40 – 13:00 Il-liġi amministrattiva

Is-Sur L. Berlinguer (IT), Membru tal-Parlament Ewropew

Is-Sur Z. Kühn (CZ), Imħallef fil-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Ċeka

Is-Sur S. Cassese (IT), Imħallef fil-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Taljana

13:00 – 13:30 KONKLUŻJONIJIET

Is-Sra V. Reding, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website