Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell/Strasburgu, id-19 ta' Novembru 2013

Il-Kummissjoni sodisfatta li l-Parlament approva l-programm Ewropa Kreattiva

Il-kultura Ewropea, iċ-ċinema, it-televiżjoni, il-mużika, il-letteratura, l-arti tal-ispettaklu, il-patrimonju u oqsma relatati se jibbenefikaw minn aktar appoġġ bil-programm il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea "Ewropa Kreattiva" li llum approvah il-Parlament Ewropew. Dan il-programm għandu baġit ta' €1.46 biljun1 għas-seba' snin li ġejjin – jiġifieri 9% aktar mil-livelli attwali – biex jagħti spinta lis-settur kulturali u tal-kreattività, li huma sors kbir ta' impjiegi u tkabbir. Il-programm Ewropa Kreattiva se jagħti finanzjament lil mill-anqas 250,000 artist u professjonist kulturali, 2,000 ċinema, 800 film u 4,500 traduzzjoni ta' kotba. Dan se jniedi wkoll faċilità ġdida ta' garanzija finanzjarja li biha n-negozji ż-żgħar kulturali u kreattivi jkunu jistgħu jaċċessaw sa €750 miljun f'self mill-banek.

Filwaqt li wriet sodisfazzjon għall-vot tal-lum, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, Androulla Vassiliou qalet: "Dan l-investiment hu aħbar tajba ħafna għall-industrija tal-films fl-Ewropa, għall-kultura u l-arti, u għall-pubbliku. Bil-programm Ewropa Kreattiva s-setturi kulturali dinamiċi se jkunu jistgħu joħolqu aktar impjiegi u jikkontribwixxu aktar għall-ekonomija tal-UE. U eluf ta' artisti b'talent se jkunu jistgħu jilħqu udjenzi ġodda fl-Ewropa u lil hinn, filwaqt li tiġi promossa d-diversità kulturali u lingwistika. Apparti li tagħti livelli konsiderevoli ta' appoġġ b'għotjiet, il-faċilità ta' garanzija li qed noffru se żżid l-aċċess għall-finanzjament għal mijiet ta' kumpaniji żgħar," issoktat tgħid.

Il-programm Ewropa Kreattiva se jibni fuq l-esperjenza u s-suċċess tal-programmi Kultura u MEDIA li appoġġaw lis-settur kulturali u lis-settur awdjoviżiv għal aktar minn 20 sena. Il-programm il-ġdid fih sottoprogramm Kultura li jappoġġa l-arti tal-ispettaklu u l-arti viżiva, il-patrimonju u oqsma oħra, u sottoprogramm MEDIA li jagħti finanzjament għas-settur taċ-ċinema u għas-settur awdjoviżiv. Taqsima ġdida transettorjali se tappoġġa koperazzjoni tal-politika, miżuri transversali u lill-faċilità l-ġdida ta' garanzija finanzjarja, li se titħaddem mill-2006.

Anke l-Kapitali Ewropej tal-Kultura, iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew u l-ħames premjijiet Ewropej (il-Premju tal-UE għall-Patrimonju Kulturali/il-Premjijiet Europa Nostra, il-Premju tal-UE għall-Arkitettura Kontemporanja, il-Premju tal-UE għal-Letteratura, il-Premjijiet Ewropej "Border Breakers", u l-Premju MEDIA tal-UE) se jirċievu appoġġ mill-programm Ewropa Kreattiva.

Il-programm se jwarrab mill-anqas 56% tal-baġit tiegħu għas-sottoprogramm MEDIA u mill-anqas 31% għas-sottoprogramm Kultura. Dan jixhed ferm is-sehem ta' finanzjament li bħalissa qed jirċievu dawn iż-żewġ oqsma. Mhux aktar minn 13% tal-baġit se jitwarrab għat-taqsima transettorjali, li jinkludi l-appoġġ għal punti tal-kuntatt ta' Ewropa Kreattiva f'kull pajjiż li jieħu sehem ħalli jagħtu pariri lil benefiċjarji potenzjali. Madwar €60 miljun qed jintrefgħu għall-koperazzjoni tal-politika u biex jitrawmu approċċi innovattivi li jsaħħu l-udjenza u mudelli kummerċjali ġodda.

Min se jibbenefika minn Ewropa Kreattiva?

Il-programm Ewropa Kreattiva se tappoġġa lil:

250,000 artist u professjonist kulturali u lil xogħolhom, peress li se jkunu jistgħu jilħqu udjenzi ġodda lil hinn minn pajjiżhom;

Aktar minn 800 film Ewropew se jingħataw appoġġ għad-distribuzzjoni ħalli jkunu jistgħu jintwerew lil udjenzi madwar l-Ewropa u mad-dinja kollha;

Mill-anqas 2,000 ċinema Ewropea se jibbenefikaw minn finanzjament, diment li mill-anqas nofs il-films li juru jkunu Ewropej;

Aktar minn 4,500 ktieb u xogħol letterarju ieħor se jirċievu appoġġ għal traduzzjoni, ħalli l-awturi jimirħu fi swieq ġodda u l-qarrejja jgawduhom bil-lingwa tagħhom;

Eluf ta' organizzazzjonijiet u professjonisti kulturali u awdjoviżivi se jibbenefikaw minn finanzjament biex jitħarrġu ħalli jiksbu ħiliet ġodda u jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jaħdmu b'mod internazzjonali.

Is-setturi kulturali u kreattivi Ewropej jikkontribwixxu sa 4.5% tal-PDG tal-UE u jħaddmu aktar minn 8 miljun persuna. Il-programm Ewropa Kreattiva se jgħinhom jikkontribwixxu ferm aktar għall-ekonomija Ewropea billi jaħtfu l-opportunitajiet li jagħtuhom il-globalizzazzjoni u l-qabża diġitali. Bil-programm, l-operaturi se jkunu jistgħu jegħlbu sfidi bħalma hi l-frammentazzjoni tas-suq, u diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzjament, u filwaqt li jkun ta' kontribut biex il-politika titfassal aħjar billi jagħmilha aktar faċli għall-operaturi biex jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom.

Il-passi li jmiss

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Kunsill (it-28 Stat Membru) se jadotta l-programm Ewropa Kreattiva b'mod definittiv u f'Jannar li ġej se jidħol fis-seħħ.

Għal aktar tagħrif

MEMO/13/1009

Il-Kummissjoni Ewropea: Ewropa Kreattiva

Ewropa Kreattiva fuq Facebook

Ara x'qed jintqal fuq Twitter #CreativeEurope

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

1 :

€1.46 biljun meta titqies l-inflazzjoni stmata. Dan huwa ekwivalenti għal €1.3 biljun fi prezzijiet 'fissi' tal-2011.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website