Navigation path

Left navigation

Additional tools

Erasmus+ approvat: Aktar minn 4 miljun persuna se jiksbu għotjiet tal-UE għall-ħiliet u l-impjegabbiltà

European Commission - IP/13/1110   19/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Strasburgu/Brussell, id-19 ta' Novembru 2013

Erasmus+ approvat: Aktar minn 4 miljun persuna se jiksbu għotjiet tal-UE għall-ħiliet u l-impjegabbiltà

Illum il-Parlament Ewropew approva l-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport Erasmus+, li se jibda f'Jannar. Sabiex iżid il-ħiliet u l-impjegabbiltà u sabiex jappoġġa l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, il-programm mifrux fuq seba' snin se jkollu baġit ta' €14.7 biljun1 - 40% aktar mil-livelli attwali. Aktar minn 4 miljun persuna se jirċievu appoġġ biex jistudjaw, jitħarrġu, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom, fosthom 2 miljun student fl-edukazzjoni ogħla, 650,000 student fit-taħriġ vokazzjonali u fl-apprendistat, filwaqt li aktar minn 500,000 se jkunu qed jipparteċipaw fi skambji taż-żgħażagħ jew f'volontarjat barra minn pajjiżhom. L-istudenti li beħsiebhom jagħmlu Masters sħiħ barra minn pajjiżhom u li ftit li xejn isibu għotjiet jew self għalih f'pajjiżhom, se jibbenefikaw minn skema ġdida ta' garanziji fuq is-self immexxija mill-Fond Ewropew tal-Investiment. Il-programm Erasmus+ se jipprovdi fondi wkoll għall-persunal tal-edukazzjoni u t-taħriġ, għall-ħaddiema żgħażagħ u għal sħubijiet bejn universitajiet, kulleġġi, skejjel, intrapriżi u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.qalet: "Jien tassew kuntenta li l-Parlament Ewropew adotta l-programm Erasmus+ u kburija li qed niżguraw żieda ta' 40% fil-baġit meta mqabbel mal-programmi attwali tagħna. Dan juri l-impenn tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-programm Erasmus+ se jgħin ukoll biex jingħeleb il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jagħtihom l-opportunità li jżidu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom permezz ta' esperjenzi barra minn pajjiżhom. Il-programm ERASMUS+ se jagħti għotjiet lil individwi u se jappoġġa sħubijiet biex lin-nies jgħinhom jimxu mill-edukazzjoni għax-xogħol u biex isiru l-bidliet ħalli l-kwalità tal-edukazzjoni fl-Istati Membri tavvanza u titjieb. Dan hu ferm importanti jekk irridu żgħażagħ kwalifikati u bil-ħiliet li meħtieġa biex jirnexxu f'ħajjithom."

Il-programm Erasmus+ għandu tliet miri ewlenin: żewġ terzi tal-baġit twarrbu biex individwi jingħataw opportunitajiet ta' tagħlim barra minn pajjiżhom, fl-UE jew barra minnha; u l-bqija se jappoġġaw sħubijiet bejn istituzzjonijiet edukattivi, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, negozji, awtoritajiet lokali u reġjonali, u NGOs, u kif ukoll biex isiru l-bidliet li javvanzaw l-edukazzjoni u t-taħriġ u ħalli jitħeġġu l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-impjegabbiltà.

Il-programm il-ġdid Erasmus+ jiġbor l-iskemi attwali kollha tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, inklużi l-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (Erasmus, Leonardo da Vinci, Comenius, Grundtvig), il-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni u ħames programmi ta' koperazzjoni internazzjonali (Erasmus Mundus, Tempus, Alfa, Edulink u l-programm għal koperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati). B'hekk l-applikanti se jsibuha eħfef biex jifhmu l-opportunitajiet li għandhom, filwaqt li l-aċċess se jeħfief b'simplifikazzjonijiet oħra.

Mill-programm Erasmus+ se jibbenefikaw:

  • 2 miljun student tal-edukazzjoni ogħla se jkunu jistgħu jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom, fosthom permezz ta' 450,000 opportunità ta' taħriġ;

  • 650,000 student vokazzjonali u fl-apprendistat se jingħataw għotjiet biex jistudjaw, jitħarrġu jew jaħdmu barra minn pajjiżhom;

  • 800,000 għalliem tal-iskola, lettur, ħarrieġ, u persunal ieħor fil-qasam edukattiv u dak taż-żgħażagħ se jkunu qed jgħallmu jew iħarrġu barra minn pajjiżhom;

  • 200,000 student tal-Masters li jagħmlu kors sħiħ f'pajjiż ieħor se jibbenefikaw minn garanziji fuq is-self;

  • Aktar minn 500,000 żagħżugħ se jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom jew jieħdu sehem fi skambji taż-żgħażagħ;

  • Aktar minn 25,000 student se jingħataw għotjiet għal Masters konġunt, li jkun jinvolvi mill-anqas żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla minn barra l-pajjiż;

  • 125,000 skola, istituzzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali u tat-taħriġ, istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla u għall-adulti, organizzazzjoni taż-żgħażagħ u intrapriża se jingħataw finanzjament biex jitwaqqfu 25,000 "sħubija strateġika" biex jitħeġġeġ il-qsim tal-esperjenza u r-rabtiet mad-dinja tax-xogħol;

  • 3,500 istituzzjoni tal-edukazzjoni u intrapriża se jingħataw appoġġ biex joħolqu aktar minn 300 "Alleanza ta' Għarfien" u "Alleanza ta' Ħiliet Settorjali" biex jiżdiedu l-impjegabbiltà, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija;

  • 600 sħubija fl-isport, fosthom avvenimenti Ewropej mingħajr skop ta' qligħ, se jingħataw finanzjament ukoll.

Il-kuntest

Il-programm Erasmus+ qed jitnieda fi żmien meta fl-UE madwar sitt miljun żagħżugħ m'għandhomx impjieg – b'livelli ogħla minn 50% fi Spanja u l-Greċja. Fl-istess waqt, jeżistu aktar minn 2 miljun post tax-xogħol battal, u terz tal-impjegaturi jistqarru li jsibuha diffiċli biex isibu ħaddiema bil-ħiliet li jkollhom bżonn. Dan juri li fl-Ewropa hawn skarsezza sinifikanti tal-ħiliet. Il-programm Erasmus+ se jindirizza din l-iskarsezza billi jagħti opportunitajiet lil individwi biex jistudjaw, jitħarrġu jew jiksbu esperjenza barra minn pajjiżhom.

Fl-istess waqt, se jiżdiedu l-kwalità u r-rilevanza tas-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ fl-Ewropa permezz ta' appoġġ għall-iżvilupp professjonali tal-persunal tal-edukazzjoni u l-ħaddiema żgħażagħ u permezz ta' koperazzjoni bejn id-dinja tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol.

Il-mobbiltà tal-istudenti u l-apprendistati tixpruna wkoll il-mobbiltà tal-ħaddiema bejn Stat Membru u ieħor; u aktarx min ikun diġà studja jew tħarreġ f'pajjiż ieħor, fil-futur aktar ikun jixtieq jaħdem barra minn pajjiżu.

Il-baġit ta' €14.7 biljun iqis l-inflazzjoni stmata għall-futur. Mistennija jitwarrbu fondi oħrajn għall-mobbiltà tal-edukazzjoni ogħla u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, bl-involviment ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE; id-deċiżjoni dwar dan il-baġit addizzjonali mhix mistennija tittieħed qabel l-2014.

Għall-ewwel darba l-programm Erasmus+ fih linja baġitarja maħsuba għall-isport. Dan se jwarrab madwar €265 miljun għal seba' snin biex jagħti sehmu ħalli tinħoloq id-dimensjoni Ewropa fl-isport billi jgħin biex jingħelbu theddidiet bejn il-fruntieri bħall-irranġar tal-logħob u d-doping. Il-programm se jappoġġa wkoll proġetti transnazzjonali li jinvolvu lil organizzazzjonijiet tal-isport fil-livell lokali, u fost l-oħrajn iħeġġeġ il-governanza tajba, l-inklużjoni soċjali, il-karrieri doppji u l-attività fiżika għal kulħadd.

Il-passi li jmiss

Illum il-Parlament Ewropew adotta l-proposta. U matul ix-xahar li ġej mistenni jadottaha l-Kunsill (l-Istati Membri). Il-programm Erasmus+ se jibda f'Jannar li ġej.

Għal aktar tagħrif:

Ara MEMO/13/1008

Il-Kummissjoni Ewropea: Il-websajt ta' Erasmus+

Erasmus+ fuq Facebook

Ara x'qed jintqal fuq Twitter #ErasmusPlus

Il-websajt tal-Kummissarju Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Anness 1: Benefiċjarji tal-għotjiet 2007-2013

Din it-tabella turi l-għadd stmat ta' dawk li bbenefikaw minn għotjiet tal-UE biex jistudjaw, jitħarrġu, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom bil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u bil-Programm 'Żgħażagħ fl-Azzjoni' għall-2007-2013. Din tkopri l-azzjonijiet tal-mobbiltà li se jissoktaw bil-programm Erasmus+.

Erasmus+ se jiffinanzja aktar minn 4 miljun persuna biex jistudjaw, jitħarrġu, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom, jiġifieri żieda ta' madwar 50% fl-appoġġ meta mqabbel mal-appoġġ tal-programmi attwali.

L-għadd ta' parteċipanti* fl-2007-2013

Il-pajjiż

Total

L-Awstrija

67,000

Il-Belġju

73,000

Il-Bulgarija

41,000

Il-Kroazja

8,000

Ċipru

10,000

Ir-Repubblika Ċeka

93,000

Id-Danimarka

38,000

L-Estonja

24,000

Il-Finlandja

68,000

Franza

331,000

Il-Ġermanja

382,000

Il-Greċja

50,000

L-Ungerija

64,000

L-Irlanda

30,000

L-Italja

220,000

Il-Latvja

35,000

Il-Litwanja

51,000

Il-Lussemburgu

8,000

Malta

6,000

L-Olanda

114,000

Il-Polonja

220,000

Il-Portugall

63, 000

Ir-Rumanija

80,000

Is-Slovakkja

42,000

Is-Slovenja

28,000

Spanja

346,000

L-Iżvezja

50,000

Ir-Renju Unit

162,000

Total

2,704,000

Iċ-ċifri għal kull pajjiż huma bbażati fuq rapporti annwali tal-Aġenziji Nazzjonali u l-istimi dwar l-iskambji għad iridu jiġu rrappurtati skont il-programmi attwali. Kull ċifra tqarrbet lejn l-eqreb elf u ċ-ċifri tal-Kroazja bdew jgħoddu minn meta bdiet tieħu sehem fil-programmi fl-2011.

1 :

Ammont fi prezzijiet attwali li jqis l-inflazzjoni stmata fl-2014-2020. Dan hu ekwivalenti għal €13 biljun fi prezzijiet fissi/kostanti tal-2011.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website