Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Novembru 2013

Triljun ewro x'ninvestu fil-ġejjieni tal-Ewropa – il-qafas baġitarju tal-UE 2014-2020

Illum il-Parlament Ewropew ivvota favur il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-UE għas-snin 2014 sa 2020. Il-kunsens tal-PE jwitti t-triq għall-approvazzjoni finali mill-Kunsill fil-ġimgħat li ġejjin. Waslu fi tmiemhom is-sentejn u nofs ta' negozjati intensi li kienu ilhom għaddejjin minn mindu l-Kummissjoni kienet ressqet il-proposti tagħha fid-29 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso laqa’ l-vot tal-lum: "Dan huwa jum kbir għall-Ewropa. Il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni finali tiegħu għall-baġit Ewropew 2014-2020, biex b’hekk temmejna b’suċċess dawn in-negozjati twal. Issa, il-Kunsill jista' jissiġilla l-ftehim dalwaqt. L-Unjoni Ewropea se tinvesti kważi triljun euro fit-tkabbir u fl-impjiegi bejn l-2014 u l-2020. Il-baġit tal-UE huwa modest fid-daqs meta mqabbel mal-ġid nazzjonali. Madankollu, saħansitra l-baġit ta' sena waħda jissarraf f'aktar flus - bil-prezzijiet tal-lum - mill-pjan Marshall kollu fi żmienu! Il-baġit modern tagħna, orjentat lejn il-futur, jista’ jagħmel differenza reali fil-ħajja tal-poplu. Dan se jgħin sabiex l-irkupru li għaddej bħalissa madwar l-Unjoni Ewropea jissaħħaħ u jiġi sostnut. Hemm finanzjamenti li jistgħu jgħinuna biex noħorġu mill-kriżi, appoġġ finanzjarju għal dawk li jinsabu fil-faqar jew dawk li qegħdin ifittxu impjieg, opportunitajiet ta’ investiment għall-kumpaniji ż-żgħar, u għajnuna għall-komunitajiet lokali, il-bdiewa, ir-riċerkaturi u l-istudenti. Dan huwa ftehim li jgħin lil kull familja madwar l-Ewropa. L-Ewropa hija parti mis-soluzzjoni."

Ara l-filmat tal-messaġġ tal-President Barroso: http://bit.ly/I2nKPH

Il-Kummissarju Janusz Lewandowski, responsabbli għall-baġit u l-ipprogrammar finanzjarju, stqarr: "Fl-aħħar irnexxielna; bil-vot tal-lum fil-Parlament Ewropew aħna nistgħu nipprovdu prevedibbiltà tal-fondi lil madwar 20 miljun intrapriża Ewropea żgħira u medja, miljuni fost l-ifqar nies fid-dinja, madwar 100,000 belt u reġjun u kif ukoll eluf ta' laboratorji u universitajiet: l-Ewropa żammet kelmtha! Int se jkollok fondi Ewropej biex tinvesti fit-tkabbir ekonomiku, fir-riċerka, u fl-edukazzjoni, fl-għajnuna liż-żgħażagħ qiegħda u f’għajnuna umanitarja għas-seba’ snin li ġejjin. Ma nistax naħseb f'messaġġ aħjar li l-Ewropa tista' tibgħat liċ-ċittadini tagħha ftit xhur qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss: l-Ewropa taħdem, l-Ewropa qed taħdem!”

Kemm hemm flus fiha u għal xiex qegħdin?

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE għall-2014-2020 jippermetti lill-Unjoni Ewropea tinvesti sa EUR 960 biljun f’impenji (1.00 % tad-ING tal-UE) u EUR 908.4 biljun f’pagamenti (0.95 % tal-ING tal-UE). Strumenti għal ċirkostanzi mhux previsti (bħar-Riżerva għall-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond Ewropew tal-Globalizzazzjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà u l-istrument ta’ Flessibbiltà) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jinsabu 'l barra mil-limiti massimi tal-QFP. Jekk ikunu attivati għalkollox, dawn jirrappreżentaw EUR 36.8 biljun addizzjonali (jew 0.04 % tal-ING tal-UE). Il-qafas baġitarju tal-UE għall-2014-2020 jiddefinixxi l-prijoritajiet tal-infiq li huma orjentati lejn it-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-kompetittività skont l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir Ewropa 2020. Pereżempju, meta mqabbla mal-qafas attwali, l-Intestatura 1A (il-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi) żdiedet minn EUR 91.5 biljun (= 9.2 % tal-baġit) għal EUR 125.6 biljun (13.1 % tal-baġit)1.

Tnax-il punt ewlieni

Il-baġit tal-ġejjieni huwa baġit modern għall-Unjoni Ewropea tas-seklu 21. Hawn taħt issib it-12-il punt ewlieni li juru għadd ta’ innovazzjonijiet importanti u li jindikaw b'mod ċar il-valur miżjud Ewropew.

  • Dawk li qed ifittxu impjieg jistgħu jistrieħu fuq l-appoġġ mill-baġit tal-ġejjieni tal-UE, li jipprovdi kontribut sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Mill-inqas EUR 70 biljun (jiġifieri madwar 10 biljuni fis-sena) se jkunu disponibbli taħt l-FSE għal dan il-għan, biex b'hekk jikkumplimentaw l-azzjoni nazzjonali f’dan il-qasam. L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ il-ġdida marbuta mal-FSE u li tiswa mill-anqas EUR 6 biljun se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fis-snin 2014-2015. B’mod ġenerali, il-politika ta’ koeżjoni riformata se tkun qed tagħmel sa EUR 366.8 biljun2 disponibbli biex jiġu investiti fir-reġjuni, fl-ibliet u fl-ekonomija reali tal-Ewropa. Din se tkun l-għodda ewlenija tal-UE għall-investimenti biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020: li jiżdied it-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi, li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u d-dipendenza fuq l-enerġija, u li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dan se jkun appoġġat billi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jiġi mmirat lejn prijoritajiet ewlenin bħall-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji fejn l-għan huwa li jiġi rduppjat l-appoġġ minn EUR 70 biljun għal EUR 140 biljun fuq perjodu ta' 7 snin. L-orjentazzjoni lejn ir-riżultati se tkun aktar iffukata u se jkun hemm riżerva tal-prestazzjoni ġdida fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kollha li jinċentivaw proġetti tajbin. Fl-aħħar nett, l-effiċjenza fil-politika ta’ koeżjoni, fl-iżvilupp rurali u fil-fond għas-sajd se tkun marbuta wkoll mal-governanza ekonomika biex titħeġġeġ il-konformità tal-Istati Membri mar-rakkomandazzjonijiet tal-UE taħt is-Semestru Ewropew.

  • Iktar żgħażagħ minn qatt qabel jistgħu jippjanaw is-soġġorn tagħhom barra minn pajjiżhom bl-appoġġ tal-programm il-ġdid tal-Unjoni Ewropea, Erasmus+. Maħsub biex jagħti spinta lill-ħiliet u lill-impjegabbiltà, il-programm se jkollu baġit ta’ kważi EUR 15-il biljun3, li huwa aktar minn 40 % ogħla mil-livelli attwali f’termini reali. Aktar minn 4 miljun persuna se jirċievu appoġġ biex jistudjaw, jitħarrġu, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom, fosthom 2 miljun student fl-edukazzjoni għolja, 650,000 student fit-taħriġ vokazzjonali u fl-apprendistat, kif ukoll aktar minn 500,000 li se jkunu qed jipparteċipaw fi skambji taż-żgħażagħ jew f'volontarjati barra minn pajjiżhom. Kważi 200,000 student li beħsiebhom jagħmlu Masters sħiħ barra minn pajjiżhom u li ftit li xejn isibu għotjiet jew self għalih f'pajjiżhom, se jibbenefikaw minn skema ġdida ta' garanziji fuq is-self immexxija mill-Fond Ewropew tal-Investiment. 600 sħubija fl-isport, fosthom avvenimenti Ewropej mingħajr skop ta' qligħ, ukoll se jingħataw finanzjament. Żewġ terzi tal-baġit huma allokati għal opportunitajiet ta' tagħlim barra mill-pajjiż għall-individwi, fi ħdan l-UE u anke lil hinn minnha; il-bqija se jappoġġa sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, in-negozji, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-NGOs, kif ukoll riformi biex jimmodernizzaw l-edukazzjoni u t-taħriġ u biex jippromwovu l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-impjegabbiltà.

  • Il-kultura, iċ-ċinema, it-televiżjoni, il-mużika, il-letteratura, l-arti tal-ispettaklu, il-wirt Ewropej u oqsma relatati se jibbenefikaw minn aktar appoġġ taħt il-Programm Ewropa Kreattiva l-ġdid tal-UE. B'baġit ta' kważi EUR 1.5 biljun4 tul is-seba' snin li ġejjin (jiġifieri, f'termini reali, 9% aktar mil-livelli kurrenti), dan il-programm se jkun qed jagħti spinta lis-setturi kulturali u tal-kreattività, li huma sors ewlieni ta' impjiegi u tkabbir. Anke l-Kapitali Ewropej tal-Kultura, iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew u l-ħames premjijiet Ewropej (il-Premju tal-UE għall-Patrimonju Kulturali/il-Premjijiet Europa Nostra, il-Premju tal-UE għall-Arkitettura Kontemporanja, il-Premju tal-UE għal-Letteratura, il-Premjijiet "European Border Breakers", u l-Premju MEDIA) se jirċievu appoġġ mill-programm Ewropa Kreattiva.

  • Ir-riċerka u l-innovazzjoni ffinanzjati mill-UE se jagħmlu aktar biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej u biex itejbu l-kompetittività globali tal-UE. Il-programm il-ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 huwa mgħammar b'baġit ta' madwar EUR 80 biljun5 – madwar 30% aktar mill-qafas kurrenti f'termini reali. Jidher biċ-ċar li l-inizjattiva Orizzont 2020 tinsab fil-qalba tal-isforzi tal-UE biex toħloq tkabbir u impjiegi ġodda fl-Ewropa. Riċerkaturi u negozji madwar l-Ewropa jistgħu jistrieħu fuq appoġġ mill-UE ferm imsaħħaħ u ssimplifikat. Din se tagħti spinta lir-riċerka tal-ogħla livell fl-Ewropa, inkluż il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, se ssaħħaħ it-tmexxija industrijali fl-innovazzjoni anke permezz ta’ investiment f’teknoloġiji ewlenin, aċċess akbar għall-kapital u appoġġ għall-SMEs u se tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-soċjetà bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp ta’ trasport u mobilità sostenibbli, l-affordabilità tal-enerġija rinnovabbli, l-iżgurar tas-sigurtà u s-sikurezza fl-ikel, jew li niffaċċjaw l-isfida ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Ta' importanza kbira huwa wkoll il-fatt li din se tgħin biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u s-suq, pereżempju, billi tgħin lill-impriżi innovattivi jiżviluppaw l-avvanzi teknoloġiċi tagħhom fi prodotti vijabbli b'potenzjal kummerċjali reali. Il-kooperazzjoni internazzjonali se tkun prijorità importanti tal-Orizzont 2020. Taħt l-Orizzont 2020, l-azzjonijiet Marie Curie Skłodowska-Curie se jirċievu aktar minn EUR 6 biljun fl-2014-20206 -30 % iktar mil-livelli kurrenti. Dan se jippermetti lill-UE tappoġġa aktar minn 65,000 riċerkatur. L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) se jirċievi EUR 2.7 biljun fl-2014-20207 biex itejjeb ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozju, u sabiex jappoġġa start-ups intraprenditorjali u taħriġ postuniversitarju speċjalizzat.

  • L-Intrapriżi żgħar u medji huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Ewropa hekk kif jammontaw għal madwar 99 % tan-negozji Ewropej kollha u jipprovdu tnejn minn kull tliet impjiegi fis-settur privat. Bis-saħħa tal-programm COSME l-ġdid, dawn jistgħu jistennew EUR 2.3 biljun8 f’appoġġ għat-trawwim tal-kompetittività tagħhom u biex jiġu stimolati t-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa. COSME huwa l-ewwel programm tal-UE mmirat għall-SMEs u se jiffaċilita l-aċċess tagħhom għas-swieq fl-UE u barra mill-UE u joffri aċċess aktar faċli għall-finanzjament permezz ta’ garanziji ta’ self u kapital ta' riskju.

  • It-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa jiddependu b'mod kruċjali fuq l-investiment fl-infrastruttura. Iċ-ċittadini u n-negozji huma mxekkla wisq ta’ spiss minħabba li n-netwerks tal-infrastruttura madwar l-Ewropa, kemm dawk tat-trasport, tal-enerġija u tal-ICT, mhumiex kompluti, huma ineffiċjenti jew sempliċiment ineżistenti. Bi EUR 33.3 biljun (26.3 biljun għat-trasport9, 5.9 biljun għall-enerġija, 1.1 biljun għall-informatika)10, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) se tkun l-istrument ewlieni għall-investiment infrastrutturali strateġiku fil-livell Ewropew. Din se tgħin biex jinbnew toroq, binarji ferrovjarji, grilji tal-elettriku u pipelines tal-gass, u l-infrastruttura u s-servizzi għas-Suq Uniku Diġitali billi ġġib appoġġ finanzjarju kruċjali meħtieġ biex jimtlew in-nuqqasijiet fin-netwerks infrastrutturali tal-Ewropa li li kieku ma kinux jinbnew. Interkonnessjonijiet aħjar se jtejbu l-opportunitajiet ta' negozju u s-sigurtà tal-enerġija, u se jagħmlu x-xogħol u l-ivvjaġġar aktar faċli. Dan jibbenefikaw minnu kemm iċ-ċittadini kif ukoll in-negozji, fl-Istati Membri kollha. Fil-qasam tat-trasport, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se tgħin biex tittwettaq il-politika tal-infrastruttura tat-trasport li tant ilha mistennija fejn disa’ passaġġi ewlenin ser jiffurmaw is-sinsla għat-trasport fis-suq uniku tal-Ewropa u jirrivoluzzjonaw il-konnessjonijiet bejn il-Lvant– u l-Punent. Fil-qasam tal-infrastruttura tal-enerġija, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa hija kruċjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet prinċipali tal-politika tal-enerġija, l-enerġija affordabbli għall-konsumaturi kollha, is-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà. Il-FNE, flimkien mas-soluzzjonijiet biex il-permessi jingħataw aktar malajr u biex jiġu introdotti inċentivi regolatorji permezz tar-regolament il-ġdid tal-linji gwida TEN-E, issa se jtejbu radikalment il-klima ta’ investiment għal dawn il-proġetti. Il-FNE huwa wkoll l-ewwel programm ta’ investiment fil-livell tal-UE f’netwerks tal-broadband u infrastrutturi tas-servizzi diġitali sabiex is-Suq Uniku diġitali jsir realtà.

  • L-iskarsità ta' flus pubbliċi żżid il-bżonn li jiġu sfruttati sorsi oħra ta’ finanzjament biex b'hekk jiġi ġġenerat effett ta’ lieva fuq il-baġit tal-UE meta mqabbel ma’ finanzjament b'għotja diretta. Dan huwa preċiżament l-għan tal-istrumenti finanzjarji, bħal self, garanziji, ekwità u strumenti oħra ta' kondiviżjoni tar-riskji, li jistgħu jintużaw b’mod aktar wiesa’ fil-baġit 2014-2020. Dawn ser jiġu implimentati f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF) u l-banek promozzjonali nazzjonali. L-għan ta’ dawn l-istrumenti huwa li jiġu indirizzati fallimenti speċifiċi tas-suq fl-oqsma bħalma huma l-finanzjament għall-SMEs, il-proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp, l-effiċjenza tal-enerġija u l-infrastruttura ewlenija. Pereżempju, l-Inizjattiva SME l-ġdida tal-Kummissjoni se tappoġġa s-self bankarju lill-SMEs fi Stati Membri partikolarment milquta mill-kriżi finanzjarja permezz ta’ garanziji ta' self parzjali u strumenti tat-titolizzazzjoni. Strument innovattiv ieħor, l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti, jipprovdi alternattiva, mezz mhux bankarju ta' finanzjament għal proġetti ewlenin ta’ infrastruttura bħal linji tal-ferrovija, l-awtostradi u n-netwerks ta’ trażmissjoni tal-enerġija. B’hekk din tiftaħ dawn il-proġetti għal investituri istituzzjonali, bħall-fondi tal-pensjoni u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, li jfittxu flussi ta’ flus stabbli u fit-tul, filwaqt li jiżviluppaw alternattiva għal self bankarju tradizzjonali bħala sors ta’ finanzjament. Se jintużaw strumenti finanzjarji fi programmi bħal COSME (SME finance), Orizzont 2020 (Riċerka u Innovazzjoni), Erasmus+ (għall-iskema ta’ garanzija tas-self tiegħu – ara l-punt 2) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (infrastruttura).

  • Il-baġit tal-UE għall- 2014-2020 huwa pass kbir 'il quddiem fit-trasformazzjoni tal-Ewropa f’ekonomija nadifa u kompetittiva b’livell baxx ta’ karbonju. Mill-inqas 20 % tal-baġit kollu se jintnefaq fuq proġetti u politiki marbuta mal-klima. L-impenn ta’ 20 % jittripplika 6-8 % tas-sehem kurrenti u jista’ jrendi sa EUR 180 biljun f’finanzjament għall-klima fl-oqsma ta’ nfiq ewlenin kollha, inkluż fondi strutturali, ir-riċerka, l-agrikoltura, il-politika marittima u s-sajd, u l-iżvilupp.

  • Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija risposta qawwija min-naħa tal-UE għall-isfidi l-kbar tal-lum, bħas-sikurezza tal-ikel, it-tibdil fil-klima u t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi f’żoni rurali. Din twieġeb ukoll aħjar għall-aspettattivi taċ-ċittadini: Il-pagamenti diretti se jkunu aktar ġusti u aktar ekoloġiċi. Il-bdiewa se jgawdu wkoll pożizzjoni iktar b’saħħitha fi ħdan il-katina tal-produzzjoni tal-ikel u l-PAK il-ġdida ser tkun aktar immirata, effiċjenti u trasparenti. Din tappoġġa wkoll agrikoltura orjentata lejn is-suq (pereżempju billi ma żżidx aktar sussidji fuq l-esportazzjoni, li tneħħew gradwalment matul dawn l-aħħar snin). Il-prodotti agrikoli rrappreżentaw sehem għoli ta’ 7 % fl-esportazzjonijiet tal-UE fl-2011 b’valur ta’ aktar minn EUR 100 biljun - aktar mill-karozzi jew il-farmaċewtiċi. Għalhekk, il-PAK hija mutur importanti għall-impjiegi u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Għal 50 sena, il-Politika Agrikola Komuni kienet politika ġenwinament Ewropea ta’ importanza strateġika. Peress li hija tabilħaqq politika tal-Komunità, aktar minn 70 % tal-finanzjament agrikolu fl-Ewropa tal-lum ġej mill-UE u mhux minn sorsi nazzjonali jew reġjonali bħalma kien jiġri qabel. Is-sehem tagħha fil-QFP 2014-2020 se jkun kif ġej: EUR 312.7 biljun jew 29% għan-nefqa marbuta mas-suq u assistenza diretta (pilastru 1); u EUR 95.6 biljun jew 9% għall-iżvilupp rurali (pilastru 2).11 Minkejja dan fl-1984, il-PAK globali kien jifforma madwar 70 % tal-baġit totali tal-UE.

  • Għalhekk, ir-regoli tal-finanzjament se jkunu ferm aktar sempliċi u eħfef biex jinftiehmu għall-benefiċjarji u inqas suxxettibbli għal żbalji. B’kollox, qed jiġu introdotti madwar 120 miżura ta’ simplifikazzjoni. Pereżempju: Fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, l-iżvilupp rurali u l-fond għas-sajd, l-investimenti tal-UE se jiġu ssimplifikati permezz ta’ regoli komuni għal dawn il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej kif ukoll regoli tal-kontabilità aktar faċli, talbiet ta' rappurtar aktar immirat u aktar użu mit-teknoloġija diġitali (“e-cohesion”). F’COSME, approċċ ta' "burokrazija żero" se jiġi applikat u se jiġu promossi r-rapportar elettroniku u s-sottomissjoni elettronika. L-Orizzont 2020 tipprovdi simplifikazzjoni kbira permezz ta’ sett uniku ta’ regoli għall-finanzjamenti kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni mogħtija preċedentement permezz ta' programmi differenti.

  • Ewropa iktar miftuħa u iktar sikura hija kruċjali għaċ-ċittadini tagħna. Il-baġit tal-ġejjieni tal-UE se jgħin biex jiġi żgurat li attivitajiet li jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, kulturali u soċjali jkunu jistgħu jiżviluppaw f’ambjent stabbli, legali u sikur. Se jgħin lin-nies iħossuhom komdi meta jkunu qed jgħixu, jivvjaġġaw, jistudjaw jew jagħmlu negozju fi Stati Membri oħra. Il-baġit tal-ġejjieni se jappoġġa l-kooperazzjoni fil-liġi ċivili u kriminali, jippermetti lin-nies jeżerċitaw aħjar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE u jippromwovi l-ugwaljanza. Se jipprovdi wkoll finanzjament biex jiġu trattati kwistjonijiet transfruntiera, bħal l-asil, il-migrazzjoni, il-kontrolli fil-fruntieri u l-viżi, u l-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Il-kapaċità tal-UE biex twieġeb malajr u b’mod effettiv għall-kriżijiet relatati mal-migrazzjoni u s-sigurtà se jingħataw spinta permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rispons ta’ emerġenza. L-ammonti previsti għaċ-ċittadini, l-asil, il-migrazzjoni, is-saħħa, il-konsumaturi u s-sigurtà taħt l-hekk imsejħa Intestatura 3 se jiżdiedu b’26.5 % meta mqabbla mal-perjodu preċedenti.

  • Bħala parteċipant globali responsabbli l-UE se tissokta bl-impenn tagħha mal-bqija tad-dinja. Ir-relazzjonijiet mal-viċinat immedjat tagħna, il-Lvant u n-Nofsinhar, u mal-imsieħba strateġiċi tagħna se jibqgħu ta' prijorità għolja. Hekk kif l-interdipendenza globali tikber, il-bżonnijiet ta' sigurtà u prosperità tagħna jeħtieġ li jiġu promossi lil hinn mill-fruntieri tagħna. Huwa għalhekk li l-għan ġenerali għal azzjoni esterna skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) se jkun li jiġi żgurat li l-UE tibqa’ msieħba influwenti u effettiva li tippromwovi d-demokrazija, il-paċi, is-solidarjetà, l-istabbilità, it-tnaqqis tal-faqar u l-prosperità, kemm fil-viċinat immedjat tal-UE u kif ukoll madwar id-dinja. Dan jibqa’ totalment impenjat lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Il-finanzjament tal-UE se jiffoka saħansitra aktar fuq l-għajnuna lill-ifqar fid-dinja billi l-appoġġ jiġi kkonċentrat fuq inqas pajjiżi (bħall-Afrika Sub-Saħarjana) u inqas setturi (bħat-tkabbir sostenibbli u inklużiv u l-governanza t-tajba). Barra minn hekk, l-UE se tibqa’ għaddejja bl-isforzi tagħha fil-prevenzjoni tal-kriżijiet sabiex tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali. L-istrumenti tagħna ta' assistenza esterna se jsaħħu wkoll l-impenn tal-UE ma' pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet li huma ta’ tħassib globali, bħat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ambjentali u l-instabbiltajiet reġjonali, u jippermettu lill-UE twieġeb malajr u b'mod effikaċi għad-diżastri naturali u dawk maħluqa mill-bniedem madwar id-dinja.

Għal aktar tagħrif:

Aqra l-MEMO/13/1004 b’FAQs, tabelli u grafiki dwar il-QFP 2014-2020

Żur il-websajt dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 u l-programmi ta’ finanzjament individwali tal-UE

Biex tkun taf aktar dwar iċ-ċifri għal kull programm fil-prezzijiet kurrenti u dawk tal-2011

Biex tkun taf aktar dwar l-allokazzjonijiet nazzjonali taħt il-Politika Agrikola Komuni u l-Politika ta' Koeżjoni

Aqra il-MEMO/13/1006 bit-test sħiħ tal-messaġġ fuq filmat tal-President Barroso

Aqra l-MEMO/13/79 dwar il-QFP

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)

Patrizio Fiorilli (+32 2 295 81 32)

Wojtek Talko (+32 2 297 85 51)

1 :

il-prezzijiet tal-2011. Fl-istqarrija għall-istampa kurrenti l-ammonti globali fil-QFP huma espressi fi prezzijiet tal-2011, filwaqt li l-ammonti għal kull programm jew strument ta’ finanzjament huma espressi fil-prezzijiet kurrenti, b’kunsiderazzjoni ta' inflazzjoni annwali ta’ 2 %. Dan jirrifletti wkoll l-approċċ meħud fin-negozjati tal-QFP. Ħarsa ġenerali bl-ekwivalenzi hija disponibbli hawn: http://bit.ly/HWyZbJ

2 :

il-prezzijiet kurrenti: Ekwivalenti fi prezzijiet tal-2011: EUR 325 biljun.

3 :

il-prezzijiet kurrenti. Ekwivalenti fi prezzijiet tal-2011: EUR 13-il biljun.

4 :

il-prezzijiet kurrenti. Ekwivalenti fi prezzijiet tal-2011: EUR 1.3 biljun.

5 :

il-prezzijiet kurrenti. Ekwivalenti fi prezzijiet tal-2011: EUR 70 biljun

6 :

il-prezzijiet kurrenti. Ekwivalenti fi prezzijiet tal-2011: EUR 5.45 biljun

7 :

il-prezzijiet kurrenti. Ekwivalenti fi prezzijiet tal-2011: EUR 2.4 biljun

8 :

il-prezzijiet kurrenti. Ekwivalenti fi prezzijiet tal-2011: EUR 2 biljun.

9 :

Dan jikkonsisti fi EUR 15-il biljun mill-Intestatura 1A u EUR 11.3 biljun speċifikament għall-FNE fil-Fond ta’ Koeżjoni taħt l-Intestatura 1B (fi prezzijiet kurrenti).

10 :

prezzijiet kurrenti. Ekwivalenti fi prezzijiet tal-2011: EUR 29 biljun.

11 :

Il-prezzijiet kurrenti. Ekwivalenti fi prezzijiet tal-2011: EUR 277.85 (pilastru 1) u EUR 84.9 biljun (pilastru 2)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website