Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Novembru 2013

Xtrajt xi ħaġa onlajn u trid flusek lura? Il-Proposta tal-Kummissjoni dwar Talbiet Żgħar tgħin lill-konsumaturi u l-SMEs

Xtrajt televiżjoni 3D ġdid bi skrin ċatt u qatt ma wasallek? Jew ħallast lill-fornitur tiegħek li jinsab barra minn pajjiżek u dan ġablek prodott difettuż? Tinkwieta xejn, hemm mod irħis kif tista' titlob flusek lura. Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi u n-negozji f’tilwimiet transfruntiera ta’ valur baxx. L-UE ilha mill-2007 toffri proċedura għar-riżoluzzjoni ta' tilwim ċivili u kummerċjali żgħir mingħajr taħbit: European Small Claims Procedure. Wara sitt snin, il-Kummissjoni qed tieħu mill-esperjenza miksuba biex tissimplifika u traħħas il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, u tagħmilha aktar rilevanti għall-konsumaturi u n-negozji. Il-bidla prinċipali proposta llum iżżid il-limitu massimu għas-sottomissjoni ta’ talba taħt din il-proċedura għal EUR 10 000, ’il fuq mill-EUR 2 000 tal-lum. In-negozji żgħar se jkunu r-rebbieħa l-kbar ta’ din il-bidla – peress li attwalment 20 % biss tat-talbiet kummerċjali jaqgħu taħt il-limitu ta’ EUR 2 000.

L-ebda talba ta' xi konsumatur jew xi negozju mhi żgħira wisq biex tingħata ħaqq mill-ġustizzja”, qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. “Wara li semgħet lill-konsumaturi u lin-negozji, illum il-Kummissjoni qed tipproponi regoli li se jagħmlu proċedura tassew Ewropea aktar effettiva u rilevanti għall-ħajja ta’ kuljum. Fi żmien meta l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfidi ekonomiċi kbar, it-titjib tal-effiċjenza tal-ġustizzja fl-UE huwa kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u t-tisħiħ tal-kummerċ. Illum, aħna qed naħdmu biex nissimplifikaw il-proċedura għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim ta' valur baxx fis-Suq Uniku tagħna. Il-konsumaturi u l-SMEs għandhom iħossuhom qishom qegħdin f'pajjiżhom meta jixtru prodotti transfruntiera.”

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, adottata fl-2007 u applikata sa mill-2009, hija għodda utli li tat prova tal-valur tagħha. Naqqset l-ispejjeż ta’ tilwim dwar talbiet żgħar transfruntiera sa 40 % kif ukoll it-tul tat-tilwim minn sentejn u 5 xhur għal żmien medju ta’ 5 xhur. Madankollu, għad hemm lok għal titjib. Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar li ġie ppubblikat illum, isib li l-limitu massimu ta’ EUR 2 000 għall-preżentazzjoni ta' talba jeskludi wisq tilwim ta’ valur baxx, partikolarment tilwim li jinvolvi intrapriżi żgħar u medji. Għadd kbir ta’ tilwim huwa wkoll eskluż bid-definizzjoni ristretta ta' dak li "tilwima transfruntiera" attwalment hi, li jfisser li pereżempju, inċident tat-traffiku f’reġjun fuq il-fruntiera ta’ Stat Membru ieħor jew kuntratt ta’ kera għal proprjetà ta’ veliġjatura, bħalissa mhumiex koperti mill-Proċedura.

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex ittejjeb l-utilità tal-proċedura, bl-introduzzjoni ta’ sett ta’ bidliet prattiċi mmirati lejn il-mod kif il-proċedura topera. Il-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi r-Regolament dwar it-Talbiet Żgħar se, b’mod partikolari:

Tgħolli l-limitu għall-preżentazzjoni ta' "talba żgħira" minn EUR 2 000 sa EUR 10 000. Dan se jgawdu minnu b’mod partikolari l-SMEs, biex b’hekk il-proċedura tkun applikabbli għal 50 % tat-talbiet tan-negozju ('il fuq mill-20 % tal-lum). Il-konsumaturi se jibbenefikaw ukoll peress li madwar waħda minn kull ħames talbiet tagħhom jaqbżu l-EUR 2 000.

Twessa’ d-definizzjoni ta’ x’inhu każ "transfruntier" sabiex tgħin aktar konsumaturi u negozji isolvu t-tilwim transfruntiera tagħhom.

Tillimita l-ispejjeż tal-qorti: Taħt il-proċedura għal talbiet żgħar attwali, il-miżati tal-qorti jistgħu jkunu sproporzjonati, b’xi każijiet fejn saħansitra jkunu jaqbżu l-valur tat-talba nnifisha. Il-proposta tal-lum se tiżgura li l-miżati tal-qorti ma jaqbżux l-10 % tal-valur tat-talba, u t-tariffa minima ma tistax tkun ogħla minn EUR 35. Din se teżiġi wkoll li l-miżati tal-qorti jkunu jistgħu jitħallsu onlajn bil-kard tal-kreditu.

Tnaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar: Ir-regoli l-ġodda se jippermettu lill-pretendenti jagħtu bidu lill-proċedura onlajn: l-email se jsir mezz ta' komunikazzjoni legalment validu bejn il-partijiet involuti u t-telekonferenzjar u l-vidjokonferenzjar se jsiru għodda naturali fis-seduti ta' smigħ, kull meta dawn ikunu meħtieġa.

Bil-proposta tal-lum il-Kummissjoni qed tiffaċilita aċċess effettiv għall-ġustizzja għall-konsumaturi u l-intrapriżi, sabiex dawn ikollhom il-kunfidenza biex jisfruttaw aħjar is-Suq Uniku. Bħala tali hija twettaq waħda mit-12-il azzjoni konkreti spjegati aktar kmieni din is-sena fit-tieni Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE immirat biex jgħin liċ-ċittadini jagħmlu użu aħjar mid-drittijiet tagħhom pereżempju f'xiri transfruntiera. Il-ħtieġa għal azzjoni kienet immarkata wkoll fl-Aġenda tal-Konsumatur Ewropea (IP/12/491).

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar imtejba tirrispondi għat-tħassib reali taċ-ċittadini: f'Ewrobarometru reċenti, terz ta' dawk li wieġbu indikaw li huma kieku jkunu aktar inklinati li jippreżentaw talba jekk il-proċeduri jkunu jistgħu jitwettqu biss bil-miktub, mingħajr il-ħtieġa li jippreżentaw ruħhom f'qorti. Il-proċedura mtejba tindirizza wkoll tħassib fil-qasam tan-negozju: f'konsultazzjoni pubblika u fi stħarriġ tal-Ewrobarometru 45% tan-negozji stqarru li huma ma jidħlux il-qorti għaliex l-ispejjeż tal-proċeduri tal-qorti jkunu sproporzjonati mat-talba. Fl-aħħar nett, il-proposta twieġeb ukoll għal sejħiet għal azzjoni mill-Parlament Ewropew sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi u n-negozji jagħmlu użu aħjar mill-proċedura għal talbiet żgħar.

Kuntest

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ir-Regolament (EC) Nru 861/2007) għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja billi tissimplifika t-tilwim dwar talbiet transfruntiera żgħar fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u li tnaqqas l-ispejjeż. Din tfasslet apposta biex tgħin lill-konsumaturi jinfurzaw id-drittijiet tagħhom u biex tiżgura l-aċċess għall-ġustizzja f’każijiet transfruntiera. Il-mekkaniżmu daħal fis-seħħ għall-ewwel darba fl-1 ta' Jannar 2009.

Taħt il-proċedura attwali ta' "talbiet żgħar" insibu każijiet li jikkonċernaw ammonti ta' EUR 2 000 jew inqas, eskluż l-imgħax, l-ispejjeż u l-iżborżi (fil-mument li l-qorti kompetenti tirċievi l-formola tat-talba). Is-sentenza tingħata fil-pajjiż tar-residenza tal-konsumatur, jew fil-pajjiż tal-kumpanija konvenuta jekk il-konsumatur jagħżel li jagħmel hekk. Id-drittijiet proċedurali taż-żewġ partijiet huma salvagwardjati, u s-sentenza ladarba tingħata ssir infurzabbli direttament fil-pajjiż tal-parti telliefa u fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE. Il-proċedura ssir fil-biċċa l-kbira tagħha bil-miktub bl-użu ta' formoli definiti minn qabel. Mhijiex meħtieġa rappreżentanza minn avukat.

Konsultazzjoni pubblika dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar saret minn Marzu sa Ġunju ta’ din is-sena (IP/13/240).

Storja ta’ suċċess li turi kif taħdem il-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar

Eżempju tal-konsumatur: Konsumatur Awstrijak ordna tagħmir għall-iskijjar minn websajt Ġermaniża. Huwa ħallas EUR 1 800 bil-quddiem permezz ta' trasferiment bankarju. In-negozjant qatt ma bagħat it-tagħmir u ma ħallasx lura l-prezz tax-xiri. Il-konsumatur għalhekk fetaħ Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Il-qorti Awstrijaka f'Linz tat sentenza favur il-konsumatur, li ġiet infurzata mill-awtoritajiet Ġermaniżi f’Charlottenburg. Il-konsumatur imbagħad irċieva rimborż tal-prezz tax-xiri.

Eżempju tal-SME: Bejjiegħ bl-imnut tal-kosmetiċi fil-Portugall kien qed jirrinnova l-ħanut tiegħu u ordna madum minn manifattur Spanjol b'valur ta' EUR 8 000. Wara l-kunsinna, l-SME tħallas il-fattura, iżda meta nbeda x-xogħol ta' rinnovazzjoni dawn innutaw li madwar nofs il-madum mogħti kien ġej għat-tond, u għalhekk ma setax jintuża.

Il-bejjiegħ Portugiż jitlob lill-kumpanija Spanjola tibdillu l-madum iżda din tirrifjuta, u tirrifjuta wkoll li tagħtih il-flus lura. Il-bejjiegħ Portugiż jiftaħ kawża tat-talbiet żgħar fil-qorti lokali tiegħu, u magħha jehmez il-fattura (billi l-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt kien fil-Portugall) u jitlob EUR 3 000 f’kumpens. Il-qorti tinnotifika permezz ta' rikors lill-kumpanija Spanjola, li toġġezzjona għat-talba billi tistqarr li l-madum kien ta’ kwalità tajba. Il-qorti titlob l-opinjoni ta’ espert, li jikkonferma li l-madum ma kienx ta' kwalità tajba.

Il-qorti tiddeċiedi li din l-evidenza hija adegwata u suffiċjenti, u tordna lill-kumpanija Spanjola tħallas kumpens ta’ EUR 3 000 u l-ispejjeż.

Għal aktar tagħrif

Ara MEMO/13/1007

Il-Kummissjoni Ewropea – Proċedura għal Talbiet Żgħar
http://ec.europa.eu/justice/civil/commercial/eu-procedures/small_claims

Il-Portal tal-Ġustizzja-e – Formoli għal talbiet żgħar
https://e-justice.europa.eu/content_small_claims_forms-177-mt.do

Rapport miċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur
http://ec.europa.eu/consumers/ecc/consumer_reports_en.htm

Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-Proċedura għal Talbiet Żgħar:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_395_sum_en.pdf

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @ vivianeredingeu

Anness: Infografika: Kif taħdem il-Proċedura għal Talbiet Żgħar

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website