Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Novembru 2013

Il-VW fuq quddiem nett fil-klassifika globali tal-R&D, filwaqt li l-kumpaniji tal-UE kellhom prestazzjoni mħallta

Għall-ewwel darba mill-2004, kumpanija tal-UE – il-manifattur Ġermaniż tal-karozzi Volkswagen – hija l-akbar investitur fl-R&D mis-settur privat fid-dinja kollha. Il-kumpanija Volkswagen tinsab fuq quddiem nett fil-Klassifika tal-UE dwar l-Investiment Industrijali fl-R&D tal-Kummissjoni Ewropea għall-2013 b'investiment ta' €9.5 biljun fl-2012. B'mod ġenerali, il-kumpaniji bbażati fl-UE (527 kumpanija) żiedu l-investiment fl-R&D b'6.3%, ftit aktar mill-medja tal-elfejn kumpanija fil-Klassifika (+6.2%). Madankollu, bħalma ġara s-sena l-oħra, dawn waqgħu lura meta mqabbla ma' sħabhom l-Amerikani (+8.2%). Il-kumpaniji tal-UE wrew ukoll prestazzjoni mħallta skont is-settur, uħud mis-setturi kellhom żieda qawwija fl-R&D filwaqt li oħrajn staġnaw jew ġarrbu tnaqqis. Il-kumpaniji fil-Klassifika tal-UE li ħadu sehem fl-istħarriġ jistennew li jżidu l-investimenti tagħhom fl-R&D b'medja ta' 2.6% fis-sena bejn l-2013 u l-2015, jiġifieri inqas milli kien mistenni matul is-sena ta' qabel.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "L-UE għadha ma laħqitx lill-kompetituri ewlenin tagħha fejn jidħol l-investiment tan-negozji fl-R&D, u fl-aħħar rapporti, is-sinjali li qed jidhru mhuma xejn sbieħ. Minkejja r-riżultati pożittivi li kisbu xi kumpaniji tal-UE f'setturi industrijali importanti bħal dak tal-karozzi, xorta għadna dgħajfin wisq f'setturi tat-teknoloġija għolja bħalma huma dawk tal-bijoteknoloġija u s-softwer."

Kien hemm żieda medja ta' 6.2% fl-R&D mill-kumpaniji fil-Klassifika, u dan minkejja t-tnaqqis fil-bejgħ nett (+4.2% vs +9.9% fl-2011) u t-tnaqqis ta' 10.1% fil-qligħ tal-operat fl-2012. Il-biċċa l-kbira tar-riżultati pożittivi ġenerali tal-UE ġew bis-saħħa taż-żieda fir-rati tal-R&D min-naħa ta' kumpaniji Ġermaniżi, b'mod partikolari fis-settur tal-karozzi.

It-tieni post fil-klassifika kisbitu l-kumpanija Samsung Electronics mill-Korea t'Isfel b'investiment ta' € 8.3 biljun. Fost l-ewwel għaxar kumpaniji hemm ħamsa bbażati fl-Istati Uniti (Microsoft, Intel, Merck, Johnson&Johnson u Pfizer), tnejn fl-Iżvizzera (Roche u Novartis) u oħra fil-Ġappun (Toyota).

Il-kumpaniji bbażati fl-UE, mis-settur tal-karozzi u l-parts urew żieda qawwija fl-R&D (+14.4% vs -2.6% ta' sħabhom l-Amerikani). Il-kumpaniji tal-UE qabżu wkoll lil sħabhom l-Amerikani fl-inġinerija industrijali (+12.3% vs +9.4%) u fl-ajruspazju u d-difiża (+9.5% vs -1.3%). Ir-riżultati tal-kumpaniji tal-UE fis-settur tal-ICT kienu mħalltin: is-softwer u s-servizzi tal-kompjuter marru tajjeb (+14.2%) iżda l-ħardwer ġarrab tnaqqis (-2.3%). B'kuntrast, il-kumpaniji bbażati fl-Istati Uniti marru tajjeb fiż-żewġ setturi (+12.6% u +14.8% rispettivament).

Analiżi tax-xejriet fl-aħħar għaxar snin turi li l-Istati Uniti għadhom iżidu l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom f'settur intensivi fl-R&D bħal dawk tal-ICT u tas-saħħa (sehem ta' 70% mill-investimenti kollha fl-R&D li għamlu fl-2012 il-kumpaniji fil-Klassifika tal-Istati Uniti meta mqabbel ma' 64% fl-2004).

Minkejja li l-Istati Uniti jinsabu fuq quddiem sew f'dawn is-setturi ferm intensivi fl-R&D, jekk wieħed jixtarr il-pożizzjonijiet aktar baxxi tal-kumpaniji tal-UE jinnota għadd sinifikanti ta' kumpaniji li marru tajjeb f'setturi bħal dawk tas-softwer u tal-bijoteknoloġija, u fil-futur dawn jaf ikunu minn ta' quddiem nett.

Il-kuntest

Il-Klassifika tal-UE dwar l-Investiment Industrijali fl-R&D, tippubblikaha kull sena l-Kummissjoni Ewropea (id-DĠ għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u ċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka). Il-Klassifika tal-2013 tibbaża fuq kampjun ta' elfejn kumpanija, investituri ewlenin fl-R&D li f'daqqa jgħaqqdu valur ta' investiment akbar minn 90% tan-nefqa totali fl-R&D tan-negozji fid-dinja. Din tkejjel il-valur totali tal-investiment globali tagħhom fl-R&D li jiffinanzjaw mill-fondi tagħhom stess, irrispettivament minn fejn isir l-R&D rilevanti. Il-kampjun fih kumpaniji li investew aktar minn €22.6 miljun fl-R&D fl-2012 u li huma bbażati fl-UE (527), fl-Istati Uniti (658), fil-Ġappun (353) u f'pajjiżi oħra (462), fosthom iċ-Ċina, il-Korea t'Isfel, l-Iżvizzera, l-Indja, il-Kanada, l-Awstralja, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Brażil.

L-Istħarriġ tal-UE dwar ix-Xejriet tal-Investiment Industrijali fl-R&D jikkumplimenta lill-Klassifika tal-UE għall-Investiment Industrijali fl-R&D għax jiġbor informazzjoni kwalitattiva dwar il-fatturi u l-kwistjonijiet li jinvolvu u jinfluwenzaw l-istrateġiji attwali u prospettivi tal-investiment fl-R&D li jkollhom il-kumpaniji. Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-2013 huma bbażati fuq 172 tweġiba li taw il-kumpaniji, ħafna minnhom kumpaniji kbar, minn fost l-elf kumpanija bbażata fl-UE li hemm fil-Klassifika tal-UE dwar l-Investiment Industrijali fl-R&D għall-2012. Dawn it-tweġibiet inġabru bejn April u Ġunju tal-2012.

MEMO/13/1000

Għar-rapport sħiħ:

http://iri.jrc.ec.europa.eu/reports.htm

Għal aktar tagħrif dwar Orizzont 2020:

http://ec.europa.eu/research/horizon2020/

Għal aktar tagħrif dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni:

http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Inma Martinez Garcia (+32 2 298 73 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website