Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress tal-Kosovo* lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża

Commission Européenne - IP/13/108   12/02/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-12 ta’ Frar 2013

L-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress tal-Kosovo* lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża

Il-Kummissjoni llum ippreżentat l-ewwel rapport dwar il-progress miksub tal-Kosovo li jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tal-liberalizzazzjoni tal-viża. Il-Kummissjoni evalwat il-progress tal-Kosovo f’kull blokka tal-pjan direzzjonali tal-viża u għamlet sett ta’ rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet tal-Kosovo f’oqsma fejn hija meħtieġa aktar azzjoni deċiżiva biex jinkiseb vjaġġar ħieles mill-viża għaċ-ċittadini tagħha. Ir-rapport jevalwa wkoll l-impatt relatat mas-sigurtà potenzjali u l-migrazzjoni tal-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo

Ir-rapport jivvaluta r-rekord tal-Kosovo fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u r-riformi kif stabbiliti fil-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, b’fokus fuq il-leġiżlazzjoni tal-Kosovo.

Dan juri li l-Kosovo stabbilixxa qafas legali u istituzzjonali fir-riammissjoni, ir-reintegrazzjoni, is-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-fruntieri/konfini, il-migrazzjoni, l-ażil, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, il-protezzjoni tad-dejta u d-drittijiet fundamentali b’rabta mal-libertà tal-moviment.

Ir-rapport jidentifika żewġ proposti leġiżlattivi ġodda li l-Kosovo għandu jadotta: liġi dwar il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji f’ġestjoni integrata tal-fruntiera/konfini u liġi biex tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin. Diversi proposti oħrajn ta’ leġiżlazzjoni, bħal-liġijiet dwar l-ismijiet, il-barranin, l-ażil, il-kontroll tal-fruntiera/konfini, il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-abbozz tal-liġi dwar l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni, jeħtieġu aktar emendi biex jiġi żgurat l-allinjament tagħhom mal-istandards tal-UE. Id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi kriminali l-ġdid u l-kodiċi tal-proċedura kriminali għandhom jiġu ċċarati, u l-abbozz tal-liġi dwar l-irkupru tal-assi għandu jiġi adottat.

Il-kapaċità kurrenti tal-Kosovo biex jiġġieled il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni tibqa’ limitata, b’impatt potenzjalment severi dwar is-sigurtà interna tal-UE.

Ir-rata tar-rifjut tal-viża għall-applikanti mill-Kosovo tvarja min-naħa għall-oħra taż-żona Schengen, filwaqt li n-numru ta’ ċittadini Kosovari li ġew rifjutati d-dħul fl-UE riċentement irdoppja. L-għadd ta’ ċittadini li jinstabu li llegalment ikunu qed joqogħdu jew ifittxu asil fl-UE naqas, u l-għadd ta’ applikazzjonijiet ta’ riammissjoni pendenti għandu jitnaqqas.

Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se twettaq aktar valutazzjoni, billi tiffoka partikolarment fuq l-isforzi tal-Kosovo li tadotta r-rakkomandazzjonijiet stipulati fir-rapport.

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea nediet djalogu għal-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo fid-19 ta’ Jannar 2012 (IP/12/32).

Il-pjan direzzjonali tal-viża kien f’idejn l-awtoritajiet tal-Kosovo fl-14 ta’ Ġunju 2012 (IP/12/605). Hija tistabbilixxi lista komprensiva ta’ riformi li l-Kosovo kien mitlub li jimplimenta, sabiex jitħarsu r-rekwiżiti b’rabta mal-libertà tal-moviment, bħar-riintegrazzjoni u r-riammissjoni, is-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-fruntiera/konfini u l-migrazzjoni, l-ażil, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u d-drittijiet fundamentali b’rabta mal-libertà tal-moviment.

L-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress tal-Kosovo biex jitwettqu r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tal-viża ġie diskuss illum f’laqgħa fi Pristina bejn uffiċjali għolja miż-żewġ naħat, immexxija mid-Direttur Ġenerali Stefano Manservisi għad-DĠ Affarijiet Interni u l-Ministru għall-Integrazzjoni Ewropea Vlora Çitaku. Uffiċjali oħrajn tal-UE bi grad għoli mid-Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir u Ġustizzja, kif ukoll id-Deputat Prim Ministru u l-Ministri għall-Affarijiet Interni u għall-Ġustizzja attendew ukoll għal-laqgħa.

Links Utli

Il-websajt ta’ Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ Affarijiet Interni

Segwi lid-DĠ Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)

* :

Dan l-isem huwa bla ħsara għall-pożizzjonijiet dwar status, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/99 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza mill-Kosovo.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site