Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ambjent: Tibda l-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart

European Commission - IP/13/1084   15/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta' Novembru 2013

Ambjent: Tibda l-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart

Nitkellmu dwar l-importanza tal-hekk imsejħa "3Rs" (Reduce, Reuse, Recycle) – li permezz tagħhom iċ-ċittadini jiġu mħeġġa jnaqqsu l-iskart, u jerġgħu jużawh u jirriċiklawh – iżda l-aktar importanti fost dawn huwa t-tnaqqis tal-iskart. Din se tkun it-tema ċentrali tul is-7 ijiem li jmiss, bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart (EWWR). L-għan hu li jiżdied l-għarfien dwar kif nistgħu nibdlu d-drawwiet fl-Ewropa, u li nistimolaw id-dibattitu dwar kwistjonijiet relatati mal-użu effiċjenti tar-riżorsi u mal-ekonomija ċirkolari. Il-proġett, li qed jiġi kkoordinat mill-Assoċjazzjoni tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Riċiklaġġ u l-Immaniġġjar Sostenibbli tal-Iskart (ACR+) u appoġġjat mill-programm LIFE+ tal-UE, issa jkopri 17-il pajjiż, fosthom 3 pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, stqarr: "Hemm potenzjal enormi fl-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart. Qed navvanzaw sew fl-isforzi tagħna li nordmu dejjem inqas skart fil-miżbliet u li nżidu dejjem aktar dak li nistgħu nirriċiklaw minnu. Inizjattivi popolari bħall-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart huma mod importanti kif kulħadd jiġi involut fil-ħolqien ta’ soċjetà mingħajr skart."

Il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart, li se ssir bejn is-16 u l-24 ta’ Novembru, qed tipproponi modi ġodda kif tinxtered il-kelma dwar it-tnaqqis tal-iskart, u dwar l-użu mill-ġdid ta’ prodotti u r-riċiklaġġ ta' materjali. L-għan hu li jiġu żviluppati u ttestjati għodod ta' komunikazzjoni li huma mmirati lejn amministrazzjonijiet u assoċjazzjonijiet, intrapriżi, skejjel, u lejn iċ-ċittadini individwali. L-attivitajiet mistennija jilħqu l-qofol tagħhom waqt il-Jiem Tematiċi Dwar il-Prevenzjoni tal-Iskart, li din is-sena se jiffokaw fuq l-użu mill-ġdid tal-iskart, b’attivitajiet lokali bħal swieq ta’ oġġetti użati, workshops dwar it-tiswija u swap parties.

B'konnessjoni mal-EWWR se tiġi mnedija wkoll Ġurnata Ewropea għat-Tindif, li se ssir fl-10 ta’ Mejju 2014 u fil-jiem ta' qabel u wara din id-data. “Ejjew innaddfu l-Ewropa” hija sfida li se tkun immirata lejn il-voluntiera biex dawn inaddfu l-viċinati tagħhom u x-xtajtiet tal-baħar mill-iskart. L-għan mhuwiex biss li jinġabar l-iskart, iżda wkoll li jiġi ġġenerat dibattitu dwar l-iskart u dwar kif għandu jiġi mmaniġġjat.

Kull sena, iċ-ċittadini Ewropej jiġġeneraw aktar minn 500 kg ta’ skart muniċipali kull persuna, iżda dan ivarja minn ftit aktar minn 300 kg f’ċerti Stati Membri għal aktar minn 700 kg fi Stati Membri oħrajn. Bħala medja, nofs dan l-iskart jiġi rriċiklat, iżda hemm differenzi enormi bejn l-Istati Membri. F’xi Stati Membri, ir-rimi fil-miżbliet sparixxa għalkollox u r-rati ta’ riċiklaġġ laħqu s-70 %, filwaqt li f'oħrajn ir-riċiklaġġ huwa minimu u aktar minn 90 % tal-iskart muniċipali għadu jintrema fil-miżbliet. Il-konsumaturi u l-unitajiet domestiċi għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fit-tnaqqis tal-iskart permezz tad-drawwiet tagħhom tax-xiri u l-użu mill-ġdid u s-separazzjoni tal-iskart.

Sfond

Imnedija fl-2009, oriġinarjament il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart kienet iffukata fuq is-sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-iskart. Tul l-erba’ edizzjonijiet li saru, l-inizjattiva kisbet suċċess dejjem akbar fl-Ewropa (u anki lilhinn mill-Ewropa), bl-implimentazzjoni ta' iktar minn 25,000 azzjoni ta’ komunikazzjoni fi 28 pajjiż u l-ħolqien ta' netwerk ta’ atturi pubbliċi u privati li jaħdmu fil-qasam tal-prevenzjoni tal-iskart.

L-azzjonijiet se jsiru l-Andorra, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit, il-Bosnja Ħerzegovina u l-Islanda.

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tagħti prijorità lill-prevenzjoni, lill-użu mill-ġdid u lir-riċiklaġġ fuq l-inċinerazzjoni, filwaqt li tikkunsidra r-rimi fil-miżbliet jew l-inċinerazzjoni mingħajr irkupru ta' enerġija bħala l-aħħar alternattiva possibbli. Fi studju mħejji mill-Kummissjoni ġie kkalkulat li sal-2020, bl-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, se jiġu ffrankati EUR 72 biljun fis-sena, u li l-fatturat annwali tal-immaniġġjar tal-iskart u tas-settur tar-riċiklaġġ tal-UE se jiżdied bi EUR 42 biljun filwaqt li se jinħolqu wkoll aktar minn 400,000 impjieg.

Il-Kummissjoni Ewropea qed twettaq reviżjoni tal-miri tagħha dwar l-iskart, li r-riżultati tagħha se jiġu integrati f'reviżjoni tal-politika fl-2014.

Għal aktar tagħrif:

http://www.ewwr.eu

www.letscleanupeurope.eu

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/waste/index.htm

http://ec.europa.eu/environment/life/funding/lifeplus.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website