Navigation path

Left navigation

Additional tools

Prestazzjoni massima mis-sorveljanza baġitarja tal-Ewropa

European Commission - IP/13/1082   15/11/2013

Other available languages: EN FR DE ES IT FI ET LT PL SK SL HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, il-15 ta' Novembru 2013

Prestazzjoni massima mis-sorveljanza baġitarja tal-Ewropa

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett maġġuri ta' avviżi tas-sorveljanza baġitarja, li jkopri 13-il Stat Membru taż-Żona tal-Ewro u tliet Stati Membri mhux parti miż-Żona tal-Ewro, b'iffukar speċjali wkoll fuq iż-Żona tal-Ewro bħala entità ekonomika fiha nnifisha. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni ħarġet l-opinjonijiet dwar l-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Ewro, li minn din is-sena jrid jitressaq lill-Kummissjoni sal-15 ta' Ottubru, fl-istess żmien li l-abbozzi tal-baġit jintbagħtu lill-parlamenti nazzjonali. Ġew ippubblikati wkoll valutazzjonijiet rigward il-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE), ksur potenzjali tal-kriterji tad-dejn u tad-defiċit skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), u dwar ċerti pjanijiet tal-Istati Membri għar-riformi strutturali b'impatt baġitarju deskritt fil-Programm ta' Sħubija Ekonomika (PSE) tagħhom.

Olli Rehn, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Ewro, qal: “Ilħaqna punt importanti fit-triq għall-irkupru ekonomiku kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-governanza ekonomika msaħħa tal-Ewropa. L-opinjonijiet tal-lum tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet baġitarji nazzjonali jappoġġaw lill-Istati Membri taż-Żona tal-Ewro fil-ħidma tagħhom għal tkabbir aktar b'saħħtu u sostenibbiltà fiskali. Dan għax f'unjoni ekonomika u monetarja, deċiżjonijiet baġitarji nazzjonali jista' jkollhom impatt ferm lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. L-Istati Membri taw lill-Kummissjoni r-responsabbiltà li toħroġ dawn l-opinjonijiet u nemmen li se jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali li jieħdu d-deċiżjonijiet.”

Il-pakkett jinkludi erba' elementi:

1. Opinjonijiet dwar l-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji

Fil-qalba tal-pakkett hemm l-ewwel opinjonijiet dwar l-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji għall-2014 imressqa mit-13-il pajjiż taż-Żona tal-Ewro li mhumiex bi programm ta' aġġustament ekonomiku (kollha barra Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall). L-opinjonijiet jagħtu sinjal bikri dwar jekk il-baġits nazzjonali sottostanti humiex skont l-obbligi tal-PST qabel ma jiġu adottati.

2. Valutazzjonijiet ta' azzjoni effettiva

Il-Kummissjoni vvalutat l-azzjoni meħuda minn seba' Stati Membri bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet il-ġodda tal-Kunsill adottati f'Ġunju li għadda billi stabbilixxew dati ta' skadenza ġodda għall-korrezzjoni tad-defiċits eċċessivi. Il-pajjiżi kkonċernati huma l-Belġju, Spanja, Franza, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, u s-Slovenja.

3. Valutazzjonijiet tal-Programmi ta' Sħubija Ekonomika

Wara li din is-sena rċevew ir-rakkomandazzjoni l-ġdida tal-PDE, Spanja, Franza, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovenja ddeskrivew il-pjanijiet tagħhom għar-riformi strutturali b'impatt baġitarju fil-Programmi ta' Sħubija Ekonomika, li l-Kummissjoni analizzat ukoll.

4. Rapporti biex jiġu analizzati raġunijiet għan-nuqqas ta' konformità mal-kriterji tad-dejn jew tad-defiċit

Fl-aħħar, għall-Kroazja, il-Litwanja u l-Finlandja, il-Kummissjoni bagħtet rapporti lill-Kunsill li jivvalutaw ir-raġunijiet għal ksur reali jew imbassar ta' kwalunkwe wieħed mil-limiti ewlenin stabbiliti fil-PST.

Konklużjonijiet għaż-Żona tal-Ewro

Benefiċċju ewlieni tal-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji huwa li ffaċilitat ukoll valutazzjoni tas-sitwazzjoni baġitarja taż-Żona tal-Ewro ġenerali, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-lum. Uħud mill-konklużjonijiet ewlenin huma:

• L-isforzi ta' konsolidazzjoni kbar implimentati f'dawn l-aħħar snin qed jagħtu l-frott: id-dejn pubbliku se jistabbilixxi ruħu u l-bilanċ nominali medju tal-baġit huwa mistenni li jitnaqqas taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG. Dawk il-pajjiżi li qed jaffaċċaw l-akbar sfidi fiskali qed jippjanaw li jimplimentaw l-isforzi ta' konsolidazzjoni l-aktar b'saħħithom, bi ftit differenzi skont l-ispazju fiskali. Madankollu, żewġ Stati Membri biss (l-Estonja u l-Ġermanja) kisbu l-objettiv ta' terminu medju tagħhom, li jimplika li hija meħtieġa aktar konsolidazzjoni f'pajjiżi oħrajn taż-Żona tal-Ewro. L-isforz fiskali aggregat, kif espress mill-bidla fil-bilanċ baġitarju li ma jinkludix effetti ċikliċi u miżuri ta' darba u temporanji, is-sena d-dieħla għandu jammonta għal ¼ % tal-PDG.

• Tinħtieġ aktar riforma strutturali biex jiġu xprunati l-pedamenti għal tkabbir sostnut u finanzi pubbliċi sodi. B'mod ġenerali, il-Programmi ta' Sħubija Ekonomika juru progress rigward it-titjib tal-oqfsa fiskali nazzjonali; riżultati mħalltin rigward ir-riforma tat-taxxa; u riformi sostanzjali fis-sistemi tal-pensjoni u tas-saħħa, avolja mhux għall-pajjiżi kollha.

• L-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji xorta ma jagħtix biżżejjed attenzjoni lill-kompożizzjoni tal-konsolidazzjoni fiskali. B'mod partikolari, ix-xejra ġenerali tan-nefqa kapitali pubblika li qed tonqos osservata fl-aħħar snin, filwaqt li tistabbilizza, mhijiex qed titreġġa' lura. Ċertu ffukar fuq ir-restrizzjoni tan-nefqa huwa importanti fi strateġija ta' konsolidazzjoni mfassla tajjeb, b'mod speċjali fejn is-setturi tal-gvern huma relattivament kbar.

Konklużjonijiet speċifiċi għall-pajjiż

Huwa inkoraġġanti li ma nstab l-ebda Abbozz tal-Pjan Baġitarju li qiegħed f'nuqqas serju ta' konformità mal-obbligi tal-PST u li mhuwiex meħtieġ li jintalbu pjanijiet baġitarji riveduti. Madankollu, f'bosta każijiet, il-Kummissjoni sabet raġunijiet għal kritika sostanzjali u talbet lill-Istati Membri kkonċernati biex iqisu l-opinjonijiet tagħha fil-finalizzazzjoni tal-baġits għall-2014. Hawn taħt hija ħarsa ġenerali tal-konklużjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni għal kull pajjiż:

L-Awstrija (Skadenza tal-PDE tal-2013; Opinjoni dwar l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju)

L-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Awstrija huwa konformi fuq firxa wiesgħa mar-regoli tal-PST.

It-tbassir tal-Kummissjoni jirreferi għal korrezzjoni dewwiema tad-defiċit eċċessiv fl-2013 u xi devjazzjoni mit-triq għall-aġġustament lejn l-objettiv ta' terminu medju ta' defiċit strutturali ġenerali tal-gvern ta' 0.45 % tal-PDG fl-2014.

L-Awstrija għamlet ftit progress fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet biex jiżguraw konformità sħiħa mal-PST fil-proċess baġitarju nazzjonali.

Hekk kif gvern ġdid jibda l-mandat tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali huma mħeġġa li jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-Ewro Abbozz tal-Pjan Baġitarju aġġornat.

Il-Belġju (Skadenza tal-PDE għall-2013. Opinjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju, Valutazzjoni ta' azzjoni effettiva skont il-PDE)

Il-Belġju jidher li ħa azzjoni effettiva fl-2013 bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-PDE, u jidher li hemm korrezzjoni dewwiema tad-defiċit eċċessiv sal-iskadenza tal-2013.

L-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Belġju huwa konformi fuq firxa wiesgħa mar-regoli tal-PST.

B'mod partikolari, l-aġġustament strutturali lejn objettiv ta' terminu medju huwa ftit inqas mill-isforz meħtieġ.

Il-Belġju għamel progress limitat fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet biex jiżguraw konformità sħiħa mal-PST fil-proċess baġitarju nazzjonali.

Il-Kroazja (mhijiex fil-PDE; Rapport dwar il-ksur tal-kriterji tad-dejn u tad-defiċit)

Fl-2012 id-defiċit tal-Kroazja laħaq il-5 % tal-PDG, u d-dejn totali tal-gvern ammonta għal 55.5 % tal-PDG. Skont il-pjanijiet tal-gvern u t-tbassir tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2013, id-defiċit tal-baġit huwa mbassar li jibqa' sew 'il fuq mill-valur referenzjarju ta' 3 % fil-perjodu 2013-2015, filwaqt li d-dejn pubbliku huwa mbassar li jaqbeż is-60 % fl-2014.

Konsegwentament, il-Kummissjoni ħejjiet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat u eżaminat il-fatturi relevanti. Ir-riżultati tar-rapport jappoġġaw il-konklużjoni li la l-kriterji tad-defiċit u lanqas tad-dejn tat-Trattat ma ġew issodisfati.

Għalhekk il-Kummissjoni beħsiebha li tirrakkomanda lill-Kunsill li tinfetaħ Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv għall-Kroazja.

L-Estonja (mhijiex fil-PDE; Opinjoni dwar l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju)

L-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Estonja huwa konformi fuq firxa wiesgħa mar-regoli tal-PST.

B'mod partikolari, fl-2014 l-objettiv ta' terminu medju ta' żieda strutturali huwa mistenni li jinżamm.

L-Estonja għamlet ftit progress fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Finlandja (mhijiex fil-PDE; Opinjoni dwar Abbozz tal-Pjan Baġitarju, Rapport dwar il-ksur tal-kriterju tad-dejn)

L-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Finlandja huwa f'riskju ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PST.

B'mod partikolari, il-Kummissjoni tidentifika devjazzjoni mit-triq għall-aġġustament lejn l-objettiv ta' terminu medju ta' defiċit strutturali ġenerali tal-gvern ta' 0.5 % tal-PDG.

Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, fl-2014 id-dejn tal-Finlandja se jikser il-limitu tat-Trattat tas-60 % tal-PDG u huwa mistenni li jikber aktar. Il-Kummissjoni investigat dan il-ksur f'rapport skont l-Artikolu 126(3) u waslet għall-konklużjoni li, minħabba t-tkabbir ta' livell baxx u fatturi oħrajn, il-pożizzjoni tad-dejn imbassra ma jistħoqqilhiex it-tnedija ta' PDE.

Il-Finlandja għamlet ftit progress fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-proċess baġitarju nazzjonali biex jiżguraw li l-baġit tal-2014 ikun konformi bi sħiħ mal-PST u b'mod speċjali jindirizzaw ir-riskji identifikati fil-valutazzjoni.

Franza (Skadenza tal-PDE għall-2015; Opinjoni dwar Abbozz tal-Pjan Baġitarju, Valutazzjoni ta' azzjoni effettiva, Opinjoni dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika)

Jidher li Franza ħadet azzjoni effettiva fl-2013 bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-PDE.

L-Abbozz tal-Pjan Baġitarju huwa konformi mar-regoli tal-PST, minkejja li huwa mingħajr marġini. B'mod partikolari, jidher li ttieħdet azzjoni effettiva wkoll fl-2014.

Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika mressaq jikkostitwixxi progress limitat fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet biex jimplimentaw b'mod rigoruż il-baġit.

Il-Ġermanja (mhijiex fil-PDE; Opinjoni dwar l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju)

L-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Ġermanja huwa konformi mar-regoli tal-PST.

B'mod partikolari, il-Ġermanja tirrispetta l-objettiv tagħha ta' terminu medju.

Madankollu l-Ġermanja ma għamlet l-ebda progress fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2013.

Hekk kif gvern federali ġdid jibda l-mandat tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali huma mistiedna biex jippreżentaw Abbozz tal-Pjan Baġitarju aġġornat.

L-Italja (mhijiex fil-PDE; Opinjoni dwar l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju)

Hemm riskju li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju għall-2014 mhuwiex se jkun konformi mar-regoli tal-PST. B'mod partikolari, il-punt ta' riferiment għat-tnaqqis tad-dejn fl-2014 mhuwiex rispettat.

L-Abbozz tal-Pjan Baġitarju juri progress limitat fir-rigward il-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-proċess baġitarju nazzjonali biex jiżguraw li l-baġit tal-2014 ikun konformi bi sħiħ mal-PST u b'mod speċjali jindirizzaw ir-riskji identifikati fil-valutazzjoni.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Italja ma tistax tieħu vantaġġ mill-klawżola ta' investiment fl-2014 peress, fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2013, mhijiex se tagħmel l-aġġustament strutturali minimu meħtieġ biex iġġib il-proporzjon tagħha tad-dejn għall-PDG fi triq ta' tnaqqis suffiċjenti.

Il-Litwanja (mhijiex fil-PDE; Rapport dwar il-ksur tal-kriterju tad-defiċit)

Id-defiċit ġenerali tal-gvern fil-Litwanja laħaq it-3.2 % tal-PDG fl-2012, ogħla iżda qrib it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG. Id-dejn tal-gvern għall-2013 huwa mbassar għal 39.9 % u se jiżdied bi ftit fl-2014, qabel ma jonqos fl-2015.

Peress li l-eċċess tal-valur referenzjarju jista' jitqies bħala temporanju u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-Litwanja taħt il-valur referenzjarju ta' 60 % tal-PDG b'mod sostenibbli, l-ispiża diretta netta tar-riforma tal-pensjonijiet għandha titqies meta tiġi vvalutata l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Hekk kif dawn l-ispejjeż kienu ta' 0.2 % tal-PDG fl-2012, dawn jispjegaw l-eċċess tal-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG fl-2012.

F'rapport li tħejja skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni sabet li l-Litwanja tikkonforma mal-kriterji tad-defiċit u tad-dejn tat-Trattat u għalhekk mhuwiex meħtieġ li jiġi rrakkomandat il-ftuħ ta' Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv.

Il-Lussemburgu (mhuwiex fil-PDE; Opinjoni dwar l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju)

Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-bilanċ ġenerali tal-gvern fit-termini strutturali huwa mbassar li jiddeterjora minn eċċess ta' 0.8 % tal-PDG fl-2012 għal defiċit ta' 0.4 % tal-PDG fl-2014, b'hekk imur lil hinn b'mod sinifikanti mill-objettiv ta' terminu medju tal-Lussemburgu ta' aċċess ta' 0.5 % tal-PDG. Għalhekk, hemm riskju ta' nuqqas ta' konformtià mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-PST.

Il-Lussemburgu għamel ftit progress fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-proċess baġitarju nazzjonali biex jiżguraw li l-baġit tal-2014 ikun konformi bi sħiħ mal-PST u b'mod speċjali jindirizzaw ir-riskji identifikati fil-valutazzjoni.

Hekk kif gvern ġdid jibda l-mandat tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali huma mistiedna li jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-Ewro Abbozz tal-Pjan Baġitarju aġġornat.

Malta (Skadenza tal-PDE għall-2014; Opinjoni dwar Abbozz tal-Pjan Baġitarju, Valutazzjoni ta' azzjoni effettiva, Opinjoni dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika)

Jidher li Malta ħadet azzjoni effettiva fl-2013 bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-PDE.

L-Abbozz tal-Pjan Baġitarju għall-2014 imressaq minn Malta huwa fir-riskju ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-PST. B'mod partikolari, it-tbassir tal-Kummissjoni jindika riskju ta' nuqqas ta' konformtià rigward ir-rakkomandazzjoni tal-PDE għall-2014.

Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jikkostitwixxi progress limitat fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-proċess baġitarju nazzjonali biex jiżguraw li l-baġit tal-2014 ikun konformi bi sħiħ mal-PST u b'mod speċjali jindirizzaw ir-riskji identifikati fil-valutazzjoni.

Il-Pajjiżi l-Baxxi (Skadenza tal-PDE għall-2014; Opinjoni dwar Abbozz tal-Pjan Baġitarju, Valutazzjoni ta' azzjoni effettiva, Opinjoni dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika)

Jidher li l-Pajjiżi l-Baxxi ħadu azzjoni effettiva bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-PDE.

L-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-2014 huwa konformi mar-regoli tal-PST, minkejja li huwa mingħajr marġini.

B'mod partikolari, il-miżuri għall-2014 huma konsistenti ma' dak li jirrikjedi l-Kunsill, minkejja li, fuq il-bażi tat-tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv mhijiex mistennija li tintemm sa dik is-sena.

Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika ppreżentat mill-Pajjiżi l-Baxxi jikkostitwixxi ftit progress fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet biex jimplimentaw il-baġit b'mod rigoruż.

Il-Polonja (Skadenza tal-PDE għall-2014; Rapport dwar azzjoni effettiva u rakkomandazzjoni ġdida)

Il-Polonja ma ħaditx azzjoni effettiva fl-2013 bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-Polonja mhijiex se tissodisfa l-objettiv tad-defiċit ġenerali tal-gvern għall-2013 irrakkomandat mill-Kunsill u ma adottatx l-ammont meħtieġ ta' miżuri ta' konsolidazzjoni. Filwaqt li fl-2014 il-mira ewlenija x'aktarx se tintlaħaq, dan huwa minħabba trasferiment ta' darba tal-assi tal-fondi tal-pensjoni, li ma jiggarantixxix korrezzjoni sostenibbli fis-snin ta' wara.

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar azzjoni effettiva meħuda (l-Artikolu 126.8 TFUE) u qed tirrakkomanda lill-Kunsill biex iżid il-proċedura b'rakkomandazzjoni ġdida għall-Polonja biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv mhux aktar tard mill-2015 (l-Artikolu 126.7 TFUE).

Is-Slovakkja (Skadenza tal-PDE tal-2013; Opinjoni dwar l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju)

L-Abbozz ta' Pjan Baġitarju huwa konformi fuq firxa wiesgħa mar-regoli tal-PST. B'mod partikolari, filwaqt li s-Slovakkja hija mistennija li tirrispetta l-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG, hemm tħassib dwar jekk id-defiċit eċċessiv huwiex korrett b'mod dewwiemi.

Barra minn hekk, minkejja li s-Slovakkja tillimita t-tkabbir tan-nefqa skont ir-rekwiżiti, hija mistennija xi ftit devjazzjoni mit-triq għall-aġġustament lejn l-objettiv ta' terminu medju ta' defiċit strutturali ġenerali tal-gvern ta' 0.5 % tal-PDG.

Is-Slovakkja għamlet progress limitat fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

F'dan l-istadju s-Slovakkja ma tistax titqies eliġibbli biex tibbenefika mill-klawżola ta' investiment, peress li hija suġġetta għall-PDE.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet biex jiżguraw konformità sħiħa mal-PST fil-proċess baġitarju nazzjonali.

Is-Slovenja (Skadenza tal-PDE għall-2015; Opinjoni dwar Abbozz tal-Pjan Baġitarju, Valutazzjoni ta' azzjoni effettiva, Opinjoni dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika)

Jidher li s-Slovenja ħadet azzjoni effettiva fl-2013 bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-PDE.

L-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tas-Slovenja huwa konformi mar-regoli tal-PST, minkejja li huwa mingħajr marġini.

B'mod partikolari, is-Slovenja hija mbassra li fl-2014 tissodisfa l-isforz fiskali rrakkomandat.

Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jikkostitwixxi progress limitat fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet biex jimplimentaw il-baġit b'mod rigoruż.

Spanja (Skadenza tal-PDE għall-2016; Opinjoni dwar Abbozz tal-Pjan Baġitarju, Valutazzjoni ta' azzjoni effettiva, Opinjoni dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika)

Jidher li Spanja ħadet azzjoni effettiva fl-2013 bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-PDE.

Għall-2014, l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju huwa fir-riskju ta' nuqqas ta' konforimtà mar-regoli tal-PST, hekk kif id-defiċit nominali jista' jkun li ma jintlaħaqx u t-titjib irrakkomandat fil-bilanċ strutturali bħalissa mhuwiex mistenni li jiġi ssodisfat.

Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jikkonferma l-aġenda tar-riforma u l-iskeda taż-żmien għar-riformi fiskali u strutturali oħrajn inklużi fil-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2013 u l-Programm ta' Stabbiltà Spanja għamlet ftit progress fl-indirizzar tal-parti strutturali tar-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-proċess baġitarju nazzjonali biex jiżguraw li l-baġit tal-2014 ikun konformi bi sħiħ mal-PST u b'mod speċjali jindirizzaw ir-riskji identifikati fil-valutazzjoni.

Passi li jmiss

L-opinjonijiet dwar l-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji se jiġu ppreżentati lill-Grupp tal-Ewro, li se jiltaqa' fit-22 ta' Novembru biex jiddiskutihom. Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll l-opinjoni tagħha lill-parliament tal-Istat Membru kkonċernat u/jew lill-Parlament Ewropew jekk tintalab tagħmel dan.

Skont l-iskeda baġitarja komuni l-ġdida introdotta mill-Pakkett ta' Tnejn, il-baġits għandhom jiġu adottati mill-parlamenti nazzjonali sal-31 ta' Diċembru kull sena.

Il-Kummissjoni tkompli bis-sorveljanza tagħha tal-iżviluppi baġitarji fl-Istati Membri kollha matul is-sena.

Il-proposta għar-rakkomandazzjonijiet tal-PDE se tiġi ppreżentata lill-Kunsill tal-ECOFIN tal-10 ta' Diċembru biex tiġi diskussa.

L-istess Kunsill tal-ECOFIN se jiddiskuti wkoll il-proposti tal-Kummissjoni għall-opinjonijiet tal-Kunsill dwar il-Programmi ta' Sħubija Ekonomika.

Għal aktar informazzjoni:

IP/13/1082

MEMO/13/457

MEMO/13/463

Għall-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji:

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/budgetary_plans/index_en.htm

Għal ħarsa ġenerali tal-PiDE:

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/corrective_arm/index_en.htm

Paġna tal-ECFIN dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/index_en.htm

Vade Mecum dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/occasional_paper/2013/op151_en.htm

Speċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Pakkett ta' Tnejn u tal-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut tal-abbozz tal-pjanijiet baġitarji, tal-programmi ta' sħubija ekonomika u r-rapporti dwar il-ħruġ ta' dejn

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/130701_-_two_pack_coc_final_endorsed.pdf

Kuntatti :

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website