Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Jum Ewropew ta' Għarfien dwar l-Antibijotiċi 2013: l-UE tqawwi l-ġlieda tagħha kontra l-batterji reżistenti għall-mediċina

European Commission - IP/13/1081   15/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta' Novembru 2013

Il-Jum Ewropew ta' Għarfien dwar l-Antibijotiċi 2013: l-UE tqawwi l-ġlieda tagħha kontra l-batterji reżistenti għall-mediċina

Stħarriġ1 ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea juri li mill-2009 kien hemm tnaqqis fl-użu tal-antibijotiċi fil-bnedmin u li l-għarfien tal-pubbliku li l-antibijotiċi ma joqtlux il-virusijiet qiegħed kulma jmur jiżdied. Madankollu, din l-aħbar pożittiva titlef mis-saħħa tagħha meta wieħed jara li dejta maħruġa fl-istess linja miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (l-ECDC) turi żieda sostanzjali fl-Ewropa ta’ batterji Gram negattivi reżistenti għal ħafna mediċini u li jirreżistu l-karbapenemi — antibijotiċi li jintużaw meta jkun falla kull tentattiv ieħor biex jiġu ttrattati infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. Għaldaqstant il-Kummissjoni qiegħda ssaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra r-reżistenza antimikrobika (AMR) billi tiffinanzja 15-il proġett ġdid ta' riċerka (MEMO/13/996) u permezz ta' regoli armonizzati dwar il-ġbir ta' dejta b'rabta mal-AMR fejn jidħlu l-annimali u l-ikel (MEMO/13/994).

Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, is-Sur Tonio Borg, qal: “Ninsab tassew imħasseb dwar il-fatt li l-antibijotiċi, li s'issa ppermettewlna nittrattaw infezzjonijiet batteriċi li qabel kienu jwasslu għall-mewt u li allura salvaw tant ħajjiet, maż-żmien qed isiru dejjem inqas effettivi. Ma nistax nenfasizza biżżejjed kemm il-Kummissjoni qed teħodha bis-serjetà din il-kwistjoni tar-reżistenza antimikrobika. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata b’mod sħiħ li ssegwi l-pjan ta’ azzjoni tagħha biex tindirizza r-reżistenza antimikrobika kemm fin-nies u kemm fl-annimali b’mod koordinat”.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, qalet: “Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali jekk irridu nikkontrollaw ir-reżistenza antimikrobika. Dawn il-proġetti ġodda se jżidu mal-ħidma eċċellenti li tinsab għaddejja biex jiġu żviluppati mediċina u trattamenti ġodda. Ninsab partikolarment sodisfatt li hemm tant kumpaniji żgħar imsieħba f’dawn il-proġetti — xi ħaġa li nixtieq nara fil-programm ġdid ta' riċerka tal-UE, Orizzont 2020.”

Pjan ta' Azzjoni: is-sitwazzjoni fil-preżent

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ta’ Novembru 20112 biex jipprevjeni l-firxa ulterjuri ta’ reżistenza antimikrobika jistabbilixxi seba’ oqsma ewlenin fejn il-miżuri huma l-aktar meħtieġa: 1) niżguraw li l-antimikrobiċi jintużaw b'mod responsabbli kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali; 2) nipprevjenu l-infezzjonijiet mikrobiċi u t-tifrix tagħhom; 3) niżviluppaw antimikrobiċi effettivi ġodda jew alternattivi għat-trattamenti; 4) nikkooperaw mal-imsieħba internazzjonali biex irrażżnu r-riskji tal-AMR; 5) intejbu l-monitoraġġ u s-sorveljanza fil-mediċina tal-annimali u tal-bnedmin; 6) ir-riċerka u l-innovazzjoni; u 7) il-komunikazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Wara li għaddew biss sentejn mill-pjan ta’ ħames snin, sar progress sinifikanti f’bosta oqsma, b’mod partikolari:

Riċerka u innovazzjoni: L-UE investiet madwar EUR 800 miljun f’riċerka marbuta mal-AMR, inkluż permezz tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi (IMI). Illum il-Kummissjoni qed tħabbar it-tnedija ta' 15-il proġett ġdid ta' riċerka li jammontaw għal total ta' EUR 91 miljun f'kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE. Il-proġetti, li jinvolvu madwar 44 intrapriża żgħira u medja, kif ukoll universitajiet u organizzazzjonijiet oħra ta’ riċerka, se jkunu qed jiżviluppaw antimikrobiċi ġodda jew alternattivi, pereżempju faġi u vaċċini. Se jittrattaw ukoll ir-reżistenza għall-antibijotiċi fil-katina alimentari u se jistudjaw nanoteknoloġiji li jistgħu jwasslu għal mediċini antimikrobiċi.

It-titjib tal-monitoraġġ u tas-sorveljanza: Sar sforz kbir għall-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tas-sistemi ta’ sorveljanza dwar il-konsum tal-antimikrobiċi u reżistenza fis-settur veterinarju. Deċiżjoni tal-Kummissjoni, ippubblikata din il-ġimgħa, tistabbilixxi regoli dwar il-ġbir ta' dejta armonizzata dwar l-AMR fl-annimali u fl-ikel. Dan huwa importanti biex tkun tista' titqabbel id-dejta bejn l-Istati Membri kemm fil-każ tas-settur uman kif ukoll f'dak veterinarju, u biex jiġu evalwati l-miżuri meħuda.

L-użu xieraq tal-antibijotiċi fin-nies u fl-annimali: Bosta proġetti ffinanzjati mill-Programm tas-Saħħa jindirizzaw, pereżempju, l-użu ħażin ta’ aġenti antimikrobiċi fil-mediċina tal-bnedmin, is-sensibbilizzazzjoni min-naħa tal-partijiet interessati — it-tobba, il-bdiewa, l-ispiżjara u l-pazjenti — u l-bejgħ ta’ antimikrobiċi mingħajr riċetta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda fl-aħħar fażi tar-reviżjoni tal-għodda legali għall-prodotti mediċinali veterinarji u l-għalf medikat li se tindirizza l-AMR f’dawn l-oqsma.

Il-prevenzjoni ta' infezzjonijiet mikrobiċi u t-tifrix tagħhom: F’Mejju ta’ din is-sena l-Kummissjoni adottat proposta ta’ liġi, waħda u komprensiva, dwar is-saħħa tal-annimali, li tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-mard u li kapaċi tnaqqas il-bżonn tal-antibijotiċi. Fejn tidħol is-saħħa tal-bniedem, jinsbau għaddejjin proġetti u azzjonijiet kofinanzjati mill-Programm tas-Saħħa li jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjenti, inklużi l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa.

Għal aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-AMR ara l-Pjan Direzzjonali.

Sfond

L-antimikrobiċi jinkludu l-antibijotiċi, li huma mediċini essenzjali għall-bnedmin u l-annimali, u li jistgħu jintużaw ukoll bħala diżinfettant, antisettiku u prodotti oħra tal-iġjene. Dawn naqqsu bil-kbir it-theddida tal-mard infettiv. L-antibijotiċi huma għodda indispensabbli fil-mediċina u huma użati fi proċeduri bħat-trapjanti u l-kemoterapija.

Madankollu, matul is-snin il-batterji rabbew reżistenza għall-antibijotiċi. Din ir-reżistenza mmanifestat ruħha fit-teħid ta' infezzjonijiet mill-isptarijiet stess, f'infezzjonijiet tas-sistema respiratorja, fil-meninġite, fil-mard tad-dijarea u f'infezzjonijiet trażmessi sesswalment. Il-batterji reżistenti jistgħu jgħaddu mill-annimali għall-bnedmin mill-katina tal-ikel jew permezz ta' kuntatt dirett.

Mis-snin 90 'l hawn, meta l-AMR ġiet meqjusa bħala theddida serja għas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni nediet varjetà ta' inizjattivi u azzjonijiet fis-setturi tal-mediċina umana u dik veterinarja, dak tal-ikel u l-għalf u dak tar-riċerka xjentifika. Il-Pjan ta' Azzjoni 2011 huwa l-iktar wieħed riċenti minn serje ta' miżuri li l-Kummissjoni ħadet biex tiġġieled l-AMR.

Għal aktar tagħrif, żur is-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/health/antimicrobial_resistance/policy/index_en.htm

http://ec.europa.eu/food/food/biosafety/antimicrobial_resistance/index_en.htm

http://ec.europa.eu/research/health/infectious-diseases/antimicrobial-drug-resistance/index_en.html

http://www.efsa.europa.eu/en/topics/topic/amr.htm

http://www.ecdc.europa.eu/en/healthtopics/antimicrobial_resistance/Pages/index.aspx

Il-websajt tal-Kummissarju Borg:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/borg/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Geoghegan-Quinn:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/geoghegan-quinn/index_en.htm

Segwina fuq Twitter: @EU_Health

Kuntatti:

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

1 :

Stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru dwar ir-Reżistenza Antimikrobika: http://ec.europa.eu/public_opinion/whatsnew2013_en.htm

2 :

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (748/2011) “Pjan ta’ azzjoni kontra kontra t-theddid li qed jiżdied ta' Reżistenza Antimikrobika"

http://ec.europa.eu/dgs/health_consumer/docs/communication_amr_2011_748_en.pdf”


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website