Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-impjiegi: Fl-2012 il-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni pprovda aktar minn EUR 73.5 miljun biex jappoġġa 15 700 ħaddiem tal-UE

Commission Européenne - IP/13/1076   14/11/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta' Novembru 2013

L-impjiegi: Fl-2012 il-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni pprovda aktar minn EUR 73.5 miljun biex jappoġġa 15 700 ħaddiem tal-UE

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) għen total ta’ 15 700 ħaddiem mogħtija s-sensja minħabba l-kriżi ekonomika u l-effetti tal-globalizzazzjoni biex isibu opportunitajiet ġodda ta’ impjieg fl-2012, skont rapport adottat illum mill-Kummissjoni Ewropea. Il-FEG ipprovda aktar minn EUR 73,5 miljun biex jgħin lill-ħaddiema fi 11-il Stat Membru (l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, l-Olanda, ir-Rumanija, Spanja u l-Iżvezja) flimkien ma' EUR 51.7 miljun minn riżorsi nazzjonali.

László Andor, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal: “Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wera li huwa għodda effettiva biex jgħin lin-nies li tilfu l-impjieg tagħhom, u b’mod partikolari lil dawk b’inqas ħiliet u persuni żvantaġġati li qegħdin ifittxu impjieg. Ninsab sodisfatt li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu biex il-FEG ikompli għaddej għall-perjodu 2014-2020 u li għal darb'oħra se jkun qiegħed jgħin lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom b'riżultat tal-kriżi ekonomika. Mhux biss: għall-ewwel darba, il-FEG se jkun disponibbli għal ħaddiema b'terminu fiss u għal dawk li jaħdmu għal rashom u, f’reġjuni fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa għoli, għaż-żgħażagħ li għadhom bla xogħol, li mhumiex jingħataw edukazzjoni u lanqas xi tip ta' taħriġ.”

Il-FEG jipprovdi finanzjament għal miżuri konkreti sabiex jgħin lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja biex itejbu l-impjegabilità tagħhom u jsibu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol. Vantaġġ minnhom tal-FEG huwa li dan jista’ jintuża biex jiffinanzja miżuri adattati għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-ħaddiema kkonċernati. Dawn il-miżuri jinkludu:

għajnuna intensiva u personalizzata fit-tfittxija tal-impjiegi

tipi varji ta’ taħriġ vokazzjonali, miżuri biex wieħed ikompli jibni fuq il-ħiliet preżenti u biex jitħarreġ mill-ġdid

inċentivi u konċessjonijiet temporanji sakemm idumu fis-seħħ il-miżuri attivi

sostenn għall-ħolqien tan-negozji

mentoring

skemi ta’ impjiegi pubbliċi.

Ir-rapport juri li meta għalaq il-perjodu tal-għajnuna, nofs il-ħaddiema (14,333 minn 28,662) li pparteċipaw fil-41 inizjattiva tal-FEG li diġà saru fis-snin preċedenti kienu sabu impjieg ġdid jew kienu qed jaħdmu għal rashom, u dan filwaqt li 1,069 persuna oħra kienu qed isegwu kors edukattiv jew ta’ taħriġ biex tiżdied l-impjegabilità futura tagħhom.

Ir-riżultati f’termini ta’ riintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol huma inkoraġġanti, speċjalment meta wieħed iżomm f'moħħu li bħalissa s-sejbien ta' xogħol mhux ħaġa faċli; li l-FEG jappoġġa ħaddiema f'ċirkostanzi partikolarment diffiċli fejn jingħataw sensji kollettivi li jaffettwaw territorju speċifiku; li l-ħaddiema appoġġati normalment ikunu fost dawk bl-akbar diffikultà fis-suq tax-xogħol, bħalma huma dawk bi ftit ħiliet jew persuni oħra li jkunu qegħdin ifittxu xogħol u li jkollhom xi tip ta' żvantaġġ.

Il-FEG bejn l-2014 u l-2020

Abbażi ta' din l-esperjenza, il-Kummissjoni pproponiet li tkompli topera l-Fond matul il-perjodu 2014-2020. Fil-11 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwar it-test tar-Regolament il-ġdid tal-FEG, li jippermetti lill-Istati Membri biex japplikaw għall-kofinanzjament mill-FEG skont ir-regoli l-ġodda minn Jannar tal-2014 ‘il quddiem.

L-ambitu tal-FEG twessa’ biex ikopri:

lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja minħabba li tkun għadha għaddejja l-kriżi globali finanzjarja u ekonomika jew minħabba xi kriżi simili, kriterju li kien diġà beda jiġi applikat minn Mejju tal-2009 sa tmiem l-2011.

il-ħaddiema b'terminu fiss u dawk li jaħdmu għal rashom.

żgħażagħ li huma bla xogħol, li mhumiex jingħataw edukazzjoni jew taħriġ f’reġjuni fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa għoli.

Sfond

Il-FEG beda jopera fl-2007. Sa Awwissu tal-2013, tressqu 110 applikazzjonijiet: 20 Stat Membru talbu madwar EUR 471.2 miljun biex jgħinu madwar 100,022 ħaddiem mogħtija s-sensja. Minn meta r-Regolament tal-FEG ġie emendat, tressqu applikazzjonijiet għal għajnuna mill-FEG minn għadd dejjem jiżdied ta’ Stati Membri u minn għadd dejjem jikber ta’ setturi. Aktar dettalji jidhru fil- MEMO/13/988 u fl-annessi tar-rapport annwali.

Rigward il-41 każ li għandna r-riżultat finali tagħhom, u li ġew analizzati għalkollox mill-Kummissjoni (minn Awwissu tal-2013), l-Istati Membri rrappurtaw li s-sitwazzjoni personali, l-impjegabilità u l-awtostima tal-ħaddiema kkonċernati tjiebet b’mod ċar bis-saħħa tal-għajnuna u s-servizzi pprovduti mill-FEG, anki jekk dawn mhux dejjem sabu xogħol ġdid minnufih.

Il-FEG ippermetta li l-Istati Membri jaġixxu b’mod iktar intensiv fl-oqsma affettwati mis-sensji, f’termini tan-numru ta’ persuni megħjuna u fejn jidħlu l-ambitu, it-tul ta' żmien u l-kwalità tal-appoġġ, minn dak li kien ikun possibbli mingħajr il-finanzjament mill-FEG. Bl-għajnuna tal-fondi tal-UE, dawn setgħu jirrispondu b’mod iktar flessibbli u fil-pakketti tagħhom jinkludu azzjonijiet ferm personalizzati, xi drabi innovattivi wkoll, u hekk irnexxielhom jiffukaw aktar fuq gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni, bħal pereżempju dawk li jkollhom ftit ħiliet u persuni żvantaġġati li jkunu qegħdin ifittxu impjieg (persuni ta’ età aktar minn 50 sena, li ġejjin minn familji migranti, b'diżabilità, li għandhom biss edukazzjoni bażika u ħiliet bażiċi, eċċ.).

Il-fieri tal-impjiegi li involvew lill-ħaddiema mogħtija s-sensja wrew li huma partikolarment effettivi, bħalma kienu dawk l-azzjonijiet fejn l-aġenziji tal-implimentazzjoni kkuntattjaw negozji lokali sabiex magħhom setgħu jidentifikaw postijiet vakanti li kienu għadhom ma ġewx ippubblikati, u dan biex issa l-ħaddiema li kienu ngħataw l-għajnuna issa setgħu jitħarrġu b'mod li l-ħiliet tagħhom setgħu jaqblu mal-ħtiġijiet tal-postijiet vakanti.

Aktar tagħrif

MEMO/13/988

L-aħbar fil-websajt tad-DĠ għall-Impjiegi

EGF Statistical Portrait 2007-2011

Il-websajt tal-FEG

Filmati tal-Aħbarijiet:

Europe acts to fight the crisis: the European Globalisation Fund revitalised

Facing up to a globalised world – The European Globalisation Fund

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq it-Twitter

Abbona b'xejn għall-bulettin bil-posta elettronika dwar l-impjiegi l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site