Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta' Novembru 2013

Stħarriġ li sar mal-UE kollha juri appoġġ mill-pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni responsabbli

Stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru juri li aktar minn tliet kwarti (77%) tal-Ewropej jidhrilhom li x-xjenza u t-teknoloġija jinfluwenzaw tajjeb lis-soċjetà. Madankollu, dawk li wieġbu wrew tħassib dwar ir-riskji tat-teknoloġiji l-ġodda, fosthom għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Dawn iridu li r-riċerka u l-innovazzjoni jagħtu attenzjoni xierqa lill-prinċipji etiċi (76%), lill-bilanċ bejn is-sessi (84%), u lid-djalogu pubbliku (55%). Bħalma wrew ir-riżultati ta' stħarriġ tal-Ewrobarometru preċedenti, aktar minn nofs l-Ewropej huma interessati fl-iżviluppi tax-xjenza u t-teknoloġija (53%), iżda l-biċċa l-kbira ma jħossuhomx infurmati biżżejjed (58%).

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza Máire Geoghegan-Quinn qalet: "Ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ juru li l-Ewropej jappoġġaw ir-rwol tax-xjenza u tat-teknoloġija fis-soċjetà, iżda fl-istess waqt jistennew li x-xjenzjati u l-politiċi jiżguraw li jitqiesu l-valuri u t-tħassib tagħhom. Orizzont 2020, il-programm li jmiss ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE, qed jaħdem biex jinstab dak il-bilanċ. Issa rridu nżidu l-isforzi tagħna biex noħolqu djalogu mas-soċjetà dwar ix-xjenza, u rridu nħeġġu aktar żgħażagħ biex jinteressaw ruħhom f'karrieri fix-xjenza u l-innovazzjoni."

66% ta' dawk li wieġbu l-istħarriġ jaħsbu li x-xjenzjati li jaħdmu fl-universitajiet jew fil-laboratorji tal-gvern huma l-aktar kwalifikati biex ifiehmu l-impatt tal-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi fuq is-soċjetà, u aktarx li dan il-grupp jitqies ukoll bħala l-aktar wieħed (82%) li qed jipprova jittratta s-soċjetà b'responsabbiltà.

Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej isiru jafu bl-iżviluppi f'dawn l-oqsma mit-televixin (65%), mill-gazzetti (33%), mill-internet (32%) u mir-rivisti (26%). Ftit anqas minn nofs dawk li wieġbu (47%) ma studjawx ix-xjenza jew it-teknoloġija l-iskola, l-università, il-kulleġġ jew xi mkien ieħor. Fl-istess waqt, l-Ewropej jidhrilhom li l-edukazzjoni xjentifika taffettwa tajjeb liż-żgħażagħ, u l-maġġoranza ta' dawk li wieġbu (65%) jaħsbu li l-gvernijiet tagħhom mhux qed jagħmlu biżżejjed biex iħeġġu l-interess fix-xjenza fost iż-żgħażagħ.

Il-kuntest

Dan l-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar b'intervisti wiċċ imb'wiċċ fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ħalli tiġi evalwata l-imġiba taċ-ċittadini Ewropej fejn jidħlu x-xjenza u l-innovazzjoni. B'kollox ġew intervistati 27,563 persuna minn gruppi soċjali u demografiċi differenti, bejn is-26 ta' April u l-14 ta' Mejju 2013. Għal dan l-istudju, il-medji tal-UE li ngħataw jirrappreżentaw il-medji tal-UE27 għax il-Kroazja kienet għadha mhix Stat Membru tal-UE meta sar dan l-istudju.

Orizzont 2020, il-programm li jmiss ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE, se jitħaddem mill-2014 sal-2020. Dan jindirizza bil-qawwa l-isfidi tas-soċjetà li jolqtu ħajjet in-nies, fosthom kura tas-saħħa aħjar, trasport aktar nadif u s-sigurtà fl-ikel u fl-enerġija. Orizzont 2020 se jkollu baġit speċifiku għal "Xjenza mas-soċjetà u xjenza għas-soċjetà" li se jiffoka fuq l-integrazzjoni tax-xjenza u tat-teknoloġija fis-soċjetà Ewropea. Barra minn hekk, dan se jintuża biex il-karrieri fix-xjenza u t-teknoloġija jsiru aktar attraenti, l-aktar fost iż-żgħażagħ, u biex jingħelbu d-diskrepanzi bejn is-sessi li jeżistu bħalissa f'dawn l-oqsma.

Waħda mill-ħidmiet li diġà qed issir biex titħeġġeġ b'mod dirett il-parteċipazzjoni tan-nies hija VOICES (Views, Opinions and Ideas of Citizens in Europe on Science) http://www.voicesforinnovation.eu/). Din hija konsultazzjoni ta' sena maċ-ċittadini tal-Ewropa kollha biex tixtarr il-kunċett tal-iskart bħala riżorsa. Ir-riżultati qed jintużaw biex jitfasslu l-prijoritajiet tar-riċerka Orizzont 2020 fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart urban.

Links

MEMO/13/987

Ir-rapport – bis-sommarju – u l-iskedi tal-pajjiżi jinsab fil-websajt tal-Ewrobarometru:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_419_400_en.htm#401

Il-websajt ta' Orizzont 2020: http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Inmaculada Martínez García (+32 2 298 73 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site