Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta' Novembru 2013

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tadotta regoli ġodda dwar l-appoġġ għall-films

Il-Kummissjoni Ewropea adottat kriterji riveduti għall-valutazzjoni, taħt ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, l-iskemi ta' sostenn tal-Istati Membri favur il-films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra. Il-Komunikazzjoni l-ġdida dwar iċ-Ċinema tippermetti l-għajnuna għal ambitu usa’ ta’ attivitajiet, tenfasizza d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fid-definizzjoni ta' attivitajiet kulturali li jixirqilhom l-appoġġ, tintroduċi l-possibilità li tingħata aktar għajnuna għal produzzjonijiet transfruntieri u tippromwovi l-patrimonju tal-films. Il-Kummissjoni qieset il-kummenti li waslu matul tliet konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri u l-partijiet interessati.

Il-President tal-Kummissjoni Joaquín Almunia kkummenta: “L-għan ta’ dawn ir-regoli rriveduti huwa li jinkoraġġixxu l-ħolqien awdjoviżiv vibranti fl-Ewropa filwaqt li jħarsu d-diversità kulturali kullimkien fl-UE. Hija tipprovdi qafas komuni tal-UE għall-appoġġ mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri li jqis id-dimensjoni Ewropea tas-settur awdjoviżiv u jfittex li jiżgura l-vijabbiltà u l-kompetittività kontinwa tiegħu.”

Ir-regoli l-ġodda jestendu l-ambitu tal-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema tal-2001 (ara IP/01/1326), li kienet tapplika biss għall-appoġġ fil-produzzjoni, biex tinkludi l-fażijiet kollha ta’ xogħol awdjoviżiv mill-kunċett sat-twassil lill-udjenzi. L-intensità tal-għajnuna li tista’ tingħata lil film tkompli tkun limitata fil-prinċipju għal 50 % tal-baġit tal-produzzjoni. L-ispejjeż ta' distribuzzjoni u promozzjoni jistgħu jkunu appoġġjati bl-istess intensità tal-għajnuna. Madankollu, koproduzzjonijiet iffinanzjati minn aktar minn Stat Membru wieħed issa jistgħu jirċievu għajnuna sa 60 % tal-baġit tal-produzzjoni. Għall-kuntrarju, m’hemm l-ebda limitu fuq l-għajnuna għall-kitba tal-iskript jew għall-iżvilupp tal-proġett ċinematografiku, jew għal xogħlijiet awdjoviżivi diffiċli, kif definit minn kull Stat Membru skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Skont ir-regoli l-ġodda, l-Istati Membri xorta jitħallew ikomplu jimponu kundizzjonijiet fuq l-infiq territorjali fuq il-benefiċjarji ta' miżuri ta' għajnuna awdjoviżiva. Fil-fatt, tali restrizzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku tal-UE hija ġġustifikata permezz tal-promozzjoni tad-diversità kulturali li tirrikjedi li jiġu ppreservati r-riżorsi u l-għarfien tal-industrija fuq livell nazzjonali jew lokali. Ir-regoli riveduti jiżguraw li tali obbligi territorjali jibqgħu proporzjonati ma’ dawn l-għanijiet. B'mod partikolari l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li 160 % tal-ammont tal-għajnuna mogħtija jintefaq fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu wkoll, indipendentement minn l-ammont ta’ għajnuna mogħtija, li livell minimu tal-attività ta' produzzjoni jitwettaq fit-territorju tagħhom bħala kundizzjoni biex jirċievu l-għajnuna. Dan qatt ma jista’ jkun ogħla minn 50 % tal-baġit tal-produzzjoni. Fis-sitwazzjonijiet kollha, bħal qabel, l-obbligu ta’ nfiq territorjali ma jista’ qatt jaqbeż it-80 % tal-baġit tal-produzzjoni.

Il-Komunikazzjoni l-ġdida dwar iċ-Ċinema tenfasizza wkoll l-importanza tal-għanijiet tal-patrimonju ċinematografiku marbuta mal-ġbir, preservazzjoni u aċċessibbiltà ta’ films Ewropej. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġjaw lill-produtturi biex jiddepożitaw kopja ta’ xogħlijiet megħjuna għall-preservazzjoni u użu mhux kummerċjali speċifikat.

L-Istati Membri għandhom jikkonformaw l-iskemi ta’ appoġġ attwali tagħhom ma’ din il-Komunikazzjoni fi żmien sentejn.

Sfond

L-Istati Membri tal-UE jipprovdu madwar €3 biljuni fis-sena f'għajnuna għall-films: €2 biljuni f'għotjiet u self b'imgħax baxx u €1 biljun f'inċentivi fiskali. Madwar 80% ta' dawn huma għall-produzzjoni tal-films. Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja joffru l-parti l-kbira ta’ dan l-appoġġ.

Il-kriterji ta' valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li ilhom applikati mill-2001 skadew fil-31 ta’ Diċembru 2012. Wara dik id-data, il-Kummissjoni kompliet tivvaluta skemi ġodda għall-appoġġ tal-films direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 107 (3) (d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, li jippermetti għajnuna għal għanijiet kulturali. Fejn possibbli, il-Kummissjoni serrħet ukoll fuq il-każistika stabbilita tagħha, ibbażata fuq il-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema tal-2001.

Il-Komunikazzjoni l-ġdida dwar iċ-Ċinema tirrifletti l-kontribuzzjonijiet li saru matul tliet konsultazzjonijiet pubbliċi li ġew organizzati rispettivament fl-2011, il-2012 u l-2013 (ara IP/13/388, IP/12/245, MEMO/12/186, IP/11/757 u paġna ta' konsultazzjoni).

It-test sħiħ tal-komunikazzjoni l-ġdida dwar iċ-Ċinema jinsab fis-sit:

http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/specific_rules.html.

Pubblikazzjonijiet ġodda dwar id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fuq l-Internet u fil-Ġurnal Uffiċjali huma elenkati fl- L-Aħbarijiet Elettroniċi ta' Kull Ġimgħa dwar l-Għajnuna mill-Istat.

Ara MEMO/13/993

Kuntatti :

Antoine Colombani (+32 2 297 45 13, Twitter: @ECspokesAntoine )

Maria Madrid Pina (+32 2 295 45 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website