Navigation path

Left navigation

Additional tools

Semestru Ewropew 2014: tisħiħ tal-irkupru

European Commission - IP/13/1064   13/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta' Novembru 2013

Semestru Ewropew 2014: tisħiħ tal-irkupru

L-akbar sfida quddiem l-ekonomija tal-Ewropa hija kif se jinżamm l-irkupru li huwa għaddej bħalissa. Dan huwa l-messaġġ ewlieni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) ta' din is-sena, adottat illum mill-Kummissjoni. L-adozzjoni tiegħu tniedi r-raba’ Semestru Ewropew tat-tfassil tal-politika ekonomika f’ambjent fejn it-tkabbir qed jerġa' jibda u l-Istati Membri qegħdin jagħmlu progress fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi li żviluppaw qabel il-kriżi.

Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tissokta bl-istrateġija bbilanċjata tagħha għat-tkabbir u l-impjiegi u tiffoka fuq ħames prijoritajiet ewlenin matul is-sena li ġejja:

Tkomplija ta' konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir

Għoti mill-ġdid ta' self mill-banek lill-ekonomija

Promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività għal-lum u għal għada

Indirizzar tal-qgħad u tal-konsegwenzi soċjali tal-kriżi

Immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika

Il-President Barroso qal: “Din hija bidla deċiżiva għall-ekonomija tal-UE. Il-ħidma siewja tal-UE qed tibda tagħti l-frott u t-tkabbir qed jirritorna bil-mod. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014 juri fejn irridu nkunu akbar u aktar b'saħħitna biex nindirizzaw ir-riformi li huma meħtieġa biex jinbena rkupru dejjiemi u nrawmu ambjent li fih il-banek iridu jsellfu, il-kumpaniji joħolqu l-impjiegi u n-nies ikollhom il-ħiliet biex jimlew dawn il-postijiet tax-xogħol.”

Is-SAT juri kif l-Istati Membri qegħdin jagħmlu l-aġġustamenti għall-proċess tat-tfassil tal-politika ekonomika li kien issaħħaħ dan l-aħħar skont is-Semestru Ewropew u qed jaħdmu aħjar flimkien skont regoli komuni.

Il-koordinament baġitarju fiż-Żona tal-Euro din is-sena laħaq livell mingħajr preċendenti: għall-ewwel darba, il-Kummissjoni se tivvaluta l-pjanijiet tal-abbozz tal-baġit taż-Żona tal-Euro għall-2014 qabel ma l-baġits ikunu adottati mill-Istati Membri u se tippreżenta ħarsa ġenerali tal-pożizzjoni fiskali fiż-Żona tal-Euro b'mod globali. Ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni se jiġu ppubblikati fil-15 ta’ Novembru.

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: Rapport ta’ progress

L-Istati Membri għamlu progress fuq kull waħda mill-ħames prijoritajiet identifikati mill-Kummissjoni fl-2013. L-istess prijoritajiet huma proposti għall-2014 għalkemm b'oqsma differenti enfasizzati li jiġbdu l-attenzjoni sabiex jirriflettu l-UE li qed tinbidel u l-ambjent ekonomiku internazzjonali.

Konsolidazzjoni fiskali: Sar progress sostanzjali u l-iżbilanċ baġitarju medju fl-UE tnaqqas bin-nofs minn massimu ta’ kważi 7 % tal-PDG fl-2009. Madankollu, il-livelli ta' dejn għadhom għoljin u mistennija li jilħqu l-massimu ta' kważi 90 % tal-PDG fl-2014 qabel jibdew jonqsu. Azzjoni bikrija ħolqot opportunità għall-Istati Membri biex inaqqsu r-ritmu ta' konsolidazzjoni u jiffokaw aktar fuq it-titjib tal-kwalità tan-nefqa pubblika u l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha. Pajjiżi li jkollhom aktar possibilità fiskali għal manuvrar għandhom iħeġġu l-investiment privat u l-konsum filwaqt li investiment fit-tul fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija u l-ħarsien tal-klima għandom jiġu protetti minn tnaqqis fil-baġit. It-taxxi għandhom jinbidlu minn fuq ix-xogħol għall-konsum, il-proprjetà jew it-tniġġis.

Użu mill-ġdid tas-self: Sar xi progress sabiex is-settur finanzjarju jiġi rimedjat u t-tensjonijiet fis-suq naqsu b'mod konsiderevoli minn nofs l-2012. L-isforzi tal-UE biex tinbena Unjoni Bankarja se jsaħħu l-kapaċità tal-banek biex jimmaniġġjaw ir-riskji fil-ġejjieni. Madankollu, għandu jsir aktar fi żmien qasir sabiex jitnaqqas id-dejn privat għoli (pereżempju, billi jiġu introdotti jew imtejba r-reġimi ta' insolvenza personali jew korporattivi), jitħejjew il-banek għal rekwiżiti ġodda ta' kapital u testijiet tal-istress u jitħaffef l-aċċess tal-kumpaniji għal finanzjament.

Tkabbir u kompetittività: Minħabba l-kriżi qed iseħħ ibbilanċjar mill-ġdid sinifikanti madwar l-Ewropa, b'bidla lejn aktar tkabbir ibbażat fuq l-esportazzjoni. Madankollu, il-progress mhuwiex suffiċjenti fil-każ tal-ftuħ tas-swieq tal-prodotti u s-servizzi għall-kompetizzjoni, partikolarment fis-suq tal-enerġija u l-professjonijiet regolati. Is-sistemi ta’ riċerka jeħtieġu wkoll li jiġu mmodernizzati.

Qgħad u Żviluppi soċjali: Sar progress mill-Istati Membri sabiex is-swieq tax-xogħol tagħhom jiġu mmodernizzati u fuq tul ta' żmien dan għandu jgħin biex aktar nies jiġu integrati fil-forza tax-xogħol. Il-punt fokali issa għandu jkun it-titjib tal-appoġġ attiv u t-taħriġ għall-persuni qiegħda – inkluż billi jittejbu s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u jiġu introdotti Garanziji għaż-Żgħażagħ – kif ukoll jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-edukazzjoni. L-Istati Membri għandhom ukoll jimmonitorjaw il-pagi sabiex jappoġġjaw kemm il-kompetittività, kif ukoll id-domanda domestika u għandhom jiżguraw li s-sistemi ta' ħarsien soċjali jilħqu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli.

Amministrazzjoni pubblika: Diversi Stati Membri qed jaħdmu biex jagħmlu s-setturi pubbliċi tagħhom aktar effiċjenti, inkluż billi jtejbu l-kooperazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ gvern. L-enfasi għandha tkun fuq it-trasferiment tas-servizzi pubbliċi onlajn u t-tnaqqis tal-burokrazija.

Is-SAT jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet dwar kif is-Semestru Ewropew għandu jiġi msaħħaħ. Sjieda nazzjonali tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fil-livell tal-UE jeħtieġu li jissaħħu, għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jinvolvu aktar il-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali u ċ-ċittadini fil-proċess biex jiġi żgurat li r-riformi ewlenin jinftiehmu u jiġu aċċettati. L-Istati Membri taż-Żona tal-Euro għandhom jiddedikaw aktar ħin biex jikkoordinaw ir-riformi maġġuri - qabel ma jiġu adottati fil-livell nazzjonali - partikolarment fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti. U jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw aħjar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li huma jirċievu kull rebbiegħa. Il-Kummissjoni se tipprovdi kontribut dwar dawn il-kwistjonijiet għall-Kunsill Ewropew f'Diċembru.

Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija: Lejn irkupru bilanċjat

Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2014 (AMR), li jniedi ċ-ċiklu annwali li jmiss tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku, jipprovdi analiżi oġġettiva tal-ekonomiji tal-Istati Membri bbażata fuq tabella ta' valutazzjoni li tqis il-kompetittività interna u esterna.

Din is-sena l-AMR juri li bosta Stati Membri qed jagħmlu progress fit-tnaqqis tad-defiċit fil-kontijiet kurrenti u jbiddlu t-telf f'kompetittività. Madankollu, l-AMR juri li huwa meħtieġ progress ulterjuri biex jiġi indirizzat id-dejn għoli, kif ukoll il-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta tal-aktar ekonomiji mdejnin, filwaqt li l-bilanċi favorevoli tal-kontijiet kurrenti qed jippersistu f’xi pajjiżi, u dan jissuġġerixxi livelli ta’ tfaddil u investiment mhux effiċjenti u l-ħtieġa li tissaħħaħ id-domanda domestika.

Din is-sena l-AMR jirrakkomanda rieżami fil-fond tal-iżviluppi ekonomiċi f'16-il Stat Membru, li għandhom sfidi u riskji potenzjali differenti li jistgħu jħallu konsegwenzi fuq il-bqija taż-Żona tal-Euro u l-UE kollha. L-AMR ma jippreġudikax ir-riżultati ta' dawn ir-rieżamijiet, li għandhom il-għan li jivvalutaw jekk jeżistux żbilanċi u jekk żbilanċi identifikati minn qabel humiex qed jippresistu jew jingħelbu.

Spanja u s-Slovenja kienu nstabu li kellhom żbilanċi eċċessivi fis-sessjoni preċedenti tar-rieżamijiet fil-fond ippubblikati f'April li għadda. Għaldaqstant, ir-rieżamijiet fil-fond li jmiss se jivvalutaw il-persistenza jew it-tneħħija tal-iżbilanċi eċċessivi u l-kontribut tal-politiki implimentati minn dawn l-Istati Membri biex jingħelbu dawn l-iżbilanċi.

Franza, l-Italja u l-Ungerija fis-sessjoni preċedenti tar-rieżami fil-fond kellhom żbilanċi li kienu jeħtieġu azzjonijiet ta' politika deċiżiva. Ir-rieżami fil-fond li jmiss se jivvaluta l-persistenza tal-iżbilanċi.

Għall-Istati Membri l-oħra li qabel kienu identifikati li kellhom żbilanċi (il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit), ir-rieżami fil-fond għandu jgħin sabiex jiġi vvalutat sa fejn l-iżbilanċi jippersistu jew ingħelbu. Bl-istess mod kif ikunu identifikati l-iżbilanċi wara l-analiżi dettaljata fir-rieżamijiet fil-fond, il-konklużjoni li żbilanċ ikun intgħeleb għandha sseħħ ukoll wara li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha f’rieżami fil-fond ieħor.

Ir-rieżamijiet fil-fond għandhom ukoll jitħejjew għall-Ġermanja u l-Lussemburgu sabiex jiġu eżaminati aħjar il-pożizzjonijiet esterni tagħhom u jiġu analizzati l-iżviluppi interni, kif ukoll jiġi konkluż jekk xi wieħed minn dawn il-pajjiżi għandux żbilanċi.

Fl-aħħar nett, rieżami fil-fond huwa wkoll iġġustifikat għall-Kroazja, membru ġdid tal-UE, minħabba l-ħtieġa tal-fehim tan-natura tar-riskji potenzjali relatati mal-pożizzjoni esterna, il-prestazzjoni kummerċjali u l-kompetittività, kif ukoll l-iżviluppi interni.

Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi Enfasi fuq l-impjiegi u l-iżviluppi soċjali

L-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, anness mas-SAT, juri li hemm xi sinjali inkoraġġanti li l-qgħad waqaf milli jiżdied u li l-Istati Membri għamlu progress matul l-aħħar sena fejn jidħlu r-riformi tas-suq tax-xogħol. Madankollu l-qgħad għadu għoli żżejjed - speċjalment fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul - u skont dejta ppreżentata bi klassifika tal-indikaturi tal-impjiegi u soċjali inklużi fir-rapport għall-ewwel darba diverġenzi persistenti fil-qgħad, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, id-dħul tal-familji, l-inugwaljanza u r-rati ta’ faqar akkumulaw fl-Istati Membri kollha, partikolarment fiż-Żona tal-Euro.

Għalhekk huwa kruċjali li jissoktaw l-isforzi biex titjieb ir-reżiljenza tas-swieq tax-xogħol. Huwa importanti wkoll li jissaħħaħ il-ħolqien tax-xogħol fis-setturi li qed jikbru malajr, li jikkontribwixxi sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar f'tul ta' żmien filwaqt li jissaħħaħ il-ħarsien soċjali u jitwettqu investimenti soċjali mmirati.

Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku: Noħolqu suq uniku li jaħdem aħjar

It-tieni rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku jippreżenta analiżi tal-qagħda tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku fl-oqsma bl-akbar potenzjal għat-tkabbir. Ir-rapport ta' din is-sena juri li filwaqt li sar progress fir-riforma tas-setturi finanzjarji, diġitali u tat-trasport, għad hemm xi jsir biex l-investiment jiċċirkola, jinħolqu l-impjiegi u jitjieb is-sodisfazzjon tal-konsumatur f’dawn l-oqsma. Ir-rapport jitfa’ dawl fuq in-nuqqas ta’ progress partikolari fil-ftuħ tas-swieq tal-enerġija, fejn 14-il Stat Membru għad iridu jittrasponu kif suppost it-tielet pakkett tal-enerġija tal-UE fil-liġi nazzjonali - sentejn wara l-iskadenza. Dan juri wkoll li l-Istati Membri għad iridu jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva tas-Servizzi tal-UE, li tista’ tagħti spinta lit-tkabbir globali sa 2.6 % tal-PDG fil-ħames sa għaxar snin li ġejjin.

Il-passi li jmiss

Il-Ġimgħa, 15 ta' Novembru, il-Kummissjoni se tadotta l-opinjonijiet dwar l-abbozzi tal-pjanijiet tal-baġit sottomessi minn 13-il Stat Membru taż-Żona tal-Euro (li ma jinkludux l-erba' pajjiżi taħt il-programmi ta' għajnuna makroekonomika) u tipproponi l-opinjonijiet tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika sottomess minn ħames Stati Membri taż-Żona tal-Euro skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn il-previżjoni baġitarja taż-Żona tal-Euro kollha kemm hi, u se tirraporta dwar l-azzjoni li ttieħdet minn pajjiżi li mhumiex fiż-Żona tal-Euro fil-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv.

L-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir se jiġi diskuss mill-ministri nazzjonali (fil-Kunsill) u approvat mill-mexxejja tal-UE fis-summit tagħhom ta' Marzu 2014. Il-Kummissjoni qed tistenna b'ħerqa wkoll il-kontribuzzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija se jiġi diskuss mill-ministri tal-finanzi u l-mexxejja tal-UE f'Diċembru, li se jaqblu dwar l-oqsma ewlenin għall-koordinament ulterjuri tal-politiki ekonomiċi u r-riformi. Sadattant, il-Kummissjoni se tħejji rieżamijiet fil-fond għal 16-il pajjiż identifikat mir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li se jiġi ppubblikat fir-rebbiegħa 2014.

Sfond

Is-Semestru Ewropew, li ġie introdott fl-2010, jiżgura li l-Istati Membri jiddiskutu l-pjanijiet baġitarji u ekonomiċi tagħhom mal-imsieħba tagħhom tal-UE f’ċerti żminijiet matul is-sena. Dan jippermettilhom li jikkummentaw dwar il-pjanijiet ta' xulxin u b'hekk il-Kummissjoni tkun tista' tagħti gwida dwar il-politika fil-ħin, qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni timmonitorja wkoll jekk l-Istati Membri humiex qed jaħdmu lejn il-miri tal-impjiegi, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni, il-klima u t-tnaqqis tal-faqar fl-istrateġija tat-tkabbir fit-tul tal-UE, Ewropa 2020.

Iċ-ċiklu jibda f’Novembru ta’ kull sena (ara l-grafika ta' hawn taħt) bl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni (prijoritajiet ekonomiċi ġenerali għall-UE), li jipprovdi lill-Istati Membri bi gwida ta’ politika għas-sena ta’ wara. Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ppubblikati fir-rebbiegħa joffru lill-Istati Membri pariri adatti fuq riformi strutturali aktar fil-fond, li normalment jieħdu aktar minn sena biex jitlestew.

Is-sorveljanza baġitarja taż-Żona tal-Euro tissaħħaħ lejn l-aħħar tas-sena, fejn l-Istati Membri jissottomettu l-pjanijiet tal-abbozz baġitarju, li jiġu vvalutati mill-Kummissjoni u diskussi mill-ministri tal-finanzi taż-Żona tal-Euro. Il-Kummissjoni teżamina l-qagħda fiskali fiż-Żona tal-Euro bħala entità sħiħa.

Il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u r-riformi matul is-sena, b'enfasi fuq iż-Żona tal-Euro u l-Istati Membri bi problemi finanzjarji jew fiskali. Għal aktar dettalji ara MEMO/13/979.

Għal aktar tagħrif

Is-sit elettroniku Ewropa 2020: http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm

MEMO/13/970 It-tielet Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija dwar Żbilanċi Makroekonomiċi fl-Istati Membri tal-UE

MEMO/13/976 Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi - mistoqsijiet frekwenti

MEMO/13/979 Il-governanza ekonomika tal-UE spjegata

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Sarah Collins (+32 2 296 80 76)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website