Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-iffalsifikar tal-muniti tal-Euro fl-2012

European Commission - IP/13/105   11/02/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta’ Frar 2013

L-iffalsifikar tal-muniti tal-Euro fl-2012

L-għadd ta’ muniti tal-euro foloz li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni kiber bi 17% minn 157 000 fl-2011 għal 184 000 fl-2012. B’16.5 biljun munita ġenwina tal-euro bħalissa fiċ-ċirkolazzjoni, ir-rata ta’ ffalsifikar hija ta’ 1 għal kull 100 000 munita ġenwina. Id-denominazzjoni taż-2 euro tibqa’ bil-bosta l-aktar waħda milquta minn din l-attività kriminali, li tirrappreżenta kważi 2 minn kull 3 muniti tal-euro foloz maqbuda.

Safejn huma kkonċernati l-karti tal-flus tal-euro foloz, fl-2012 tneħħew madwar 531 000 karta tal-flus miċ-ċirkolazzjoni, skont iċ-ċifri tal-Bank Ċentrali Ewropew li huwa responsabbli mill-protezzjoni tal-karti tal-flus kontra l-iffalsifikar.

Bis-saħħa ta’ miżuri preventivi li kienu jinkludu l-leġiżlazzjoni, l-analiżi teknika, il-koordinazzjoni tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-Istati Membri għamlu progress fit-tneħħija miċ-ċirkolazzjoni ta’ muniti tal-euro foloz. Madankollu, ir-regoli kriminali kif inhuma bħalissa jeħtieġ jissaħħu biex tittejjeb il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-ikkastigar tal-iffalsifikar tal-euro fl-UE kollha peress li l-Istati Membri għandhom regoli u livelli ta’ protezzjoni diverġenti. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni adottat fil-5 ta’ Frar 2013 proposta għal Direttiva li tistabbilixxi regoli minimi għal sanzjonijiet (ara IP/13/88). Hija se tintroduċi għodod investigattivi effiċjenti u ttejjeb il-prevenzjoni billi tippermetti l-analiżi ta’ flus foloz mill-awtoritajiet kompetenti, sabiex tissaħħaħ aktar il-protezzjoni tal-ewro u ta’ muniti oħrajn permezz ta’ miżuri ta’ liġi kriminali. Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2012, li jistpula r-regoli dwar kif l-istituzzjonijiet finanzjarji jiżguraw li l-muniti tal-euro kollha li jqiegħdu mill-ġdid fiċ-ċirkolazzjoni ikunu ġenwini, wkoll huwa strument b’saħħtu li jipproteġi l-euro kontra l-iffalsifikar.

L-isfond

Skont ir-regoli tal-UE (ir-Regolament KE Nru 1338/2001), il-Kummissjoni hija responsabbli għaċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC). L-ETSC janalizza u jikklassifika muniti tal-euro foloz stampati ġodda. Huwa stabbilit fl-OLAF u juża t-tagħmir tekniku u l-installazzjonijiet tal-Monnaie de Paris.

Il-Kummissjoni tikkollabora mill-qrib ukoll mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Ewropol, l-Interpol u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa responsabbli għall-analiżi ta’ karti tal-flus tal-euro ffalsifikati. Il-Europol u l-Interpol jappoġġjaw lis-servizzi tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata serja billi jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni u billi jipprovdu analiżi operattiva u strateġika.

Il-Kummissjoni hija wkoll responsabbli mil-implimentazzjoni tal-programm “Pericles” li jipprovdi taħriġ u assistenza teknika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jippermettilhom ikomplu jtejbu l-ħarsien ta’ karti tal-flus u muniti euro kontra l-iffalsifikar. Taħt dan il-programm, il-Kummissjoni/l-OLAF wettqu 16-il proġett fl-2012, inklużi konferenzi u seminars organizzati jew mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni/OLAF, f’ kollaborazzjoni mal-Europol u l-BĊE. Il-Kummissjoni tħejji inizjattivi leġiżlattivi u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

Għal aktar tagħrif dwar muniti foloz, inkluż dwar ir-raid f’zekka illegali li sar fis-16 ta’ Jannar fl-Italja mill-Karabinjeri Taljani u mill-Guardia di Finanza f’kooperazzjoni mal-OLAF:

http://ec.europa.eu/anti_fraud/euro-protection/euro-coins/

Il-paġna ewlenija tal-Kummissarju Algirdas Šemeta:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Kuntatti :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website