Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, it-8 ta' Novembru 2013

Nimmobilizzaw il-potenzjal tal-innovazzjoni għat-tkabbir: Il-Kummissarju Hahn jistieden lir-reġjuni tal-UE biex jaġixxu

It-titjib fil-kompetittività tar-reġjuni tal-UE permezz ta’ investimenti tal-UE u pjanar immirat, illum qed jiġi sottolinjat minn Johannes Hahn, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali. Meta tkellem illum waqt konferenza fi Brussell bit-tema “Ir-reġjuni bħala muturi ta’ tkabbir ġdid permezz ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti”, il-Kummissarju Hahn ħeġġeġ lir-reġjuni jidentifikaw l-assi ewlenin tagħhom u jiffokaw ir-riżorsi fuqhom biex ikunu jistgħu jtejbu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom. Dan l-avveniment ta’ livell għoli, organizzat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni dwar il-Politika Reġjonali u Urbana u tar-Reġjun ta' Flanders, jagħti rendikont dwar kif dawn l-hekk imsejħa “strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti” qegħdin javvanzaw madwar il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Ewropa. Dawn huma element ċentrali tal-politika l-ġdida ta’ koeżjoni tal-UE kif ukoll prekundizzjoni għall-użu ta’ investimenti bil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Waqt diskors qabel il-laqgħa, il-Kummissarju Hahn qal: “Ir-reġjuni Ewropej jeħtieġ b’mod urġenti li jitilgħu ‘l fuq fis-sellum tal-innovazzjoni. Huma għandhom jidentifikaw, jibnu fuq u jisfruttaw is-saħħiet reġjonali biex iwasslu għal investiment aktar intelliġenti u aktar immirat, b’aktar valur miżjud u impatt akbar. Dan se jippermettilna biex nagħmlu aktar b’anqas riżorsi, u nattivaw il-potenzjal ta’ innovazzjoni f'kull reġjun tal-Ewropa.”

Huwa żied jgħid: “Strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom jiġu żviluppati flimkien mas-settur privat, ir-riċerkaturi u mal-komunità tal-innovazzjoni. B’hekk biss inkunu nistgħu nissodisfaw il-bżonnijiet tal-ekonomija reali, tan-negozji u n-nies li jsuquha. Strateġiji eżistenti, bħalma huma l-iffokar fuq it-tkabbir blu fil-Gżejjer Kanarji, strateġija għall-innovazzjoni tal-kura tas-saħħa fi Flanders, jew l-immodernizzar tal-industrija taż-żraben Taljana fir-reġjun tal-Marche fl-Italja, huma eżempji ta’ suċċess ta’ reġjuni li jingħaqdu flimkien ma’ msieħba interessati differenti biex jaħdmu favur tkabbir u għanijiet tal-innovazzjoni komuni.”

Kris Peeters, Ministru-President tal-Gvern ta' Flanders, qal: “Permezz tal-kooperazzjoni u l-użu intelliġenti tal-assi kumplimentari tagħna, irridu nimmassimizzaw il-potenzjal tat-tkabbir industrijali tagħna. Din l-ambizzjoni għandha tkun kondiviża mill-mexxejja politiċi tar-reġjuni kollha b’xewqa li jżommu u jsaħħu l-industrija tagħhom. Din hija r-raġuni għaliex nemmen bis-sħiħ fil-valur miżjud kbir tal-“Inizjattiva Vanguard għat-tkabbir bi speċjalizzazzjoni intelliġenti” li tnediet illum minn 10 reġjuni industrijali Ewropej ewlenin. B’din l-inizjattiva qed jiġi enfasizzat li r-reġjuni għandhom jerfgħu responsabbiltà biex jiffurmaw u jsaħħu l-politika Ewropea.”

Id-dibattitu sar fi żmien kruċjali, minħabba li l-proposti ġodda tal-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020 jinsabu fil-fażi finali. Aspett ewlieni tal-politika ġdida riformata huwa l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati qabel ma l-fondi jistgħu jintefqu. Wieħed minn dawn huwa l-iżvilupp ta’ "strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti" ċara u mfassla bir-reqqa għar-riċerka u l-innovazzjoni. Din għandha sservi ta’ gwida dwar kif l-investimenti għandhom jiġu użati matul is-seba' snin li jmiss u tiżgura li miri ċari jiġu mwassla fil-post.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy se jagħmel id-diskors ewlieni waqt l-avveniment. Flimkien mal-Kummissarju Hahn, Danuta Hübner, il-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u Kris Peeters, Ministru-President ta' Flanders se jitkellmu wkoll fil-konferenza. L-idea hija li jkun hemm aktar għaqda biex tiġi esplorata l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri u s-sinerġiji bejn strateġiji eżistenti u hija mmirata prinċipalment lejn dawk li jfasslu l-politika, ir-riċerkaturi, u s-settur tal-industrija fl-oqsma tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp reġjonali.

Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tenfasizza l-komplementarjetà tal-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-finanzjament ta’ riċerka tal-UE biex tissaħħaħ l-innovazzjoni fir-reġjuni. Il-programm ġdid ta' riċerka u innovazzjoni, Horizon 2020, se jappoġġa l-ġemellaġġ ta’ istituzzjonijiet avvanzati u emerġenti, li se jingħaqdu biex joħolqu Ċentri ta’ Eċċellenza, l-iskambju tal-persunal u parir u assistenza esperti, kif ukoll “Presidenzi-ERA" sabiex jiġu attirati xjenzjati eċċellenti.

Sfond

Strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom l-għan li jgħinu lir-reġjuni sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom fir-rigward tal-innovazzjoni billi jiffokaw ir-riżorsi fuq għadd limitat ta’ prijoritajiet ta’ tkabbir intelliġenti ma’ vantaġġi kompetittivi. L-obbligu li jiżviluppaw strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tħabbar fl-2010 bħala parti mill-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni għall-Innovazzjoni tal-Aġenda tat-Tkabbir tal-Ewropa 2020. Il-Kummissjoni stabilixxiet Pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti fl-2011 biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni li jiżviluppaw l-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3). Bħalissa tinkludi 140 reġjun irreġistrat minn 13-il Stat Membru.

Aspetti ewlenin tal-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti:

elaborata permezz ta’ proċess ta’ "skoperta ta' intraprenditorjat", billi b’mod attiv jiġu involuti in-negozji, ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-komunità innovattiva u l-atturi pubbliċi rilevanti b’mod strutturat

tagħmel pressjoni għal fondi pubbliċi tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali u l-investimenti tas-settur privat

tippermetti lir-reġjuni kollha biex jippożizzjonaw lilhom infushom fl-ekonomija globali tal-għarfien

tħares 'il barra u tinkoraġġixxi l-internazzjonalizzazzjoni

tibni sinerġiji bejn politiki u strumenti ta' finanzjament differenti speċjalment Horizon 2020

Eżempju ta' vidjows ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti:

Flaris — il-ħolqien ta’ ajruplani innovattivi fis-Silesia ta' Isfel fil-Polonja

Innovazzjonijiet tal-kura tas-saħħa fir-reġjun ta’ Flanders fil-Belġju

Użu ta’ fabbrikazzjoni avanzata fil-manifattura biex timmodernizza l-industrija taż-żraben fir-reġjun tal-Marche fl-Italja

Plocan — iffokar fuq tkabbir blu fil-Gżejjer Kanarji

Aktar informazzjoni

Il-Programm tal-Konferenza

Il-pjattaforma ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti

Eżempju ta' vidjows ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti:

Twitter @EU_Regional @JHahnEU

Kuntatti:

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65), Mob (+32 4607 66565)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10), Mob (+32 4607 93310)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website