Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta' Novembru 2013

Proġett Portugiż jingħata l-premju għall-aħjar soluzzjoni dwar il-klima f'kompetizzjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret ir-rebbieħ ewlieni tal-kompetizzjoni tagħha L-Isfida 'Dinja li Togħġbok' (World You Like Challenge) għall-aħjar soluzzjonijiet għat-tibdil fil-klima. Il-Proġett Portugiż Sown Biodiverse Pastures (Għelieqi Bijodiversi Miżrugħin) ingħata l-premju għas-soluzzjoni innovattiva tiegħu biex jonqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2), l-erożjoni tal-ħamrija u r-riskju ta' nirien inkontrollabbli, filwaqt li joffri mezz biex tiżdied il-produttività tal-għelieqi.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima, Connie Hedegaard ħabbret ir-rebbiegħ waqt iċ-Ċerimonja tal-Premju Sustainia li saret f'Kopenhagen. Hija qalet: "Awguri lil Sown Biodiverse Pastures! Dan il-proġett huwa xempju ħaj ta' kif soluzzjonijiet prattiċi għat-tibdil fil-klima jistgħu jiffrankaw il-flus u joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir. L-ammont ta' proġetti innovattivi minn madwar l-Ewropa kollha li ddaħħlu għall-Isfida 'Dinja li Togħġbok' kien verament ta' inkoraġġiment kbir. Issa wasal iż-żmien li nagħtu aktar importanza lil dawn is-soluzzjonijiet biex nibnu dinja li togħġobna bi klima li togħġobna."

Il-proġett Sown Biodiverse Pastures jinvolvi aktar minn 1000 bidwi Portugiż u jtihom taħlitiet ta' żerriegħa addattati għal tipi speċifiċi ta' ħamrija, li jgħinu biex iżidu r-reżistenza tal-ħamrija għall-instabbilità ambjentali. Il-proġett, li ġie promoss mill-organizzazzjoni Terraprima, wassal biex il-ħamrija ssir iżjed fertili, iżżomm l-ilma aħjar u tirreżisti l-erożjoni filwaqt li tiżdied il-produttività tal-għelieqi madwar il-Portugall.

L-Isfida hija parti mill-kampanja pan-Ewropea tal-Kummissjoni Ewropea għas-sensitivizzazzjoni tal-pubbliku, 'Dinja li Togħġbok. Bi klima li togħġbok', li tipprommwovi soluzzjonijiet prattiċi, innovattivi u kosteffikaċi għat-tibdil fil-klima.

Sown Biodiverse Pastures se jingħata ċ-ċans li jiġbed vidjow professjonali, u l-għajnuna biex jippromwovi l-proġett mal-midja kollha Ewropea.

Iż-żewġ proġetti li ġew it-tieni u t-tielet fl-Isfida wkoll ingħataw l-unuri waqt iċ-ċerimonja.

Airport Carbon Accreditation: Dan il-proġett Ewropew, ibbażat fi Brussell, huwa kooperazzjoni bejn 75 ajruport Ewropew li qed jimmiraw li jtejbu l-użu effiċjenti tal-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tad-diossidu tal-karbonju. Il-programm kien inbeda mill-korp kummerċjali tal-ajruporti Ewropej ACI EUROPE, fl-2009.

Low Energy Houses for Everyone: Dan il-proġett, tal-organizzazzjoni Pollakka Dworek Polski, jibni d-djar tradizzjonali Pollakki li jista' jaffordjahom kulħadd u li jikkunsmaw ftit enerġija.

Ir-rebbieħ tal-isfida ntgħażel mill-Kumitat tal-Premju Sustainia, li l-membri tiegħu huma l-Kummissarju Hedegaard, Arnold Schwarzenegger, li kien il-gvernatur ta' California, Gro Harlem Brundtland, li kien Prim Ministru tan-Norveġja, u l-President tal-kumitat dwar il-klima tan-Nazzjonijiet Uniti, Dr Rajendra Pachauri.

Sustainia, li hija msieħba fil-kampanja, hija inizjattiva għas-sostenibbiltà mmexxija mis-Sur Schwarzenegger.

L-Isfida 'Dinja li Togħġbok' u l-kampanja

L-Isfida 'Dinja li Togħġbok' laqqgħet flimkien għadd ta' mħuħ kreattivi minn madwar l-UE biex jippruvaw l-innovazzjonijiet tagħhom b'inqas użu tal-karbonju. Il-pubbliku kellu l-opportunità li jivvota għall-favoriti tiegħu onlajn minn fost il-269 proġett li ġew ippreżentati. Imbagħad minn fosthom, l-aħjar proġetti tressqu quddiem il-Kumitat tal-Premju Sustania.

Mit-tnedija tagħha f'Ottubru tal-2012, il-kampanja 'Dinja li togħġbok. Bi klima li togħġbok' laħqet miljuni ta' Ewropej. Hija ġibdet aktar minn 65,000 segwaċi fil-midja soċjali, u rebħet l-appoġġ ta' 'l fuq minn 230 organizzazzjoni msieħba madwar l-UE, u bosta ċelebritajiet, fosthom is-segretarju ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon u l-attur ippremjat Colin Firth.

Kompetizzjonijiet nazzjonali

Minbarra r-rebbieħ ewlieni tal-isfida, intgħażlu wkoll rebbieħa nazzjonali f'kull wieħed mill-ħames pajjiżi fil-mira tal-kampanja – il-Bugarija, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Portugall.

Ir-rebbieħa nazzjonali tħabbru fl-1 ta' Ottubru 2013. Sown Biodiverse Pastures u Low Energy Houses for Everyone kienu wkoll ir-rebbieħa nazzjonali tal-Portugall u tal-Polonja. Ir-rebbieħa fil-pajjiżi l-oħra kienu jinkludu:

Proġett li jinvolvi inizjattiva ta' kompostar komunitarju, li jissensibilizza aktar liċ-ċittadini dwar problemi u soluzzjonijiet ambjentali, fil-Bulgarija.

Fil-Litwanja r-rebbieħ kien proġett li jgħin biex inaqqas l-iskart billi jipproduċi ġojjelli u aċċessorji sbieħ minn oġġetti li jkunu għar-rimi.

Fl-Italja, ir-rebbieħ kien proġett ta' djar li jintuża biss enerġija minn sorsi rinnovabbli u fl-istess ħin iżomm prezzijiet baxxi għax-xiri tal-proprjetà.

Ir-rebbieħa nazzjonali se jiġu ppremjati b'kampanji bil-billboards fil-bliet kapitali ta' pajjiżhom matul dan ix-xahar.

Għal aktar tagħrif dwar il-kampanja u l-isfida 'Dinja li Togħġbok'

http://world-you-like.europa.eu/mt/

https://www.facebook.com/EUClimateAction

https://twitter.com/EUClimateAction #worldulike

Għal aktar tagħrif dwar iċ-Ċerimonja tal-Premju Sustainia: http://www.sustainia.me/

Kuntatti:

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Mirna Bratoz (+32 2 298 72 78)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website