Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Novembru 2013

L-OMĠ: Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill biex jaqbel mal-proposta tagħha biex l-Istati Membri jingħataw aktar sussidjarjetà dwar il-kultivazzjoni

Fis-26 ta' Settembru 2013, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ħadet deċiżjoni li fiha sabet li l-Kummissjoni naqset milli taġixxi dwar talba għall-kultivazzjoni tal-OMĠ li kienet tressqet tnax-il sena ilu, fl-2001.

Illum, bi qbil ma' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni aġixxiet billi għaddiet it-talba għall-kultivazzjoni lill-Kunsill tal-Ministri. Issa huwa f'idejn il-Ministri li jieħdu pożizzjoni dwar din it-talba permezz ta' maġġoranza kwalifikata. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel kienet diġà tat opinjoni pożittiva dwar din it-talba fl-2005, fl-2006, fl-2008, fl-2011 u fl-2012, jiġifieri b'kollox tat sitt opinjonijiet pożittivi dwarha.

Din it-talba tal-2001 taqa’ taħt il-proċedura tal-komitoloġija "l-qadima" ta' qabel it-Trattat ta' Lisbona, u allura jekk il-Kunsill ma jilħaqx maġġoranza kwalifikata, kemm jekk din tkun favur l-awtorizzazzjoni u kemm jekk tkun kontriha, il-Kummissjoni tkun obbligata bil-liġi tagħti l-awtorizzazzjoni.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni talbet li jsir dibattitu ġdid fil-Kunsill tal-Ministri dwar l-hekk imsejħa "proposta tagħha tal-kultivazzjoni" li dwarha l-Parlament Ewropew diġà adotta l-opinjoni tiegħu li jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorju tagħhom għal raġunijiet minbarra dawk relatati mas-saħħa u l-ambjent.

Il-Kummissarju responsabbli għas-Saħħa, Tonio Borg, qal: "Fid-dover li tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat abbozz ta' deċiżjoni għall-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum 1507 lill-Kunsill: fix-xhur li ġejjin il-Ministri se jkunu mistiedna jieħdu pożizzjoni dwar din it-talba għall-awtorizzazzjoni".

Il-Kummissarju Borg issokta jgħid: "Id-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-qamħirrum 1507 tikkonferma l-urġenza li jiġu rikonċiljati regoli Ewropej stretti u prevedibbli dwar l-awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni tal-OMĠ ma' konsiderazzjoni ġusta tal-kuntesti nazzjonali. Tliet snin ilu, il-Kummissjoni ressqet proposta biex tagħti soluzzjoni għall-imblukkar attwali fil-proċess tal-awtorizzazzjoni, li kellha appoġġ wiesa' mill-Parlament u mill-Kunsill. Għaldaqstant inħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom u jappoġġaw il-proposta tal-Kummissjoni ħalli l-Presidenza u l-Kunsill ikunu jistgħu jsibu kompromess u b'hekk il-proposta tal-kultivazzjoni timxi 'l quddiem.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni talbet li tiddiskuti l-kwistjoni mal-Istati Membri waqt il-Kunsill Ambjentali li se jiltaqa' fit-13 ta' Diċembru 2013.

Il-kuntest

Il-qamħirrum modifikat ġenetikament 1507 (Bt qamħirrum) ġie żviluppat biex jirreżisti larvi tal-kwamel dannużi speċifiċi għall-qamħirrum bħalma hi l-kamla tal-qamħ Ewropea. Bħalissa fl-UE dan it-tip ta' qamħirrum hu awtorizzat jintuża fl-ikel u fl-għalf, iżda mhux għall-kultivazzjoni. Fl-2001 il-kumpanija Pioneer ressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum 1507 għall-kultivazzjoni skont id-Direttiva dwar ir-rilaxx intenzjonat tal-OMĠ fl-ambjent (id-Direttiva 2001/18/KE).

Fl-2007, Pioneer bdiet l-ewwel azzjoni kontra l-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta' azzjoni talli ma ppreżentatx deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni ta' dak il-qamħirrum biex ikun jista' jittieħed vot dwarha fil-Kumitat Regolatorju. Din l-azzjoni temmitha l-Qorti meta l-Kummissjoni għamlet proposta lill-Kumitat Regolatorju ta' Frar 2009 għal abbozz ta' deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni. Madankollu l-Kumitat naqas milli jagħti opinjoni dwar dan. Fl-2010, Pioneer bdiet it-tieni azzjoni kontra l-Kummissjoni għal nuqqas ta' azzjoni (il-kawża T-164/10) talli meta l-Kumitat Regolatorju ma tax opinjoni dwar dan, hija ma għaddietx proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni, kif kienet teżiġi l-proċedura tal-komitoloġija li kienet tapplika dak iż-żmien1.

Fis-26 ta' Settembru 2013, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tagħha għall-kawża T-164/10, li fiha qalet li l-Kummissjoni naqset milli taġixxi skont id-Direttiva 2001/18/KE billi ma ressqitx proposta lill-Kunsill skont l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE dwar il-Komitoloġija.

Għalhekk, skont l-Artikolu 266 tat-TFUE u d-deċiżjoni tal-Qorti, issa l-Kummissjoni qed tressaq proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum 1507. Sabiex ikun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent, id-deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni ġiet emendata daqsxejn ħalli jkun fiha r-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) fl-2011 u fl-2012 fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni u l-monitoraġġ ambjentali tal-qamħirrum 1507.

Il-proposta tal-kultivazzjoni

Biex twieġeb it-talba tant pendenti ta' bosta Stati Membri, f'Lulju tal-2010 l-Kummissjoni ppubblikat proposta għal Regolament li jirrevedi d-Direttiva 2001/18/KE biex jipprovdi bażi legali għall-Istati Membri ħalli jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni tal-OMĠ għal raġunijiet minbarra dawk ibbażati fuq il-valutazzjoni xjentifika tar-riskji għas-saħħa u għall-ambjent li ssir fuq livell Ewropew. B'din l-emenda, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu, mingħajr rikors għal klawżoli ta' salvagwardja li s'issa għadu ma kellhomx l-appoġġ tal-EFSA.

Il-Parlament Ewropew adotta opinjoni dwar il-proposta wara l-ewwel qari tagħha f'Lulju 2011. U l-Kunsill, minkejja l-isforzi li għamlu Presidenzi konsekuttivi, u b'mod partikolari l-Presidenza Daniża fl-2012, għadu ma laħaqx ftehim dwar dan minħabba l-pożizzjoni ta' mblukkar li ħadu għadd żgħir ta' Stati Membri. Il-Kummissjoni ssoktat l-isforzi tagħha biex tindirizza t-tħassib ta' dawn l-Istati Membri li ħadu pożizzjoni ta' mblukkar filwaqt li kisbet l-appoġġ tal-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri favur il-proposta.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/13/952

Segwina fuq Twitter: @EU_Health u @EU_Consumers

Kuntatti:

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

1 :

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site