Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 6 ta' Novembru 2013

Azzjoni klimatika: Il-Kummissjoni tipproponi ratifika tat-tieni fażi tal-Protokoll ta’ Kjoto

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet il-leġiżlazzjoni meħtieġa biex l-Unjoni Ewropea tirratifika b'mod formali t-tieni perjodu ta’ impenn (2013-2020) tal-Protokoll ta’ Kjoto dwar it-tibdil fil-klima. L-UE, l-Istati Membri u l-Islanda impenjaw ruħhom biex flimkien jiksbu tnaqqis ta’ 20% fl-emissjonijiet ikkombinati tagħhom ta’ gassijiet serra tul it-tieni perjodu meta mqabbel mal-livell tal-1990 jew tas-snin bażi l-oħra magħżula tagħhom. Dan l-impenn għal tnaqqis huwa konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-‘pakkett dwar il-klima u l-enerġija’ tal-2009 u jirrifletti l-miżuri ta’ tnaqqis tal-pakkett fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika, stqarret: "Ir-ratifika tat-tieni fażi tal-Protokoll ta’ Kjoto tenfasizza l-impenn tal-UE lejn approċċ għal azzjoni internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima li hu legalment vinkolanti u bbażat fuq ir-regoli. Id-determinazzjoni tagħna biex nimplimentaw l-impenji tagħna hija riflessa mill-fatt li, fil-prattika, l-UE diġà kienet qed tapplika l-miri u r-regoli tat-tieni perjodu ta’ impenn ta' Kjoto minn mindu beda f’Jannar ta’ din is-sena. Billi tirratifika t-tieni fażi b'mod formali, l-Ewropa se tgħin biex idaħħalha fis-seħħ f'livell internazzjonali mill-aktar fis possibbli. Ninsab fiduċjuża li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Islanda se jlestu l-proċeduri ta’ ratifika rispettivi fl-aktar perjodu ta' żmien fattibbli possibbli."

Illum il-Kummissjoni għamlet żewġ proposti leġiżlattivi: għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-ratifika tal-emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta' impenn, u għal Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar kwistjonijiet tekniċi relatati mal-implimentazzjoni tat-tieni perjodu.

Deċiżjoni ta' Ratifika

Id-Deċiżjoni ta' ratifika tippermetti li l-UE, bħala parti kontraenti għall-Protokoll ta’ Kjoto, tirratifika l-emenda ta’ Doha. Din tistabbilixxi wkoll it-termini li fuq il-bażi tagħhom l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda se jkunu mistennija jissodisfaw l-impenn tat-tnaqqis tal-emissjonijiet b'20% b’mod konġunt.

Id-Deċiżjoni ta' ratifika ma tibdel l-ebda miri nazzjonali stabbiliti fil-pakkett dwar il-klima u l-enerġija, u lanqas ma tibdel il-‘limitu’ għall-emissjonijiet tas-sistema tal-UE tal-iskema għan-negozjar tal-emissjonijiet tal-UE (EU ETS), li fl-2020 se jilħaq 21% inqas mil-livelli tal-2005.

Kwistjonijiet ta' Implimentazzjoni Teknika

Ir-Regolament propost dwar kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni teknika jipprovdi l-bażi biex atti legali jindirizzaw għadd ta’ kwistjonijiet tekniċi relatati mal-implimentazzjoni tat-tieni perjodu ta’ impenn mill-UE u mill-Istati Membri.

Il-Passi li jmiss

Iż-żewġ proposti issa jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: B’mod parallel mar-ratifika mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-Islanda se jkollhom jiffinalizzaw il-proċessi tagħhom ta’ ratifika nazzjonali.

Il-Kummissjoni tixtieq li r-ratifiki tal-UE u dawk nazzjonali jitlestew sa Frar 2015. L-UE, l-Istati Membri u l-Islanda mbagħad jiddepożitaw l-istrumenti rispettivi tagħhom ta’ aċċettazzjoni għand in-Nazzjonijiet Uniti fl-istess waqt, sabiex l-emenda ta' Doha tidħol fis-seħħ għal kulħadd fl-istess ħin.

Fil-livell internazzjonali, l-emenda ta' Doha għandha tidħol fis-seħħ wara li tiġi ratifikata minn tliet kwarti tal-Partijiet għall-Protokoll (jiġifieri 144 minn 192 Parti). L-Unjoni Ewropea wkoll hija Parti għall-Protokoll, kif inhuma wkoll l-Istati Membri kollha u l-Islanda.

Sfond

Il-ftehim dwar l-emenda għall-Protokoll ta’ Kjoto li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta' impenn intlaħaq waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f’Doha, il-Qatar, f’Diċembru 2012. L-UE u l-Istati Membri qablu li jieħdu sehem fit-tieni perjodu ta’ impenn bħala parti minn pakkett usa’ ta’ ftehimiet f'livell internazzjonali. Dawn jinkludu:

Wegħdiet volontarji mingħand aktar minn 80 pajjiż, fosthom l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t’Isfel u l-Brażil, biex jillimitaw l-emissjonijiet tagħhom sal-2020. Dawn il-wegħdiet, flimkien mal-miri formali ta’ 38 Parti li se jkunu qed jieħdu sehem fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, ifissru li aktar minn 80% tal-emissjonijiet globali huma koperti minn miri jew minn wegħdiet sal-2020.

Kunsens fuq livell internazzjonali biex jiġi adottat ftehim ġdid dwar il-klima globali applikabbli għall-partijiet kollha sal-2015, u biex dan jiġi implimentat mill-2020.

Aktar tagħrif

MEMO/13/956: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-ratifika tat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto mill-UE.

Kuntatti:

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Mirna Bratož (+32 2 298 72 78)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website