Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Novembru 2013

L-UE tfittex progress bilanċjat biex tavvanza l-azzjoni klimatika waqt il-Konferenza ta’ Varsavja

L-Unjoni Ewropea qed tfittex pakkett bilanċjat ta’ deċiżjonijiet biex tavvanza l-azzjoni klimatika internazzjonali waqt il-konferenza tan-NU dwar it-tibdil fil-klima, li se ssir f’Varsavja bejn il-11 u t-22 ta’ Novembru. Id-deċiżjonijiet għandhom itejbu l-implimentazzjoni ta’ miżuri dwar il-klima li diġà sar ftehim dwarhom, u għandhom ukoll iġibu 'il quddiem il-ħidma relatata mat-tnaqqis fil-livelli tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra qabel l-2020. Id-deċiżjonijiet mistennija wkoll iwittu t-triq għall-adozzjoni ta’ ftehim legalment vinkolanti dwar il-klima globali sal-2015, li jinkludi impenji mill-pajjiżi kollha fir-rigward tal-emissjonijiet.

Valentinas Mazuronis, il-Ministru tal-Ambjent tal-Litwanja, li bħalissa għandu f'idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, stqarret: "Il-laqgħa ta’ Varsavja hija pass importanti fl-implimentazzjoni tal-impenji li saru s’issa. Din il-laqgħa se sservi wkoll biex jinstabu mezzi sabiex l-azzjoni tul perijodu ta’ żmien qasir issir aktar ambizzjuża, u sabiex jitħejja l-ftehim 2015. L-UE pproponiet proċess gradwali, inkluż fażi ta’ valutazzjoni, għall-formulazzjoni ta’ impenji ambizzjużi għall-ftehim 2015, li jipprovdi bażi soda għal deċiżjoni f’Varsavja."

Connie Hedegaard, il-Kummissarju tal-UE għall-Azzjoni Klimatika, żiedet tgħid: "Kulħadd għandu jifhem li l-konferenza ta' Varsavja dwar it-tibdil fil-klima mhijiex se tikkonkludi n-negozjati dwar il-ftehim dwar il-klima globali tal-2015. Iżda se tkun laqgħa importanti ħafna li fiha se jkun jista' jsir progress, u fejn tkun tista' tiġi mwittija t-triq għal Pariġi 2015. F’Varsavja se jkollna naqblu li nippreparaw wegħdiet sodi għall-ftehim tal-2015, u li nżidu l-isforzi favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet tul il-bqija ta’ dan id-deċennju Il-pajjiżi kollha għandhom ikunu lesti li jippreżentaw wegħdiet ambizzjużi u kuraġġużi qabel is-Summit tal-Mexxejja Dinjija dwar it-tibdil fil-klima li ġie skedat mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon f’Settembru li ġej.

Il-Ftehim 2015

Jeħtieġ li jsir progress urġenti fl-oqsma tad-disinn, l-ambitu u l-istruttura tal-ftehim globali, li għandu jiġi adottat sa mhux aktar tard mill-2015, u li għandu jidħol fis-seħħ fl-2020. L-UE tixtieq li l-konferenza ta' Varsavja tiġbor flimkien il-progress li sar s’issa, u li tippjana x-xogħol li hemm bżonn li jsir fl-2014 sabiex ikun hemm test ta’ abbozz disponibbli ħafna qabel Mejju 2015.

B’mod partikolari, il-konferenza ta' Varsavja għandha ssib qbil rigward proċess li permezz tiegħu l-Partijiet ikunu jistgħu jifformulaw impenji ambizzjużi dwar l-emissjonijiet għal wara l-2020 fil-kuntest tal-ftehim 2015. Dan il-proċess għandu jinkludi skeda ta’ żmien għat-tħejjija tal-impenji tagħhom fl-2014, l-għoti ta’ tagħrif li jispjega l-impenji u fażi ta’ valutazzjoni sabiex jiġi żgurat li, b'mod kollettiv, l-impenji jkunu ambizzjużi biżżejjed sabiex it-tisħin globali jinżamm taħt 2°C meta mqabbel mat-temperatura preindustrijali.

Azzjoni ta' qabel l-2020

Filwaqt li l-UE u aktar minn 80 pajjiż ieħor stabbilixxew impenji dwar l-emissjonijiet sal-2020, meta jitqiesu b'mod kollettiv, dawn għad mhumiex ambizzjużi biżżejjed biex id-dinja titqiegħed fid-direzzjoni t-tajba sabiex it-tisħin globali jinżamm taħt 2°C. L-UE tixtieq tara impenn ministerjali f'Varsavja rigward kif tista' tiżdied l-ambizzjoni ta' qabel l-2020, li wkoll se tikkontribwixxi lejn ftehim 2015 ambizzjuż.

L-UE tixtieq li l-pajjiżi li għadhom ma ppreżentawx l-impenji tagħhom dwar l-emissjonijiet iressquhom għall-2020 qabel il-Konferenza ta’ Varsavja. Il-konferenza għandha tilħaq qbil dwar proċess li permezz tiegħu fl-2014 il-partijiet kollha jkunu jistgħu jikkunsidraw kif jistgħu jtejbu l-azzjoni tagħhom ta' qabel l-2020 rigward l-emissjonijiet.

L-UE qed titlob ukoll għal aktar kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-intensifikazzjoni tal-ambizzjoni ta' qabel l-2020. Jeżisti potenzjal sostanzjali biex l-emissjonijiet ikomplu jitnaqqsu aktar, permezz, fost affarijiet oħra, aktar azzjoni fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, tal-enerġija rinnovabbli, tal-gassijiet serra fluworurati, tar-riforma tas-sussidji għall-fjuwils fossili u tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni u t-tbaħħir.

B’mod partikolari, fir-rigward ta' gassijiet fluworurati l-UE trid li l-konferenza ta' Varsavja tibgħat sinjal ċar lill-Partijiet għall-Protokoll ta' Montreal dwar il-protezzjoni tas-saff tal-ożonu biex dawn jieħdu azzjoni sabiex l-HFCs, li huma familja ta’ gassijiet serra qawwijin ħafna, jitnaqqsu b'mod gradwali.

L-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet maqbula

It-tielet qasam fejn huma meħtieġa deċiżjonijiet f’Varsavja huwa t-tmexxija 'l quddiem tal-implimentazzjoni ta’ miżuri li jkun intlaħaq qbil dwarhom waqt sessjonijiet preċedenti.

Dawn jinkludu l-kwistjoni ta’ kif għandhom jiġu ttrattati t-telf u d-danni kkawżati mit-tibdil fil-klima f’pajjiżi vulnerabbli fil-fażi tal-iżvilupp. Il-konferenza ta' Varsavja għandha wkoll bżonn tindirizza l-kwistjoni ta’ finanzjament tal-klima għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Djalogu Ministerjali ta’ livell għoli dwar il-finanzjament għandha tgħin biex jinbena kunsens dwar it-triq 'il quddiem.

Kwistjonijiet oħra li hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet dwarhom jinkludu l-finalizzazzjoni ta' regoli dwar it-trasparenza għall-impenji li saru s'issa, kif ukoll ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto, li jmur mill-2013 sal-2020.

Il-finanzjament tal-klima tal-UE fl-2013

Bħala l-ikbar fornitur ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, waqt il-Konferenza ta' Varsavja l-UE u l-Istati Membri se jippreżentaw rapporti dwar il-forniment kontinwu tagħhom ta’ finanzjament tal-klima lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. L-UE u l-Istati Membri impenjaw ruħhom biex jipprovdu EUR 7.2 biljun f’finanzjament ‘rapidu’ għal pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp matul il-perjodu 2010-2012, u qabżu dan l-impenn billi pprovdew total ta’ EUR 7.34 biljun, inkluż EUR 2.67 biljun is-sena l-oħra. Għalkemm ma japplika ebda obbligu ta' finanzjament tal-klima ta' dan it-tip għall-2013, l-UE u għadd ta’ Stati Membri ħabbru kontribuzzjonijiet volontarji ta' EUR 5.5 biljun għal pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u l-aktar evalwazzjoni reċenti turi li dawn jinsabu fit-triq it-tajba biex jipprovdu dan l-ammont.

Aġġornamenti għall-istampa tal-UE f’Varsavja

Id-delegazzjoni tal-UE se tagħti aġġornamenti regolari għall-istampa li se jixxandru f'ħin reali kif ukoll "fuq talba" (on demand) fuq www.unfccc.int Il-ħinijiet eżatti tal-aġġornamenti jistgħu jiġu vverifikati fuq:

https://unfccc.int/files/meetings/warsaw_nov_2013/application/pdf/pc_cop_19_parties-igo-un.pdf

Għal aktar tagħrif:

Paġna tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika, Varsavja: http://ec.europa.eu/clima/events/articles/0086_en.htm

MEMO/13/953: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f’Varsavja

Kuntatti:

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Mirna Bratož (+32 2 298 72 78)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site