Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Frar 2013

L-Aġenda Diġitali: L-operaturi turistiċi u l-aġenti tal-ivvjaġġar ingħaqdu mal-kampanja għan-numru ta’ emerġenza ‘112’

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar u l-Operaturi Turistiċi (ECTAA) qed jitolbu lill-operaturi turistiċi u l-aġenti tal-ivvjaġġar biex jippromwovu n-numru ta’ emerġenza pan-Ewropew ‘112’ fuq il-websajts tagħhom, fuq il-biljetti elettroniċi li joħorġu u fid-destinazzjonijiet turistiċi ewlenin.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes qalet: “Il-kumpaniji tat-trasport diġà qed jagħtu l-kontribut tagħhom biex iżidu l-għarfien. Issa wasal iż-żmien li l-operaturi turistiċi u l-aġenti tal-ivvjaġġar jagħtu s-sehem tagħhom fil-kampanja. Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jafu li l-għajnuna qiegħda biss telefonata 'l bogħod, kull fejn ikunu fl-UE."

Il-President tal-ECTAA, is-Sur Boris Zgomba qal: “L-ECTAA tappoġġa l-kampanja tal-Kummissjoni biex iżżid l-għarfien tan-numru ta’ emerġenza 112. Ninsabu kuntenti li aħna assoċjati ma’ din il-kampanja, għax numru uniku ta’ emerġenza li jista’ jintuża fl-UE kollha, huwa ta' benefiċċju kbir għall-vjaġġaturi, jiġifieri għall-klijenti tagħna, li meta jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom, mhux bilfors ikunu jafu liema numru lokali għandhom iċemplu f’każ ta’ emerġenza.

Il-fatt li wieħed ikun jaf bin-numru 112 jista’ jkun ta’ għajnuna għan-nies li jinsabu f’diffikultà. Din hija l-esperjenza ta’ grupp ta’ scouts Belġjani li ntilef fil-bosk li hemm madwar il-villaġġ ta’ Ghioroc fir-Rumanija. Wieħed minnhom kien jaf bin-numru ta’ emerġenza 112 u ċempel fuqu. L-operatur ta’ emerġenza, wara li stabilixxa l-post eżatt fejn jinsab il-grupp, għarraf lill-aġenziji ta’ intervent li rnexxilhom isibuh. Ir-reazzjoni fil-pront tal-aġenziji ta’ intervent, salvat il-ħajja ta' membru tal-grupp li kien qed isofri minn xokk ipotermiku.

Il-112 huwa n-numru Ewropew ta' emerġenza, li jintlaħaq bla ħlas minn telefown fiss jew mowbajl fl-UE kollha u fl-Isvizzera. Il-112 iqabbad il-persuna li ċċempel mas-servizz rilevanti ta' emerġenza (il-pulizija lokali, it-taqsima ta’ tifi tan-nar jew is-servizzi mediċi), u din tkun tista’ tkellem lill-operatur b’għażla ta' diversi lingwi Ewropej. Dan is-servizz huwa disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Bħalissa, il-112 qed jaħdem fl-Istati Membri kollha tal-UE, flimkien man-numri ta’ emerġenza nazzjonali (bħalma huma d-999 jew il-110). Id-Danimarka, il-Finlandja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Isvezja ddeċidew li l-112 ikun in-numru uniku jew prinċipali tagħhom ta’ emerġenza nazzjonali. Barra minn hekk, dan in-numru qed jintuża wkoll f’pajjiżi li mhumiex fl-UE bħall-Isvizzera, il-Kroazja, il-Montenegro u t-Turkija.

Fi stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru, ġie stmat li mis-sena l-oħra ‘l hawn, l-għadd ta’ persuni li jafu bin-numru ta' emerġenza 112 żdied b’5 miljuni.

Sfond

Sena ilu, l-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes u Siim Kallas ħeġġew lill-kumpaniji tat-trasport biex jingħaqdu ma’ inizjattiva biex jiżdied l-għarfien tan-numru 112 fost il-vjaġġaturi. Aktar minn 30 kumpanija u assoċjazzjoni pparteċipaw fil-kampanja. Bħala riżultat ta’ dan, l-informazzjoni rilevanti dwar il-112 ġiet ippubblikata fuq il-biljetti elettroniċi, fuq ir-rivisti abbord, fuq il-websajts tal-kumpaniji parteċipanti permezz ta’ kuntatt dirett tal-persunal tagħhom mal-vjaġġaturi. L-istampa ta’ hawn taħt turi eżempju ta’ kif l-informazzjoni ġiet ipprovduta permezz tar-rivista abbord tal-Brussels Airlines.

L-eżempju meħud minn Brussels Airlines dwar kif jista’ jiġi reklamat in-numru ta' emerġenza 112:

Skont ir-rapport dwar kif qed tiġi implimentata l-kampanja tal-112 f’kull Stat Membru:

  • 51 % taċ-ċittadini kollha tal-UE jistqarru li jċemplu n-numru 112 jekk ikollhom xi emerġenza f'pajjiżhom, filwaqt li fl-2012 dan kien jammonta għal 47 %;

  • F’ħames pajjiżi, 50 % jew aktar ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ jidentifikaw b’mod spontanju n-numru 112 bħala n-numru li jċemplu għas-servizzi ta' emerġenza kull fejn ikunu fl-UE. Dawn il-pajjiżi huma l-Polonja (57 %), is-Slovakkja (55 %), il-Finlandja (54 %), il-Lussemburgu (53 %) u r-Repubblika Ċeka (50 %).

  • Il-proporzjon ta’ dawk li wieġbu li jistqarru li jċemplu n-numru 112 f'pajjiżhom stess, ivarja minn 96 % fl-Isvezja għal 2 % fil-Greċja.

  • Waqt it-telefonata lin-numru 112, tista’ tintuża l-lingwa Ingliża f'25 pajjiż Ewropew, apparti r-Renju Unit, l-Irlanda u Malta;

  • 14-il pajjiż (minbarra l-Belġju, Franza u l-Lussemburgu) jistgħu jittrattaw telefonati bil-Franċiż. Dawn huma l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja.

  • Filwaqt li l-Ġermaniż jista’ jintuża fi 12-il pajjiż: li huma l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, is-Slovakkja, Spanja u r-Rumanija (kif ukoll fl-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja u l-Lussemburgu);

  • Fir-Renju Unit, iċ-ċentri tat-telefonati ta’ emerġenza joffru servizzi ta' interpretazzjoni li jkopru 170 lingwa, filwaqt li fi Franza hemm servizz simili li jittratta 40 lingwa.

Links utli

https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/about-112Il-Websajt tal-112

Hash Tags: #112, #emergency

L-Aġenda Diġitali

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website