Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta' Novembru 2013

It-tbassir ekonomiku tal-ħarifa 2013: Irkupru gradwali, riskji esterni

Matul dawn l-aħħar xhur, kien hemm sinjali inkoraġġanti li fl-Ewropa l-irkupru ekonomiku qed jaqbad l-art. Wara li naqset sal-ewwel trimestru tal-2013, l-ekonomija Ewropea reġgħet bdiet tirkupra fit-tieni trimestru tas-sena u l-PDG reali huwa mistenni li jkompli jiżdied b’mod stabbli għall-bqija ta’ din is-sena.

It-tkabbir fit-tieni nofs tal-2013 huwa mistenni li jkun ta' 0,5% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2012 fl-UE. Fuq bażi annwali, it-tkabbir reali tal-PDG din is-sena huwa stmat li jilħaq 0,0% fl-UE u -0.4 % fiż-żona tal-euro. Meta nħarsu 'l quddiem, it-tkabbir ekonomiku huwa mistenni li gradwalment iżid fir-ritmu matul il-perjodu tat-tbassir, għal 1,4% fl-UE u 1,1% fiż-żona tal-euro fl-2014, li jilħaq 1,9% u 1,7% fl-2015, rispettivament.

L-aġġustament intern u estern fl-Ewropa għadu għaddej, mirfud f’ħafna każijiet mir-riformi strutturali sinifikanti u l-konsolidament fiskali implimentati f’dawn l-aħħar snin. Dan tejjeb il-kundizzjonijiet għad-domanda domestika biex gradwalment issir il-mutur ewlieni tat-tkabbir fl-Ewropa. Madankollu, fl-isfond ta’ prospett dgħajjef għall-ekonomiji tas-swieq emerġenti, ir-ritorn lejn tkabbir sod se jkun proċess gradwali.

Olli Rehn, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, qal: “Hemm dejjem iktar sinjali li l-ekonomija Ewropea laħqet punt kruċjali. Il-konsolidament fiskali u r-riformi strutturali li saru fl-Ewropa ħolqu l-bażi għall-irkupru. Imma għadu kmieni wisq biex tiġi dikjarata rebħa: il-qgħad jibqa' f'livelli għoljin u mhux aċċettabbli. Din hija r-raġuni għaliex għandna nkomplu naħdmu lejn il-modernizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, għat-tkabbir sostenibbli u għall-ħolqien tal-impjiegi.”

L-irkupru gradwali jibda jingrana

L-iżbilanċi makroekonomiċi akkumulati qegħdin jonqsu, u t-tkabbir hu mistneni li jżid fir-ritmu b'mod moderat. Madankollu, l-aġġustament li bħalissa għaddej fil-karta tal-bilanċ f’xi pajjiżi għadu ta’ piż fuq l-investiment u l-konsum. Filwaqt li s-sitwazzjoni finanzjarja tas-suq tjiebet b'mod sinifikanti u niżlu r-rati tal-imgħax għall-pajjiżi vulnerabbli, dawn għadhom ma kellhomx effett fuq l-ekonomija reali peress li għadha tippersisti l-frammentazzjoni fis-swieq finanzjarji, b'differenzi sostanzjali minn Stat Membru għall-ieħor u fost l-imprizi ta' daqs differenti.

Il-prospett attwali għalhekk huwa konformi mal-karatteristiċi ta' rkupri preċedenti wara kriżijiet finanzjarji serji. Hekk kif il-ħtiġijiet tat-tnaqqis fl-ingranaġġ ibattu, id-domanda domestika mistennija tissaħħaħ bil-mod grazzi għat-tkabbir mill-ġdid tal-konsum privat u l-irkupru tal-formazzjoni tal-kapital fiss gross minħabba t-titjib b'mod ġenerali fil-kundizzjonijiet finanzjarji u s-sentiment ekonomiku. Meta wieħed iqis il-progress li sar fis-snin riċenti, il-pass tal-konsolidament fiskali hu mistenni li jonqos matul il-perjodu ta’ tbassir. Fl-2014 u l-2015, id-domanda domestika hija mistennija li tkun l-ixprun ewlieni tat-tkabbir, fl-isfond ta’ prospett dgħajjef għall-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-bqija tad-dinja.

Billi l-iżviluppi fis-swieq tax-xogħol tipikament jaqgħu wara dawk fil-PDG b’sitt xhur jew iktar, l-irkupru tal-attività ekonomika hija mistennija li twassal biss b'mod gradwali f’ħolqien ta’ impjiegi. Din is-sena, ir-rata tal-qgħad baqgħet għolja ħafna f’ċerti pajjiżi u l-impjiegi komplew jonqsu. Madankollu, fl-aħħar xhur il-kundizzjonijiet tas-suq bdew jistabbilizzaw ruħhom u l-prospetti huma għal tnaqqis modest tal-qgħad lejn 10,7% fl-UE u 11,8% fiż-żona tal-euro sal-2015, għalkemm għad hemm differenzi kbar ħafna bejn pajjiż u ieħor.

L-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-konsumatur hi mistennija li tibqa' baxxa kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro matul il-perjodu ta' tbassir, b'rati qrib il-1½%.

Il-bilanċi tal-kontijiet kurrenti fi Stati Membri vulnerabbli tjiebu bil-qawwa u b'mod konsistenti matul dawn l-aħħar snin. Wara l-kisbiet kontinwi tal-kompetittività tal-prezzijiet u tisħiħ tas-setturi tagħhom tal-esportazzjoni, numru ta’ Stati Membri vulnerabbli huma mistennija li jirreġistraw bilanċi favorevoli fil-kontinijiet kurrenti din is-sena.

Sforz bikri deċiżiv jagħti lok għal veloċità ta’ konsolidament iktar bil-mod

It-tnaqqis fid-defiċits tal-gvern ġenerali huwa mistenni li jkompli. Fl-2013, hu mbassar li d-defiċits fiskali ewlenin jonqsu għal 3½% tal-PDG fl-UE u 3% fiż-żona tal-euro, filwaqt li l-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG jilħaq kważi 90% fl-UE u 96% fiż-żona tal-euro. Id-defiċit tal-baġit strutturali, jiġifieri d-defiċit tal-gvern ġenerali ikkoreġut minn fatturi ċikliċi, miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji, hu mbassar li jonqos b’mod sinifikanti fl-2013 b’iktar minn ½% tal-PDG fiż-żewġ oqsma, bis-saħħa ta’ miżuri ta’ konsolidament implimentati f’diversi Stati Membri. Skont l-abbozzi tal-baġits tal-2014 li kienu disponibbli qabel ma jieqaf it-terminu tat-tbassir, dan it-titjib huwa mistenni li jkompli fl-2014, iżda b’ritmu iktar bil-mod. Dan huwa parzjalment spjegat mill-fatt li xi Stati Membri diġà kisbu l-Objettivi tat-Terminu Medju rispettivi tagħhom għall-bilanċi strutturali baġitarji tagħhom, li se jikkontribwixxu biex id-dejn pubbliku jibda t-triq tan-niżla.

Riskji iktar ibbilanċjati

Dan it-tbassir hu bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-implimentazzjoni rigoruża ta’ miżuri ta’ politika miftiehma fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri se jappoġġjaw il-proċess ta’ aġġustament meħtieġ li għaddej u jsostnu titjib fil-kunfidenza kif ukoll il-kundizzjonijiet finanzjarji.

Minħabba implimentazzjoni tal-politika deċiżiva, ir-riskji perċepiti għall-integrità tal-euro relatati mal-kriżi tad-dejn sovran sparixxew. Tfaċċaw iktar riskji qligħ (upside-tilted), marbuta mal-possibbiltà li r-riformi implimentati fis-snin riċenti jistgħu jwasslu għal iktar effetti pożittivi b'mod iktar mgħaġġel milli kif kien mistenni. Madankollu, waqt li l-inċertezza battiet, xorta għadha għolja u qed thedded li tibqa' mazzra mat-tkabbir. Jibqa’ r-riskju li żelqa politika tista’ toħloq inċertezza u terġa tagħti lok għal stress finanzjarju, filwaqt li r-riskji ta' ċaqliq 'l isfel fl-ambjent estern żdiedu.

Għal iktar informazzjoni ara:

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu/forecasts/2013_autumn_forecast_en.htm

Contacts :

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website