Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Frar 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tfittex l-aqwa soluzzjonijiet fl-Ewropa għat-tibdil fil-klima

Illum, Connie Hedegaard, il-Kummissarju tal-UE għall-Azzjoni Klimatika, nediet kompetizzjoni favur "emissjonijiet baxxi tal-karbonju", li tistieden lill-ġenji kreattivi u innovattivi tal-UE jisfidaw l-inizjattivi ekoloġiċi tagħhom. L-Isfida Dinja li Togħġbok hija parti mill-kampanja tal-Kummissjoni Ewropea tal-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima: Dinja li togħġbok.

Il-Kummissarju Hedegaard qalet: "Din l-Isfida hija opportunità tajba biex nixirfu lil hinn mill-kliem dwar l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima u ngħaddu għall-fatti. Billi tissottometti l-proġett tiegħek, tkun qed tgħinna nuru li l-bini ta' dinja li togħġobna, bi klima li togħġobna, huwa vjabbli daqskemm affordabbli, u m'għandux għalfejn iwassal għal ħajja tedjanti u bla sugu.

http://ec.europa.eu/avservices/photo/photoDetails.cfm?sitelang=en&ref=P-020505/00-04#0

Mil-lum 'il quddiem, tul it-tliet xhur li ġejjin, tista' tissottometti l-istorja ta' suċċess tiegħek favur emissjonijiet baxxi tal-karbonju għall-Isfida Dinja li Togħġbok. Jiġu kkunsidrati l-proġetti kollha, kbar jew żgħar, li jaslulna mingħand individwi jew organizzazzjonijiet ibbażati fi Stat Membru tal-UE, dejjem jekk l-għan ewlieni tal-proġett ikun li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Fost il-proġetti, pereżempju, jista' jkun hemm rota elettrika għat-trasport tal-merkanzija; proċess innovattiv ta' produzzjoni li jnaqqas sew l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kontijiet tad-dawl; bini sostenibbli jew soluzzjonijiet tat-tisħin. Mal-Ewropa kollha hemm patafjun eżempji prattiċi ta' mod ta' ħajja b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, li mhux biss jgħinu lill-klima iżda wkoll itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna. L-Isfida Dinja li Togħġbok timmira li tipprovdi pjattaforma għall-wiri ta' dawn il-proġetti, u li tonora bi premju lill-aktar proġetti kreattivi, prattiċi u effettivi.

Tagħrif prattiku:

F'Mejju u Ġunju, kull min iżur il-websajt tal-kampanja http://world-you-like.europa.eu/mt/ ikun jista' jivvota l-iktar inizjattiva kreattiva u ta' ispirazzjoni fost shortlist magħżula. Mill-għaxar proġetti l-aktar ivvutati, ġurija mmexxija minn Connie Hedegaard jagħżel tliet rebbieħa, li mbagħad jiġu onorati fiċ-Ċeremonja tal-Għoti tal-Premji ta’ Sustainia f'Kopenħagen f'Ottubru 2013, imtellgħa minn Sustainia, l-imsieħba tagħna fil-kampanja. Sustainia hija inizjattiva internazzjonali għas-sostenibbiltà, immexxija minn Arndol Schwarzenegger, li taħdem biex tidentifika u tippromwovi soluzzjonijiet disponibbli.

Il-kampanja għandha enfażi speċjali fuq ħames pajjiżi - il-Bulgarija, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Portugall. F'dawn il-pajjiżi, ir-rebbieħa nazzjonali se jaraw il-proġetti tagħhom irreklamati f'kampanja nazzjonali ta' bilbords tul il-ħarifa tal-2013.

Sfond dwar il-kampanja:

Din il-kompetizzjoni hija parti mill-kampanja Dinja li togħġbok. Bi klima li togħġbok. Mit-tnedija tagħha f'Ottubru 2012, il-kampanja ġibdet iktar minn  20 000 persuna jsegwuha fil-midja soċjali, u iktar minn 130 imsieħeb uffiċċjali, inklużi awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, istituzzjonijiet akkademiċi, u negozji. L-għan tal-kampanja huwa li turi s-soluzzjonijiet kosteffiċjenti li jeżistu biex tintlaħaq il-mira tal-UE ta' tnaqqis ta' 80-95 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sas-sena 2050, kif ukoll li tħeġġeġ soluzzjonijiet ġodda.

Ħoloq:

Għal aktar tagħrif dwar il-kampanja u l-kompetizzjoni, inklużi l-kriterji tas-selezzjoni, żur il-websajt tal-kampanja, jew il-paġni tagħha fuq il-Facebook u t-Twitter:
http://world-you-like.europa.eu/mt/

https://www.facebook.com/EUClimateAction

https://twitter.com/EUClimateAction #worldulike

Għal aktar tagħrif dwar il-premji Sustainia, żur: http://www.sustainia.me/

Għal aktar tagħrif dwar il-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni, ikkonsulta l-websajt tad-DĠ CLIMA: http://ec.europa.eu/clima/policies/roadmap/index_en.htm

Kuntatti:

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website