Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Novembru 2013

L-ambjent: il-Kummissjoni tipproponi li jonqos l-użu tal-boroż tal-plastik

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta li teżiġi lill-Istati Membri biex inaqqsu l-użu tagħhom ta' basktijiet tal-plastik mill-irqaq. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-miżuri li jsibu l-aktar xierqa, fosthom tariffi, miri nazzjonali għat-tnaqqis jew projbizzjoni f'ċerti kundizzjonijiet. Ħafna drabi l-basktijiet tal-plastik mill-irqaq jintużaw darba biss, iżda jibqgħu jduru fl-ambjent għal mijiet ta' snin, ħafna drabi bħala bċejjeċ mikroskopiċi li jagħmlu l-ħsara u li b'mod partikolari jitqiesu ferm perikolużi għall-ħajja tal-baħar.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Aħna qed nieħdu azzjoni biex insolvu problema ambjentali serja ħafna u tassew viżibbli. Kull sena, fl-Ewropa aktar minn 8 biljun basket tal-plastik jispiċċaw fl-iskart, u dawn jagħmlu ħafna ħsara lill-ambjent. Xi Stati Membri diġà kisbu riżultati eċċellenti fejn jidħol it-tnaqqis fl-użu tagħhom ta' basktijiet tal-plastik. Jekk il-bqija jagħmlu bħalhom, fl-Unjoni Ewropea l-konsum ġenerali attwali jista' jonqos sa 80%."

Teknikament, il-proposta temenda d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ b'żewġ elementi ewlenin. L-ewwel, l-Istati Membri jeħtiġilhom jadottaw miżuri biex jonqos il-konsum tal-basktijiet tal-plastik li huma irqaq minn 50 mikronu, għax dawn jerġgħu jintużaw inqas spiss minn dawk eħxen minnhom, u ħafna drabi jispiċċaw fl-iskart. It-tieni, dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta' strumenti ekonomiċi, bħalma huma tariffi, miri nazzjonali għat-tnaqqis, u restrizzjonijiet fil-kummerċjalizzazzjoni (skont ir-regolamenti tas-suq intern tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE). Ir-rati għoljin ta' tnaqqis li kisbu xi Stati Membri tal-UE meta daħħlu tariffi u miżuri oħra juru li r-riżultati jistgħu jinkisbu b'azzjoni effettiva.

Il-proposta tibni fuq miżuri li ħadu xi Stati Membri individwali u wara sejħiet li għamlu Ministri tal-Ambjent tal-UE lill-Kummissjoni biex tevalwa jekk hemmx lok għal azzjoni fil-livell tal-UE. Din saret wara konsultazzjonijiet pubbliċi estensivi li wrew appoġġ mifrux għal inizjattiva tal-UE kollha f'dan il-qasam.

Il-Kuntest

Il-karatteristiċi li wasslu biex il-basktijiet tal-plastik jirnexxu daqshekk kummerċjalment – huma tant ħfief u hu tant diffiċli li jitmermru – għandhom kontribut ukoll fl-impatti ambjentali tagħhom. Dawn jaħarbu l-proċessi tal-immaniġġjar tal-iskart u jinqabdu fl-ambjent ta' madwarna, l-aktar bħala skart tal-baħar. Ladarba mormija, il-basktijiet tal-plastik jaf idumu mijiet ta' snin. L-iskart tal-baħar qed jitqies dejjem aktar bħala sfida dinjija ewlenija li qed thedded l-ekosistemi tal-baħar u l-annimali bħall-ħut u l-għasafar. Hemm prova wkoll li fl-ibħra Ewropej qed jinġema' għadd kbir ta' skart.

Fl-2010, tqiegħdu madwar 98.6 biljun basket tal-plastik fis-suq tal-UE, jiġifieri kull ċittadin tal-UE juża 198 basket tal-plastik fis-sena. Minn dawn il-kważi 100 biljun basket, il-biċċa l-kbira nett ikunu basktijiet ħfief, u jerġgħu jintużaw inqas spiss minn dawk eħxen minnhom. Iċ-ċifri tal-konsum ivarjaw ferm fost l-Istati Membri, u l-użu annwali minn kull persuna ta' basktijiet tal-plastik mill-irqaq ivarja minn madwar 4 basktijiet fid-Danimarka u l-Finlandja għal 466 basket fil-Polonja, il-Portugall u s-Slovakkja.

Għal aktar informazzjoni:

Link għall-abbozz tal-proposta u għall-istudju (biċ-ċifri tal-Istati Membri, kif imsemmi hawn fuq):

http://ec.europa.eu/environment/waste/packaging/legis.htm#plastic_bags

Ara wkoll:

Q&A MEMO/13/945

http://ec.europa.eu/environment/waste/plastic_waste.htm

http://ec.europa.eu/environment/waste/index.htm

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika: http://ec.europa.eu/environment/waste/packaging/events.htm

Materjal awdjoviżiv (VNR) jinsab fuq tvlink.org

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website