Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-31 ta' Ottubru 2013

Għadda ż-żmien għas-sostenituri tal-ewwel Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej – Issa xi jmiss?

Għada, l-organizzaturi tal-ewwel tmien Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE - European Citizens' Initiatives -ECIs) jagħlqihom iż-żmien biex jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ. Tliet gruppi jgħidu li laħqu l-mira ta’ miljun firma. Dan jinkludi għadd minimu ta’ firem minn tal-anqas seba’ Stati Membri, kif mitlub mil-leġislazzjoni tal-IĊE. Dawn jinkludu Right2Water, li jemmnu li “l-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità”, One of Us, li jipprovaw itemmu l-finanzjament mill-UE għal attivitajiet li jippresupponu l-qerda ta’ embrijuni umani, u Stop Vivisection, li jixtiequ jaraw it-tmiem tal-esperimentazzjoni fuq annimali ħajjin.

Il-Viċi President Maroš Šefčovič qal: “Nagħmel kuraġġ kbir għall-fatt li tliet IĊE differenti bħal dawn jaf laħqu l-limitu tas-suċċess. Dan juri li dan l-esperiment ta' demokrazija parteċipatorja transnazzjonali tabilħaqq ambizzjuż u uniku laqat l-immaġinazzjoni ta' nies mill-Ewropa kollha.

"Nissimpatizza mal-organizzaturi tal-ħames IĊE l-oħra. Iżda l-isforz u l-enerġija tagħhom żgur li ma nħlewx. Kollha sabu suċċess fir-rabtiet li għamlu ma' nies tal-istess opinjoni mill-kontinent kollu, u fid-dibattiti ġenwini li qajmu ma' Ewropej dwar kwistjonijiet li b'mod ċar huma tabilħaqq importanti għalihom. Dawn huma pedamenti solidi li fuqhom jistgħu jkomplu bil-kampanji tagħhom."

L-awtoritajiet nazzjonali issa għandhom tliet xhur sabiex jivvalidaw il-firem, proċess li diġà beda f'Settembru għall-inizjattiva Right2Water. Ladarba IĊE li tkun għamlet suċċess tiġi validata, l-Kummissjoni mbagħad ikollha tliet xhur sabiex teżamina l-inizjattiva u tieħu deċiżjoni dwar kif se taġixxi dwarha. Hija tiltaqa' mal-organizzaturi sabiex ikunu jistgħu jispjegaw il-kwistjonijiet imqajma fl-inizjattiva tagħhom f'iktar dettall. L-organizzaturi jkollhom ukoll l-opportunità li jippreżentaw l-inizjattiva tagħhom f'seduta pubblika organizzata fil-Parlament Ewropew. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tadotta Komunikazzjoni biex tispjega l-konklużjonijiet tagħha dwar l-inizjattiva, l-azzjoni li beħsiebha tieħu, jekk ikun il-każ, u r-raġunament tagħha.

Sfond

Is-sit elettroniku tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej:

http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/welcome?lg=mt

Kuntatti :

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site