Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni ttella’ l-Kunsill il-Qorti dwar ksur tal-liġi tal-UE dwar ir-Regolamenti tal-Persunal

European Commission - IP/12/9   11/01/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni ttella’ l-Kunsill il-Qorti dwar ksur tal-liġi tal-UE dwar ir-Regolamenti tal-Persunal

Brussell, 11 ta' Jannar 2012 - Il-Kummissjoni llum iddeċidiet li ttella’ l-Kunsill il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqas milli jadotta l-Proposta tal-Kummissjoni dwar l-aġġustament annwali għar-remunerazzjoni u għall-pensjonijiet tal-persunal tal-UE kif maħsub fir-Regolament tal-Persunal.

Skont ir-Regolamenti tal-Persunal, is-salarji u l-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-UE jiġu aġġustati skont id-deċiżjonijiet politiċi meħuda mill-Istati Membri fir-rigward tas-salarji tal-impjegati fiċ-ċivil nazzjonali tagħhom stess. Meta s-salarji tal-uffiċjali nazzjonali jonqsu jew jiżdiedu, l-istess bidla tiġi applikata għall-persunal tal-UE.

Din id-darba, ħamsa mit-tmien Stati Membri użati fil-kalkolu żiedu s-salarji tal-uffiċjali nazzjonali tagħhom f’termini nominali: Il-Belġju (3.6%), Franza u l-Olanda (2%), il-Ġermanja u r-Renju Unit (1.3%). Kien hemm tnaqqis żgħir fis-salarji fl-Italja, fi Spanja u fil-Lussemburgu. Bħala medja, dan ifisser li l-uffiċjali nazzjonali tilfu 1.8% tal-poter tal-akkiwst tagħhom f’termini reali. Għall-uffiċjali tal-UE qed jiġi propost eżattament l-istess telf, indipendentement minn fejn huma bbażati.

Il-Kummissjoni, b’konformità stretta mal-liġi, għalhekk ipproponiet lill-Kunsill li l-istess telf jiġi applikat lill-uffiċjali tal-UE. Il-proposta tal-Kummissjoni titlob ukoll għal tnaqqis ta’ -1.8% f'termini reali li, għall-Persunal fi Brussell fejn l-inflazzjoni hija 3.6%, issarraf f’aġġustament nominali ta' 1.7%.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà kkonfermat bosta drabi (l-aħħar darba fl-24 ta' Novembru 2010 fil-każ C-40/10), skont ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill m'għandu l-ebda marġini ta' diskrezzjoni, iżda għandu jadotta l-valur ta’ aġġustament ikkalkulat mill-Kummissjoni.

L-unika possibbiltà biex jiddevja minn dawn ir-regoli huwa billi juża l-klawżola ta' eċċezzjoni li, kif saħqet il-Qorti, tista' tintuża biss f'ċirkostanzi ferm eċċezzjonali fejn, skont il-metodu, ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali ma tiġix aġġustata malajr biżżejjed. Il-Kummissjoni, fuq talba tal-Kunsill, f'żewġ okkażjonijiet eżaminat jekk il-klawsola ta’ eċċezzjoni, li tirreferi għal deterjorazzjoni għal għarrieda u serja tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ewropea, setgħetx tiġi applikata. Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-telf fil-poter tal-akkwist tal-persunal tal-UE, li huwa ekwivalenti għal telf fil-poter tal-akkwist tal-uffiċjali nazzjonali, jidher konformi mas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali attwali. Kwalunkwe miżura addizzjonali li tmur lil hinn minn dak it-telf tkun bi ksur tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Minflok, il-Kummissjoni qieset il-ħtieġa għal awsterità billi pproponiet tnaqqis fil-persunal fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE ta’ 5% kif ukoll bidliet maġġuri fir-Regolamenti tal-Persunal, bħal żieda tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa minn 37.5 sigħat għal 40 siegħa mingħajr kumpens, posponiment tal-età tal-irtirar għal 65 (jew 67 taħt ċerti ċirkostanzi) u bidla fl-istrutturi tal-karrieri għas-segretarji u l-assistenti. Jekk jiġu adottati dawn il-miżuri se jirriżultaw fi tfaddil ta’ aktar minn €1 biljun matul is-seba' snin li ġejjin u €1 biljun fis-sena fuq perjodu ta' żmien twil.

Minkejja l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kunsill ħa deċiżjoni formali biex ma jadottax il-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tqis li din id-deċiżjoni tikser ir-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk hija obbligata, bħala gwardjana tat-Trattati, biex tikkontestaha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Viċi-President Maroš Šefčovič qal: "Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li se terġa’, wara sitwazzjoni simili fl-2009, tkun obbligata ttella’ l-Kunsill quddiem il-qorti dwar din il-kwistjoni. Il-Kunsill u l-Kummissjoni t-tnejn li huma jirrikonoxxu l-ħtieġa li jkun hemm iffrankar fl-ispejjeż amministrattivi. Madankollu, dan l-iffrankar għandu jsir f’konformità mal-liġi u jekk ikun meħtieġ billi tinbidel il-liġi u mhux billi tinkiser.

"Din hija l-istrateġija li l-Kummissjoni ilha diġà taħdem fuqha għal tmien xhur, li rriżultat fi proposti formali f’Diċembru 2011 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jekk jiġu adottati se jirriżultaw fi ffrankar fin-nefqa amministrattiva ta’ aktar minn €1 biljun sal-2020, u €1 biljun fis-sena fuq perjodu ta’ żmien twil. "

Il-Kuntest

L-aġġustament annwali huwa kkalkulat kull sena mill-Eurostat fuq il-bażi ta' dejta statistika pprovduta mill-Istati Membri dwar iż-żidiet jew tnaqqis fis-salarji li huma jkunu taw lis-servizzi nazzjonali ċivili tagħhom. Fl-2004, il-Kunsill iddeċieda li għandu jintuża kampjun li jikkonsisti fi tmien Stati Membri (il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Italja, Spanja, l-Olanda, il-Belġju u l-Lussemburgu). Għalhekk, il-persunal tal-UE jikkondividi t-telf jew il-gwadann tal-uffiċjali nazzjonali f’dawk il-pajjiżi.

Fl-2010 kien hemm tnaqqis żgħir fis-salarji netti fl-istituzzjonijiet tal-UE, peress li ż-żidiet fir-rata tal-kontribuzzjoni għall-pensjoni (minn 11.3% għal 11.6%) u fit-taxxa speċjali (minn 5.07% għal 5.5%) kienu ogħla miż-żieda minima fis-salarji gross (0.1%).

Link għal IP/11/1532 u dwar il-proposti tar-riforma fil-persunal u MEMO/11/907 Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-Riforma fil-Persunal.

Kuntatti :

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website