Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-ikel: il-Kummissjoni tipproponi regoli aktar ċari dwar l-istatus tal-polline fl-għasel

Commission Européenne - IP/12/992   21/09/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21/09/2012

L-ikel: il-Kummissjoni tipproponi regoli aktar ċari dwar l-istatus tal-polline fl-għasel

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta biex jiġu emendati r-regoli dwar l-għasel1 biex tiġi ċċarata n-natura vera tal-polline wara deċiżjoni preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja2. F’konformità mal-istandards internazzjonali tad-WTO, il-proposta tiddefinixxi l-polline bħala kostitwent naturali tal-għasel u mhux bħala ingredjent.

Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-interpretazzjoni tagħha fuq id-direttiva dwar l-għasel tal-2001 u kwalifikat il-polline bħala ingredjent fl-għasel, bl-argument li l-polline jinstab fl-għasel prinċipalment minħabba intervent ta' min irabbi n-naħal. Madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni tirrikonoxxi l-polline bħala kostitwent naturali tal-għasel u mhux bħala ingredjent tiegħu; huwa jidħol fid-doqqajs bħala riżultat tal-attività tan-naħal u jinstab fl-għasel sew jekk jintervjeni min irabbi n-naħal u sew jekk le. Għaldaqstant, billi l-polline huwa kkunsidrat bħala kostitwent naturali tal-għasel, ir-regoli tal-UE dwar l-ittikkettar li jirrikjedu l-elenku tal-ingredjenti ma jibqgħux japplikaw.

Il-proposta tal-Kummissjoni mhix se taffettwa l-konklużjoni tal-Qorti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM għall-polline ġenetikament modifikat fl-ikel. B’mod partikolari ma tibdilx il-konklużjoni tal-Qorti li l-għasel li jkun fih polline ġenetikament modifikat jista’ jitqiegħed fis-suq biss jekk ikun kopert minn awtorizzazzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-ittikkettar fir-rigward tal-OĠM fl-ikel se jkunu applikabbli wkoll3. Il-proposta timmira wkoll li tallinja s-setgħat ta’ implimentazzjoni eżistenti tal-Kummissjoni fid-Direttiva dwar l-Għasel 2001/110/KE ma’ dawk introdotti permezz tat-Trattat ta’ Lisbona.

Is-suq tal-għasel tal-UE f’ċifri

L-UE hija responsabbli għal madwar 13 % tal-produzzjoni globali tal-għasel (200 000 tunnellata): Spanja hija l-akbar produttur (33 000 tunnellata), segwita mill-Italja, l-Ungerija u r-Rumanija (li jipproduċu madwar 22 000 tunnellata kull wieħed) u l-Portugall (21 000 tunnellata). L-importazzjonijiet tal-għasel tal-UE jammontaw għal madwar 140 000 tunnellata, li jiġu 40 % tal-konsum totali tal-UE.

Sfond

Din il-kwistjoni qamet wara li persuna Ġermaniża li trabbi n-naħal ikkuntestat l-istatus legali tal-għasel, wara li l-għasel tagħha nstab li kellu fih polline mill-qamħirrum ġenetikament modifikat tat-tip MON 810. Il-Qorti Ġermaniża rreferiet il-każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

Fis-6 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha, fejn indikat li: a) il-fehim ta’ qabel tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM kien ħażin (din il-leġiżlazzjoni kienet kompletament applikabbli għall-polline ġenetikament modifikat fl-għasel) u b) li l-polline fl-għasel kellu jitqies bħala ingredjent.

Għal aktar informazzjoni dwar il-każ C-442/09:
http://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2011-09/cp110079en.pdf

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva dwar l-Għasel 2001/110/KE relatata mal-Għasel.

2 :

Il-Kawża C-442/09, Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta' Settembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja)) — Karl Heinz Bablok et vs Freistaat Bayern, ĠU C 311, 22.10.2011, p. 7. Il-qrati nazzjonali f’kull pajjiż tal-UE huma responabbli biex jiżguraw li l-liġi tal-UE tiġi applikata kif xieraq f’dak il-pajjiż. Biex pajjiżi differenti tal-UE ma jinterpretawx il-liġijiet tal-UE b’modi differenti, teżisti "proċedura ta' deċiżjoni preliminari" li tippermetti lil qorti nazzjonali, jekk tiġi f'dubju dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ liġi tal-UE, titlob parir mingħand il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Dan il-parir jissejjaħ “deċiżjoni preliminari”.

3 :

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-preżenza ta’ materjal li għandu fih, jikkonsisti minn jew li hu prodott minn OĠM awtorizzati fl-ikel, għandha titniżżel fuq it-tikketta għajr f’każijiet fejn dik il-preżenza ma taqbiżx iż-0,9 % ta’ kull ingredjent.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site