Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta' Settembru 2012

It-tfal fl-Ewropa jibdew jitgħallmu l-lingwi barranin ta’ età dejjem aktar bikrija

Skont rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, it-tfal fl-Ewropa qed jibdew jitgħallmu l-lingwi barranin ta’ età dejjem aktar bikrija, b’ħafna studenti jibdew meta jkollhom bejn sitta u disa' snin. F'dawn l-aħħar 15-il sena, il-maġġoranza tal-pajjiżi jew reġjuni baxxew l-età tal-bidu tat-tagħlim obbligatorju tal-lingwi u xi wħud saħansitra qed joffruh fl-edukazzjoni ta’ qabel l-iskola – il-komunità li titkellem bil-Ġermaniż fil-Belġju, pereżempju, tipprovdi t-tagħlim tal-lingwi barranin għal tfal anke ta' tliet snin. Ir-rapport Key Data on Teaching Languages at School in Europe 2012 jikkonferma li l-Ingliż huwa l-aktar ilsien barrani mgħallem fi kważi kull pajjiż Ewropew, bil-Franċiż, l-Ispanjol, il-Ġermaniż u r-Russu warajh imma ċertament mhux popolari daqsu.

"Id-diversità lingwistika u kulturali hija wieħed mill-assi ewlenin tal-Unjoni Ewropea," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ. "It-tagħlim tal-lingwi jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-popli u l-pajjiżi, filwaqt li jħeġġeġ il-mobbiltà transkonfinali u l-integrazzjoni tal-migranti. Jiena ninsab kuntenta meta nara li anke l-iżgħar ċittadini tagħna qed ikunu esposti għall-gost li jiskopru l-lingwi barranin. Ninkoraġixxi wkoll lin-nies biex iħarsu lil hinn mil-lingwi l-aktar użati sabiex ikunu jistgħu japprezzaw id-diversità lingwistika inkredibbli tal-Ewropa."

Ir-rapport jenfasizza li għadd dejjem jikber ta’ studenti issa jitgħallmu żewġ lingwi għal mill-anqas sena matul l-edukazzjoni obbligatorja. Bħala medja, fl-2009/10, 60.8% tal-istudenti tal-edukazzjoni sekondarja kienu qed jitgħallmu żewġ lingwi barranin jew aktar – żieda ta' 14.1% meta mqabbla mal-2004/05. Matul l-istess perjodu, il-proporzjon tal-istudenti tal-edukazzjoni primarja li ma kinux qed jitgħallmu lingwa barranija naqas minn 32.5% għal 21.8%.

L-Ingliż huwa l-aktar lingwa barranija mgħallma fi kważi t-32 pajjiż kollha koperti fl-istħarriġ (27 Stat Membru, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u t-Turkija) – xejra li żdiedet b'mod sinifikanti mill-2004/05 'l hawn. Fl-edukazzjoni sekondarja bażika u fl-edukazzjoni sekondarja ogħla ġenerali, il-persentaġġ tal-istudenti li jitgħallmu l-Ingliż jaqbeż id-90%. Persentaġġ żgħir ħafna ta' studenti (0-5%, skont il-pajjiż) jitgħallmu lingwi oħra minbarra l-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Franċiż, l-Ispanjol u r-Russu.

Ir-rapport jikkonferma wkoll sejba pjuttost sorprendenti – ftit pajjiżi jeħtieġu li l-għalliema apprentisti tal-lingwi tagħhom iqattgħu perjodu ta’ immersjoni barra mill-pajjiż. Fil-fatt, kienu biss 53.8% tal-għalliema tal-lingwi barranin li ħadu sehem fl-istħarriġ Ewropew ippubblikat riċentament dwar il-Kompetenzi Lingwistiċi (IP/12/679), li ddikjaraw li kienu qattgħu aktar minn xahar jistudjaw f'pajjiż fejn l-ilsien li jgħallmu huwa fil-fatt mitkellem. Iżda din il-medja taħbi varjetà wiesgħa ta' approċċi: 79.7% tal-għalliema tal-Ispanjol qattgħu aktar minn xahar jistudjaw il-lingwa li għażlu f’pajjiż fejn hi mitkellma, filwaqt li dan japplika għal 11% biss tal-għalliema Estonjani. Dawn is-sejbiet iqajmu l-kwistjoni ta’ jekk l-esponiment tal-għalliema futuri għal esperjenza konkreta fl-użu tal-lingwa għandux jitqies bħala kriterju ta’ kwalità fit-taħriġ tal-għalliema.

L-importanza tat-tagħlim tal-lingwi se tkun punt fokali tal-konferenza "Il-multilingwiżmu fl-Ewropa”, li l-Kummissjoni se torganizza f'Limassol, Ċipru, fis-26-28 ta' Settembru. Il-Kummissarju Vassiliou se tagħmel id-diskors ewlieni tal-okkażjoni.

Il-Kuntest

Il-multilingwiżmu fl-UE

Il-Kummissjoni Ewropea trawwem il-multilingwiżmu u t-tagħlim tal-lingwi sabiex 1) tippromwovi d-djalogu interkulturali u soċjetà aktar inklużiva; 2) tgħin lill-pubbliku jiżviluppa sens ta' ċittadinanza Ewropea; 3) tagħti opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jistudjaw u jaħdmu barra minn pajjiżhom u 4) tiftaħ swieq ġodda għan-negozji tal-UE biex dawn jikkompetu fuq livell globali.

L-għan huwa li jkollna Ewropa li fiha kulħadd jitgħallem mill-anqas żewġ lingwi barra lsien art twelidu minn età bikrija tal-ħajja. L-għan "l-ilsien nattiv +2" twaqqaf mill-kapijiet tal-Istat u tal-gvern tal-UE fis-Samit ta' Barċellona tal-15-16 ta' Marzu 2002. Biex tinkoraġġixxi l-progress lejn dan l-għan, l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni 'Ir-Reviżjoni tal-Ħiliet', li mistennija tiġi adottata f'Novembru, se tipproponi referenza għat-tagħlim tal-lingwi.

"Key Data on Teaching Languages at School in Europe 2012"

Dan ir-rapport juri li, f'dawn l-aħħar 15-il sena, ħafna pajjiżi baxxew l-età tal-bidu tat-tagħlim obbligatorju fil-lingwi, bl-eċċezzjoni tal-Belġju (il-Komunità li titkellem bil-Franċiż), il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

Filwaqt li l-età li fiha l-istudenti jibdew jitgħallmu lingwa barranija naqset b'mod ġenerali, l-ammont tal-ħin għat-tagħlim ma żdiedx b’mod sinifikanti. Tabilħaqq, il-ħin tat-tagħlim iddedikat għal lingwi barranin huwa pjuttost baxx meta mqabbel ma' suġġetti oħra.

Ir-rapport Key Data on Teaching Languages at School in Europe 2012 jipprovdi evidenza komprensiva li tappoġġja t-tfassil tal-politika u ttejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tat-tagħlim tal-lingwi. Il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi hija wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET 2020), u hija wkoll kruċjali biex tinkoraġġixxi l-mobilità transkonfinali taċ-ċittadini tal-UE, li hija wieħed mill-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir.

Dan ir-rapport, li jiġi prodott kull 3-4 snin, jiġbor flimkien varjetà ta’ sorsi ta’ dejta u jipprovdi stampa kompleta tat-tagħlim tal-lingwi fit-32 pajjiż parteċipanti. Huwa jkejjel 61 indikatur f'ħames kategoriji: il-kuntest, l-organizzazzjoni, il-parteċipazzjoni, l-għalliema u l-proċessi tat-tagħlim. Id-dejta hija prinċipalment misluta minn erba’ sorsi: il-Eurydice, il-Eurostat, l-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kompetenzi Lingwistiċi, u l-istħarriġ internazzjonali PISA (il-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti).

Hu jgħaqqad din id-dejta statistika ma’ deskrizzjoni tal-kuntest u l-organizzazzjoni tat-tagħlim tal-lingwi barranin, il-livelli tal-parteċipazzjoni tal-istudenti, kif ukoll id-dettalji dwar l-edukazzjoni inizjali u kontinwa tal-għalliema tal-lingwi barranin. Barra minn hekk, ir-rapport jippreżenta wkoll ix-xejriet fit-tagħlim tal-lingwi matul is-snin u janalizza s-sitwazzjoni preżenti meta mqabbla mal-passat. .

Key Data on Teaching Languages at School in Europe 2012 huwa pubblikazzjoni konġunta tal-Eurydice u l-Eurostat, prodotta b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Eurydice

In-netwerk Eurydice jagħti informazzjoni u analiżi dwar is-sistemi u l-politiki Ewropej tal-edukazzjoni. Dan huwa magħmul minn 38 unità nazzjonali bbażati f'kull wieħed mill-34 pajjiż li qed jipparteċipaw fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE (l-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija). Is-Serbja u l-Isvizzera ma ħadux sehem fir-rapport Key Data on Teaching Languages at School in Europe 2012. Il-Eurydice huwa kkoordinat u amministrat mill-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura tal-UE.

Għal aktar tagħrif

Ir-rapport sħiħ bl-Ingliż huwa disponibbli hawn: Key Data on Teaching Languages at School in Europe 2012

Il-punti ewlenin tar-rapport

Il-Kummissjoni Ewropea: L-Edukazzjoni u t-Taħriġ

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Ikkuntattja:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

L-etajiet tal-bidu għall-ewwel u t-tieni lingwa barranija bħala suġġetti obbligatorji ta’ qabel il-primarja, l-istudenti kollha tal-primarja u/jew l-edukazzjoni sekondarja ġenerali, 2010/11

Lingwi obbligatorji barranin speċifiċi kif speċifikati mill-awtoritajiet tal-edukazzjoni ċentrali
(f’punt ta’ żmien partikolari matul l-edukazzjoni obbligatorja
full-time), 1992/93, 2002/03, 2006/07, 2010/11

Persentaġġ tal-istudenti kollha tal-edukazzjoni primarja li qed jitgħallmu l-Ingliż, il-Franċiż u/jew il-Ġermaniż. Pajjiżi li fihom waħda minn dawn il-lingwi hija l-aktar mitgħallma, 2009/10

Lingwi barranin minbarra il-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Ispanjol, il-Franċiż u r-Russu mitgħallem minn studenti fl-edukazzjoni sekondarja, bħala persentaġġ ta' kull lingwa mitgħallma f' dan il-livell, 2009/10

L-eżistenza ta' rakkomandazzjonijiet dwar il-kontenut tal-edukazzjoni tal-bidu tal-għalliema u l-perjodu ta’ immersjoni mqatta’ fil-pajjiż tal-lingwa fil-mira, 2010/11


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website