
Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa
Ir-Rebbieħa jitħabbru fil-Kompetizzjoni tal-UE tat-Tradutturi Żgħażagħ
Brussell, it-3 ta' Frar 2012 - L-ismijiet tas-27 rebbieħa tal-Kompetizzjoni annwali għat-Tradutturi Żgħażagħ magħrufa bħala "Juvenes Translatores" tal-Kummissjoni Ewropea tħabbru llum (ara l-lista sħiħa hawn taħt). Intagħżel rebbiegħ għal kull pajjiż tal-UE minn fost total ta' aktar minn 3,000 student mill-iskejjel sekondarji li ħadu sehem f'din il-kompetizzjoni f'Novembru 2011. L-għadd ta' parteċipanti tela' għal aktar minn 400 meta mqabbel ma' dak tas-sena l-oħra u kien l-ogħla wieħed sa issa mit-tnedija ta' din il-kompetizzjoni fl-2007. Ir-rebbieħa se jkunu mistiedna Brussell fis-27 ta' Marzu biex jirċievu l-premjijiet tagħhom u biex jiltaqgħu ma' tradutturi li jaħdmu l-Kummissjoni.
"Din il-kompetizzjoni tinkoraġġixxi lill-istudenti biex jiffamiljarizzaw rwieħhom mal-lingwi barranin b'mod aktar fil-fond u biex jikkunsidraw l-użu tal-għarfien tagħhom fil-karriera futura tagħhom, kemm bħala tradutturi kif ukoll bħala ħaddiema fi kwalunkwe qasam professjonali ieħor fejn il-multilingwiżmu huwa ta' vantaġġ," stqarret Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ. "Il-kompetizzjoni tispira lill-iskejjel biex jitgħallmu minn xulxin u biex jippruvaw metodi differenti ta' tagħlim tal-lingwi."
Ir-rebbieħa kollha juru li l-għarfien tal-lingwi jista' jservi ta' avvanz u jiftaħ il-moħħ għal possibbiltajiet ġodda.
Ir-rebbieħa Ġermaniża, pereżempju, xtaqet tattendi skola tal-mużika fl-Ungerija, għalhekk, waqt li fl-istess ħin tipperfezzjona l-ħiliet mużikali tagħha fuq il-pjanu u l-flawt, tgħallmet ukoll titkellem bl-Ungeriż. Ir-rebbieħa Rumena kitbet artikolu dwar il-biofiżika li kien parzjalment imsejjes fuq materjal ta' sors tekniku bl-Ingliż li ttraduċiet hi stess. Bl-għarfien tagħha tal-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Olandiż, l-Ingliż u l-Ispanjol, ir-rebbieħa Lussemburgiża tinkorpora fil-veru sens tal-kelma t-tradizzjoni multilingwista ta' pajjiżha.
Il-parteċipanti kollha kellhom jittraduċu test ta' paġna skont l-għażla tagħhom minn kwalunkwe waħda mill-506 kombinazzjoni possibbli fost it-23 lingwa uffiċjali tal-UE. Għalkemm ħafna għażlu l-Ingliż bħala lingwa sors, l-għadd totali ta' kombinazzjonijiet ta' lingwi li ntuża kien ta' 148, l-ogħla wieħed minn mindu tnediet din il-kompetizzjoni.
Is-suġġett tat-testijiet ta' din is-sena kien il-voluntarjat (biex jikkommemora s-Sena Ewropea tal-Voluntarjat 2011), iżda kull test ta' lingwa kien jikkaratteriżża aspetti differenti tas-suġġett: It-test Olandiż, pereżempju, iffoka fuq ir-restawrar ta' knisja fit-Toskana; l-artikolu għat-traduzzjoni Franċiża ffoka fuq it-tindif tal-ixtut, waqt li dak Pollakk fuq il-ħidma fi skola Ċilena għal tfal inqas privileġġati. Għadd ta' żgħażagħ li ħadu sehem fil-kompetizzjoni fil-pajjiżi differenti ġew inspirati b'mod ċar mis-suġġett tal-voluntarjat, b'xi wħud jiddeċiedu li wara dan jinkitbu bħala voluntiera għas-Salib l-Aħmar u għal Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi oħra.
Sfond
Il-kompetizzjoni "Juvenes Translatores" (bil-Latin li tfisser "tradutturi żgħażagħ") hija organizzata kull sena mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Hija miftuħa għal studenti ta' 17-il-sena fl-iskejjel sekondarji (din id-darba għal dawk li twieldu fl-1994) u ssir fl-istess ħin fl-iskejjel kollha magħżula minn madwar l-Ewropa kollha. Il-kompetizzjoni saret għall-ewwel darba fl-2007 bħala proġett bi prova bl-għan li ddewwaq liż-żgħażagħ xi ftit mill-ħajja ta' traduttur u biex tgħolli l-profil tat-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel. Il-kompetizzjoni inkoraġġiet lil xi wħud mill-parteċipanti biex jagħżlu li jistudjaw il-lingwi u jsiru tradutturi.
It-tradutturi tal-Kummissjoni jħejju t-testijiet għall-kompetizzjoni biex jiżguraw l-istess livell ta' sfida lingwistika u huma wkoll immarkaw ir-riżultati; kull traduzzjoni kienet evalwata minn kelliem nattiv tal-lingwa li fiha t-test kien ġie tradott.
L-ismijiet tal-istudenti rebbieħa (flimkien mal-kombinazzjoni tal-lingwa tagħhom) u l-iskejjel tagħhom huma:
PAJJIŻ | REBBIEĦ | SKOLA |
L-Awstrija | Sophie Insulander (SV-DE1) | BG 13 Fichtnergasse, Vjenna |
Il-Belġju | Meriem Anciaux (EN-FR) | Collège Saint Michel, Gosselies |
Il-Bulgarija | Деница Марчевска (DE-BG) | Св.Константин-Кирил Философ, Русе |
Ċipru | Ηλιάνα Χαντζηαντρέου | Λύκειο Αρχ. Μακαρίου Γ΄ Δασούπολης, Στρόβολος – Λευκωσία |
Ir-Repubblika Ċeka | Michaela Krákorová (EN-CS) | Gymnázium, Brno-Řečkovice |
Id-Danimarka | Mikael Steffens Frisk (EN-DA) | Allerød Gymnasium, Lillerød |
L-Estonja | Johanna Maarja Tiik (EN-ET) | Miina Härma Gümnaasium, Tartu |
Il-Finlandja | Janne Suutarinen (EN-FI) | Joroisten lukio, Joroinen |
Franza | Gaëlle Daanen (ES-FR) | Lycée Emilie de Breteuil, Montigny le Bretonneux |
Il-Ġermanja | Sara Kredel (HU-DE) | Goethe-Gymnasium Bensheim, Bensheim |
Il-Greċja | Αριάδνη Τσιάκα (EN-EL) | Πέμπτο Γενικό Λύκειο Καρδίτσας, Καρδίτσα |
L-Ungerija | Simon Virág (EN-HU) | Neumann János Középiskola és Kollégium, Eger |
L-Irlanda | Orla Patton (GA-EN) | Mainistir Loreto Deilginis, Deilginis, Contae Atha Cliath |
L-Italja | Francesco Mosetto (DE-IT) | Liceo Classico Europeo annesso al Convitto Nazionale Umberto I, Torino |
Il-Latvja | Vineta Pilāte (EN-LV) | Dobeles Valsts ģimnāzija, Dobele |
Il-Litwanja | Lukas Šalaševičius (EN-LT) | Mažeikių Gabijos gimnazija, Mažeikiai |
Il-Lussemburgu | Alexandra Matz (EN-FR) | Ecole Privée Fieldgen |
Malta | Natalia Grima (EN-MT) | Il-Kulleġġ De La Salle, il-Birgu |
Il-Pajjiżi l-Baxxi | Anne Moroux (FR-NL) | Gymnasium Haganum, |
Il-Polonja | Dawid Dworak (EN-PL) | II LO im. Marii Skłodowskiej Curie, Końskie |
Il-Portugall | Margarida Sampaio (EN-PT) | Agrupamento de Escolas de Arganil, Arganil |
Ir-Rumanija | Anna Kiss (RO-HU) | Liceul Teoretic "Bolyai Farkas", Târgu-Mureş |
Is-Slovakkja | Martin Šrank (EN-SK) | Gymnázium Ivana Kupca, Hlohovec |
Is-Slovenja | Nina Štefan (EN-SL) | Srednja šola Domžale, Domžale |
Spanja | Isabel Suárez Lledó (EN-ES) | San José ss.cc, Sevilla |
L-Isvezja | Linnea Kjellberg (FR-SV) | Rosendalsgymnasiet, Uppsala |
Ir-Renju Unit | Theodora Bradbury (DE-EN) | Kendrick School, Reading, Berkshire |
Mappa li turi minn fejn ġejjin ir-rebbieħa:

Għal aktar tagħrif:
Il-websajt tal-kompetizzjoni: ec.europa.eu/translatores
Facebook: facebook.com/translatores
Twitter: @translatores
Id-DĠ tat-Traduzzjoni: ec.europa.eu/dgs/translation
Il-Websajt ta' Androulla Vassiliou:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/vassiliou/index_en.htm
Kuntatti : Dennis Abbott (+32 2 295 92 58) Dina Avraam (+32 2 295 96 67) |
BG: il-Bulgaru; ES: l-Ispanjol; CS: iċ-Ċek; DA: id-Daniż; DE: il-Ġermaniż; ET: l-Estonjan; EL: il-Grieg; EN: l-Ingliż; FR: il-Franċiż; GA l-Irlandiż; IT: it-Taljan; LV: il-Latvjan; LT: il-Litwan; HU: l-Ungeriż; MT: il-Malti; NL: l-Olandiż; PL: il-Pollakk; PT: il-Portugiż; RO: ir-Rumen; SK: is-Slovakk; SL: is-Sloven; FI: il-Finlandiż; SV: l-Isvediż.