Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21 ta' Settembru 2012

Il-konsumaturi tal-UE: ir-riżoluzzjoni ta' tilwim transkonfinali żgħir mingħajr ebda inkonvenjent

It-tfittxija għal iffrankar fix-xiri transkonfinali huwa mod kif il-konsumaturi jistgħu jiksbu l-aħjar akkwist fis-suq intern tal-UE. Ix-xiri onlajn jagħmel dawn l-akkwisti tajbin dejjem aktar aċċessibbli. Imma xi kultant l-affarijiet jistgħu jmorru żmerċ: jista’ jkun hemm problema bil-prodotti jew bil-konsenja. Biex tevita proċeduri diffiċli, li jiswew il-flus u li jieħdu l-ħin, l-Unjoni Ewropea qiegħda tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja għall-konsumaturi fl-Ewropa, sabiex ikunu jistgħu jinfurzaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom. Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar hija waħda mis-soluzzjonijiet disponibbli biex jiġi riżolt it-tilwim f'każijiet li jinvolvu EUR 2,000 jew inqas. Madankollu, rapport ġdid mingħand in-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur (ECC-Net), li ħareġ illum, juri li din il-proċedura faċli għall-utent, disponibbli mill-1 ta’ Jannar 2009, ħafna drabi ma tantx tintuża. Dan iseħħ l-aktar minħabba li l-imħallfin ma jafux bil-proċedura - xi ħaġa li l-Kummissjoni beħsiebha tittratta b'mod vigoruż.

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja fl-UE, qalet: "Il-konsumaturi Ewropej għandhom iħossuhom sikuri meta jixtru oġġetti jew servizzi fis-suq uniku mingħajr ma jiffaċċjaw riskji addizzjonali. F'każ ta' problemi, dawn għandhom ikunu jistgħu jsegwu l-pretensjonijiet tagħhom fi qrati tal-Unjoni Ewropea malajr u faċilment. Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tgħin lill-konsumaturi jieħdu flushom lura minn barra l-pajjiż. Iżda għad hemm xi jsir biex din il-proċedura ssir effettiva għall-konsumaturi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġudikatura tagħhom tkun taf dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar sabiex tkun tista' tgħin lin-nies jasserixxu b’suċċess il-pretensjonijiet tagħhom."

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Konsumatur John Dalli qal: "Jeħtieġ li l-konsumaturi li jixtiequ japprofittaw mill-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku jkunu jistgħu jużaw varjetà ta' mezzi effettivi u effiċjenti ta' rimedju. Ninsab diżappuntat meta nara dan il-livell baxx ta' għajnuna offrut lill-konsumaturi li ppruvaw jużaw il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Illum, kull ammont żgħir jgħodd u meta l-konsumaturi ma jingħatawx kumpens jiġu affettwati l-bwiet, issir ħsara lill-fiduċja u jonqos ir-ritmu tat-tkabbir fl-Ewropa."

Is-sejbiet ewlenin

In-nuqqas ta' għarfien u ta' infurzar tas-sentenzi għadu problema prinċipali

Fl-2010, fi proġett immexxi miċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur fl-Italja, Ċentri Ewropej tal-Konsumatur (ECCs) fis-27 Stat Membru tal-UE investigaw kif il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tħaddmet fil-prattika. Huma sabu li l-proċedura hija relattivament mhux magħrufa – mhux biss fost il-konsumaturi iżda wkoll fost l-imħallfin. Għalkemm il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fiha nnifisha hija fil-prinċipju sempliċi u mingħajr ħlas, l-infurzar tas-sentenza li tirriżulta minn din il-proċedura ta' spiss jiġġebbed fit-tul mill-parti telliefa. B'konsegwenza ta' dan, hija biss il-minoranza tad-deċiżjonijiet pożittivi meħuda mill-qrati fil-pajjiżi ta' domiċilju tal-konsumaturi, li tiġi attwalment infurzata bejn pajjiż u ieħor. Meta azzjoni hija meħtieġa biex tiġi infurzata deċiżjoni fil-pajjiż tan-negozjant u skont il-liġijiet ta’ dak il-pajjiż, il-konsumaturi ta' spiss jabbandunaw il-proċedura billi l-proċess għal infurzar nazzjonali huwa wieħed kumpless u jista' jkun għali.

Iżda l-ħtieġa għal proċedura effettiva għal pretensjonijiet żgħar tibqa' ċara

Fis-swieq domestiċi, madwar 20% tal-konsumaturi Ewropej irrappurtaw li kellhom xi problema f'dawn l-aħħar 12-il xahar b'xi prodott, servizz, bejjiegħ jew fornitur. Il-valur medju stmat għat-telf huwa ta' EUR 375 għal kull każ. Sittin fil-mija tal-konsumaturi mistħarrġa sabu soluzzjoni sodisfaċenti direttament man-negozjant imma l-40% li jifdal ma kisbu l-ebda rimedju, u 25% minnhom lanqas biss ipprovaw jilmentaw. L-għadd ta' konsumaturi li jieħdu lin-negozji l-qorti meta jkollhom problema huwa baxx ħafna (2% ta' dawk li esperjenzaw problema f'dawn l-aħħar 12-il xahar). Ħafna qalu li ma lmentawx minħabba li l-ammonti ta' flus involuti kienu żgħar wisq (26%), ħasbu li l-proċedura tkun għalja wisq meta mqabbla mal-ammont ta' flus involut (13%) jew li l-proċedura kienet se tieħu fit-tul wisq (12%).

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni Ewropea se taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura l-infurzar tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u tiżviluppa l-għarfien dwarha. Aktar konsumaturi għandhom ikunu jafu dwar il-proċedura u jużawha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se:

  • taħdem mal-awtoritajiet tal-qrati biex tippromwovi għarfien dwar il-proċedura;

  • toħroġ gwida li tipprovdi pariri prattiċi lill-konsumaturi u lill-prattikanti legali fl-2012;

  • iżżid l-għarfien dwar il-formoli standard eżistenti u tagħmel l-informazzjoni disponibbli onlajn bit-22 lingwa uffiċjali tal-UE, permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, sabiex tagħmilha aktar faċli li wieħed jirreġistra pretensjoni u jara kif taħdem il-proċedura;

  • taħdem maċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur biex tippromwovi attivament il-proċedura fost il-konsumaturi u l-imħallfin;

  • tinkoraġġixxi liċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur biex jagħtu għajnuna konkreta lill-konsumaturi biex jużaw il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar f’każijiet individwali;

  • tippreżenta rapport ta' valutazzjoni dwar l-operat tal-proċedura (inklużi l-miżati tal-qorti, il-veloċità u l-faċilità tal-użu tal-proċedura) u jekk meħtieġ tikkorreġi l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar biex din taħdem b'mod aktar effettiv għall-konsumaturi billi, pereżempju, iżżid il-limitu ta' EUR 2,000 biex tkopri pretensjonijiet akbar jew tkompli tissimplifika l-formoli standard li jintużaw biex issir pretensjoni.

Storja ta' suċċess li turi kif taħdem

Konsumatur Awstrijakk ordna ħwejjeġ tas-serfing minn websajt Ġermaniża. Hu ħallas EUR 228 bil-quddiem permezz ta' trasferiment bankarju. In-negozjant qatt ma wassal il-ħwejjeġ u ma ħallasx lura l-prezz tax-xiri. Fuq il-parir taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur tal-Ġermanja, il-konsumatur beda Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Il-qorti kompetenti Awstrijaka f'Linz ħarġet sentenza favur il-konsumatur, li ġiet infurzata mill-awtoritajiet Ġermaniżi f’Charlottenburg. Il-konsumatur imbagħad irċieva rifużjoni tal-prezz tax-xiri..

Sfond

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007) teżisti biex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja billi tissimplifika l-pretensjonijiet żgħar transkonfinali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u tnaqqas l-ispejjeż. Hija waħda mill-miżuri adottati fi ħdan il-qafas tal-politika tal-ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, speċjalment maħsuba biex tgħin lill-konsumaturi jinfurzaw drittijiethom u jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transkonfinali. Daħlet fis-seħħ għall-ewwel darba fl-1 ta' Jannar 2009.

Il-"pretensjonijiet żgħar" huma każijiet li jikkonċernaw l-ammonti ta' EUR 2,000 jew inqas, esklużi l-imgħax, l-ispejjeż u l-ħlasijiet (fil-mument li l-qorti kompetenti tirċievi l-formola tal-pretensjoni). Is-sentenza tingħata fil-pajjiż ta' residenza tal-konsumatur, jew fil-pajjiż tal-kumpanija konvenuta jekk il-konsumatur jagħżel li jagħmel hekk. Hi tħares id-drittijiet proċedurali tiegħu/tagħha u ssir infurzabbli direttament fil-pajjiż tal-parti telliefa u f'kull pajjiż ieħor tal-UE. Il-proċedura ssir l-aktar bil-miktub bl-użu ta' formoli definiti minn qabel. Ir-rappreżentanza minn avukat mhijiex meħtieġa. Mill-2013, il-konsumaturi f'madwar ħames jew sitt pajjiżi pilota se jkunu jistgħu jimlew il-formoli ta' pretensjonijiet żgħar u jwettqu l-proċedura kollha tal-qorti onlajn, permezz tal-portal tal-Ġustizzja Elettronika. Verżjonijiet elettroniċi tal-formoli standard huma diġà disponibbli onlajn (bit-22 lingwa uffiċjali tal-UE).

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea – Proċedura għal Talbiet Żgħar
http://ec.europa.eu/justice/civil/commercial/eu-procedures/index_en.htm

Il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika – Formoli ta' pretensjonijiet żgħar
https://e-justice.europa.eu/content_small_claims_forms-177-en.do

Ir-Rapport taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur
http://ec.europa.eu/consumers/ecc/consumer_reports_en.htm

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website