Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni u l-industriji Ewropej jimpenjaw ruħhom għal settur tar-robotika akbar u aħjar

Il-Kummissjoni Ewropea, l-industriji u s-settur akkademiku qablu li jniedu Sħubija Pubblika-Privata (PPP) fil-qasam tar-robotika, biex jgħinu lil kumpaniji bbażati fl-Ewropa biex ikabbru s-sehem tagħhom mis-suq globali tar-robotika, li huwa stmat li jammonta għal EUR 15.5 biljun fis-sena. Rappreżentanti minn manifatturi Ewropej tar-robotika, u minn istituti tar-riċerka ssieħbu mal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes fl-iffirmar ta' Memorandum ta’ Ftehim, li jirrappreżenta l-ewwel pass lejn tnedija ta’ Sħubija Pubblika-Privata (PPP) fl-2013. Il-Kummissjoni temmen li l-PPP futura se ssaħħaħ is-settur tar-robotika tal-UE.

Neelie Kroes, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, qalet "Industrija qawwija tar-robotika hija ċentrali għall-kompetittività futura tal-Ewropa. L-iżvilupp tal-industrija tar-robotika tagħna għandu jiġġenera impjiegi ġodda u jsaħħaħ is-settur tal-manifattura Ewropew.”

Ir-robotika hija stimulu ewlieni għat-tkabbir u l-kompetittività fl-Ewropa. L-użu ta’ miljun robot industrijali jwassal biex jinħolqu jew jinżammu 3 miljun impjieg madwar id-dinja. L-industrija Ewropea tar-robotika tikseb riżultati pożittivi ħafna u tirrappreżenta kważi kwart mill-produzzjoni globali tar-robotika industrijali u sehem ta' 50% mis-suq fir-robotika ta' servizzi professjonali. Is-swieq tar-robots tas-servizzi domestiċi u professjonali mistennija jikbru b'40% fis-snin li ġejjin, bl-akbar tkabbir ikun fis-salvataġġ, is-sigurtà u l-applikazzjonijiiet ta’ tindif professjonali. Sal-2020, is-suq tar-robotika tas-servizzi jista’ jilħaq volum tas-suq ta’ aktar minn EUR 100  biljun fis-sena. Il-PPP fil-qasam tar-Robotika għandha l-għan li:

1. tiżviluppa miri strateġiċi għar-robotika Ewropea u tippromwovi l-implimentazzjoni tagħhom;

2. ittejjeb il-kompetittività industrijali tal-Ewropa permezz ta’ teknoloġiji robotiċi innovattivi;

3. tipprovdi prodotti u servizzi tar-robotika li jservu ta’ strumenti importanti biex jgħinu jsolvu l-isfidi tas-soċjetà Ewropea;

4. issaħħaħ l-attivitajiet tan-netwerking tal-komunità Ewropea tar-robotika;

5. tippromovi r-robotika Ewropea;

6. tilħaq utenti u swieq ġodda eżistenti;

7. tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika u tindirizza kwistjonijiet etiċi, legali u soċjali.

L-imsieħba privati fil-PPP (mis-settur akkademiku u l-industriji) issa se jippreparaw proposta għall-PPP biex il-Kummissjoni teżaminaha u tapprovaha formalment.

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea ffinanzjat aktar minn 120 proġett ta’ riċerka fil-qasam tar-robotika b’madwar EUR 600 miljun fl-aħħar ħames snin. Dawn jindirizzaw suġġetti bħall-għarfien ta’ ambjenti u sitwazzjonijiet, il-perċezzjoni tad-dinja permezz ta’ sensi artifiċjali (vista u mess bit-teknoloġija tal-kompjuter, eċċ) u l-imġiba fiżika bħall-qbid ta’ oġġetti jew il-moviment fi spazji mill-ħajja ta’ kuljum. Id-domanda globali għar-robots u għal prodotti relatati mar-robots laħqet il-valur ta’ madwar EUR 15.5 biljun fl-2010, inkluż madwar EUR 3 biljun fl-Ewropa.

Studju riċenti tal-Ewrobarometru dwar ir-robotika (ara MEMO/12/667) żvela li aktar minn żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE (70%) għandhom fehma pożittiva dwar ir-robots; Il-maġġoranza jaqblu li r-robots “huma meħtieġa għax jistgħu jwettqu xogħol li huwa iebes jew perikoluż wisq għan-nies” (88%) u li “huma tajbin għas-soċjetà għaliex jgħinu lin-nies” (76%).

Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa wkoll ir-riċerka fil-qasam tar-Robotika permezz tal-Programmi Qafas tagħha ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħalissa qed jiddiskutu l-proposta tal-Kummissjoni għall-programm Orizzont 2020. Il-programm, li għandu jiġi implimentat bejn l-2014 u l-2020, u li għandu baġit indikattiv ta’ EUR 80 biljun, huwa parti mill-isforz biex jinħoloq tkabbir ġdid u impjiegi ġodda fl-Ewropa. Wieħed mill-miri ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa huwa li tingħata spinta u li jissaħħu l-isforzi għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-UE (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Ħoloq utli

Il-ħidma tal-UE fil-qasam tar-Robotika

Proġetti ffinanzjati mill-UE fil-qasam tar-Robotika

Federazzjoni Internazzjonali tar-Robotika: "Impatt Pożittiv tar-Robots Industrijali fix-Xogħol", Metra Martech, 21 ta’ Frar 2011

Hash Tags: #robot #robots, #robotics, #roboticsEU

Il-websajt ta’ Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Segwi l-iżviluppi fil-qasam tar-Robotika fl-UE fuq Twitter

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site