Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta’ Settembru 2012

Forum tal-Isport tal-UE: Il-mexxejja u l-ministri tal-isport iqawwu l-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob

Ir-rappreżentanti tal-moviment sportiv Ewropew u l-Ministri tal-Isport se jwiegħdu li jqawwu l-ġlieda tagħhom kontra x-xiri tal-logħob meta jiltaqgħu fil-Forum tal-Isport tal-UE, organizzat mill-Kummissjoni Ewropea f’Nikosija, Ċipru, mid-19 sal-20 ta’ Settembru. Dawn huma mistennija li japprovaw “Dikjarazzjoni dwar il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob”. Il-Forum li jikkoinċidi ma’ laqgħa informali tal-Ministri tal-Isport tal-UE, se jiddiskuti wkoll kwistjonijiet bħal pereżempju l-kontribuzzjoni tal-isport lill-ekonomija tal-UE, il-finanzjament futur tal-UE għall-isport fil-livell lokali, u l-promozzjoni tal-attività fiżika u t-tixjiħ attiv.

L-isport huwa parti importanti tal-ħajja għal miljuni ta’ persuni fl-Ewropa. Jien għandi l-impenn li nippromwovi l-isport u l-attività fiżika għall-persuni ta' kull età. Stil ta’ ħajja attiv huwa element ewlieni għal saħħitna u l-benessri tagħna. Sfortunatament, l-isport jiffaċċja wkoll ħafna sfidi llum. Il-finanzjament fuq livell tal-UE jista’ jgħin fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet b’konsegwenzi transkonfinali bħal pereżempju x-xiri tal-logħob, il-vjolenza relatata mal-isport, l-intolleranza u l-inugwaljanza bejn il-ġeneri,” qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-isport.

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet kapitolu dwar l-isport bħala parti minn Erasmus għal Kulħadd, il-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Il-baġit propost għall-isport huwa medja ta' EUR 34 miljun fis-sena bejn l-2014 u l-2020. Se jingħata appoġġ lill-proġetti transnazzjonali li għandhom l-għan li jsaħħu l-iskambju tal-għarfien u l-prattiki tajba, lill-avvenimenti Ewropej mhux kummerċjali tal-isport ta’ importanza kbira u lix-xogħol li jsaħħaħ il-bażi ta’ evidenza għat-tfassil tal-politika fl-isport. Il-benefiċjarji ewlenin se jkunu l-korpi pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi fl-isport fil-livell lokali.

Il-Forum tal-Isport se jiġbed ukoll l-attenzjoni fuq il-proġetti ffinanzjati mill-UE li ġew implimentati matul dawn l-aħħar sentejn, bl-għan li jappoġġaw il-ġlieda kontra d-doping, l-aċċess għall-isport għall-persuni b’diżabbiltà, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-inklużjoni soċjali tal-immigranti, u l-promozzjoni ta’ governanza tajba fl-isport. Mill-2009, il-Kummissjoni pprovdiet aktar minn EUR 12 miljun bħala appoġġ għal proġetti bħal dawn f’dawn l-oqsma u f'oqsma oħrajn.

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qegħdin jiddiskutu dwar il-proposta tal-Kummissjoni Erasmus għal Kulħadd. Il-baġit finali huwa mistenni li jkun magħruf wara t-tlestija tan-negozjati fuq il-qafas finanzjarju pluriennali globali għall-oqsma kollha tal-politika tal-UE, possibbilment qabel it-tmiem ta’ din is-sena. Il-Kummissjoni se tagħmel proposta għal inizjattiva politika tal-UE għall-promozzjoni tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa fl-2013.

Sfond

Il-Forum tal-Isport tal-UE, li jsir kull sena, huwa opportunità għall-Kummissjoni biex tinforma lill-moviment sportiv dwar il-proposti attwali tagħha u biex tisma’ l-opinjonijiet tagħhom. Il-Forum jiġbor flimkien 250 delegat, inklużi persuni importanti mill-Kumitati Olimpiċi Ewropej u internazzjonali, il-federazzjonijiet Ewropej, l-organizzazzjonijiet tal-isport għal kulħadd, u l-organizzazzjonijiet tal-ligs, il-klabbs u l-atleti. Il-Forum tal-Isport tal-UE se jiddiskuti wkoll dwar il-governanza tajba fl-isport permezz tad-djalogu soċjali Ewropew mal-impjegaturi u l-atleti.

Il-Kummissarju Vassiliou se tieħu sehem ukoll fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-Isport tal-UE (20-21 ta' Settembru). Fost affarijiet oħrajn, il-Ministri se jiddiskutu dwar l-impatt tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku 2012 ta’ Londra. Żewġ panils konġunti ta’ livell għoli se jiffokaw fuq il-kontribuzzjoni tal-isport u l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa għall-ekonomija tal-Ewropa u l-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob.

Il-Ministri se jiddiskutu wkoll modi kif wieħed jista’ jippromwovi aħjar l-isport u s-saħħa fil-kuntest tas-soċjetà li qed tixjieħ tal-Ewropa u biex jiġu skambjati l-opinjonijiet dwar ir-rappreżentanza tal-UE fl-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (WADA) sabiex jinkiseb kunsens dwar il-ħatra ta’ espert governattiv għall-Bord tal-WADA.

Għal aktar informazzjoni

Il-programm tal-Forum tal-Isport tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea: websajt tal-isport

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Il-Presidenza Ċiprijotta tal-UE

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website