Navigation path

Left navigation

Additional tools

Jum il-Kooperazzjoni Ewropea: Naqsmu l-fruntieri sabiex nersqu aktar qrib ta' xulxin

European Commission - IP/12/974   18/09/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Settembru 2012

Jum il-Kooperazzjoni Ewropea: Naqsmu l-fruntieri sabiex nersqu aktar qrib ta' xulxin

Niċċelebraw il-kisbiet tar-reġjuni u l-pajjiżi Ewropej li jaħdmu flimkien min-naħa għall-oħra tal-fruntieri. Dan huwa l-qofol ta’ Jum il-Kooperazzjoni Ewropea li għall-ewwel darba se jiġi ċċelebrat fl-istess jum madwar l-Ewropa kollha, kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi ġirien.

Waqt diskors quddiem il-Parlament Ewropew fi Brussell biex iniedi aktar minn 200 avveniment f'40 pajjiż, il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali Johannes Hahn stqarr: "Il-proġetti ta' kooperazzjoni territorjali jgħinu biex tinbena l-fiduċja. Dawn irawmu l-fehim reċiproku. Huma ingredjenti essenzjali tal-integrazzjoni Ewropea. Huma jqarrbu flimkien il-komunitajiet – din hija l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea".

Il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea hija tema dejjem aktar importanti fil-Politika Reġjonali tal-UE. Ir-reġjuni u l-ibliet tal-Istati Membri differenti tal-UE huma mħeġġa jaħdmu flimkien u jitgħallmu minn xulxin permezz ta’ programmi, proġetti u netwerks konġunti. Iċ-ċittadini li jgħixu lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE qegħdin ukoll jibbenefikaw minn politika li l-għan tagħha huwa li tgħin biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tar-reġjuni tal-fruntiera billi tippromwovi netwerks aħjar u azzjoni komuni.

Fost il-proġetti esposti li se jiġu ppreżentati f'Jum il-Kooperazzjoni Ewropea, li jiġi ċċelebrat uffiċjalment fil-21 ta' Settembru, insibu HEALTH, inizjattiva Awstro-Ungeriża-Slovena li timmira li ttejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi fis-settur tas-saħħa.

L-imsieħba fil-proġett Edtwin mir-reġjuni Ċeki, Slovakki, Ungeriżi u Awstrijaċi qegħdin joħolqu wkoll sħubijiet u apprendistati msejsa fuq l-edukazzjoni fir-reġjuni ġirien, kif ukoll korsijiet tal-lingwa għat-tfal fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali.  

Sfond

Il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea tkopri tliet tipi ta' programmi:

  • il-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali tul il-fruntieri interni tal-UE. Kontribuzzjoni mill-FEŻR: EUR 5.6 biljun.

  • il-programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali jkopru żoni akbar ta’ kooperazzjoni bħall-Baħar Baltiku, ir-reġjuni Alpini u tal-Mediterran. Kontribuzzjoni mill-FEŻR: EUR 1.8 biljun.

  • Il-programm ta’ kooperazzjoni interreġjonali (INTERREG IVC) u 3 programmi ta’ netwerking (Urbact II, INTERACT II u ESPON) jkopru s-27 Stati Membri kollha tal-UE. Dawn jipprovdu qafas għall-iskambju ta’ esperjenzi bejn l-entitajiet reġjonali u lokali f’pajjiżi differenti. Kontribuzzjoni mill-FEŻR: EUR 445 miljun.

Sa mill-bidu tas-snin disgħin, madwar 30,000 proġett transkonfinali rċevew investiment mill-UE. Dawn taw benefiċċji enormi lill-persuni li jgħixu fl-Ewropa: mill-ħolqien tal-impjiegi sal-ħarsien tal-ambjent, sat-titjib tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, tat-trasport u tal-enerġija.

Ir-riżultati ta' studju tal-inizjattiva INTERREG III (2000-2006) wrew li l-proġetti ppermettew li, direttament jew indirettament, jinħolqu jew jitħarsu 115,000 impjieg/opportunità ta' xogħol u kważi 5,800 negozju u bidu ta' negozji.  

L-inizjattiva hija kkoordinata mill-programm INTERACT b'rabta mal-Kummissjoni Ewropea (DĠ REGIO, EuropeAid u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna), u appoġġjata mill-Kumitat tar-Reġjuni u mill-Parlament Ewropew.

Għal aktar tagħrif:

Kuntatti:

Shirin Wheeler (+32 4607 66565)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website