Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tiffoka fuq il-kooperazzjoni xjentifika internazzjonali biex tindirizza l-isfidi globali

European Commission - IP/12/967   17/09/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta’ Settembru 2012

Il-Kummissjoni tiffoka fuq il-kooperazzjoni xjentifika internazzjonali biex tindirizza l-isfidi globali

Il-pajsaġġ tar-riċerka globali qed jevolvi b'mod mgħaġġel, tant li bejn l-2000 u l-2009 is-sehem tan-nefqa tal-pajjiżi BRIC fir-rigward tar-riċerka u l-iżvilupp żdied bid-doppju. Kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel jew il-ġlieda kontra l-mard jeħtieġu dejjem sforz internazzjonali tar-riċerka dejjem aktar konġunt. L-Ewropa tista' tagħmel l-aħjar użu mill-eċċellenza tal-bażi xjentifika u tal-industriji innovattivi tagħha billi tkun miftuħa għall-kooperazzjoni internazzjonali u għall-aqwa mħuħ tad-dinja. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea llum stabbiliet strateġija ġdida għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni. L-istrateġija tipproponi li l-kooperazzjoni tiffoka aktar fuq il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE u fl-istess ħin iżżomm it-tradizzjoni tagħha li tibqa' miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fir-riċerka tal-UE. Iridu jiġu indirizzati l-isfidi globali, iżda jrid ikun hemm ukoll ħidma biex l-Ewropa ssir post aktar attraenti għar-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-promozzjoni tal-kompetittività industrijali.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "Fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni, wieħed ma jistax jimxi għal rasu. Importanti li l-Ewropa testendi ruħha għas-sħab internazzjonali biex taċċessa sorsi ġodda ta' għarfien u biex tindirizza l-isfidi globali. L-Orizzont 2020, bħall-programmi ta' qablu, se jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni minn madwar id-dinja kollha. Dan il-ftuħ jiżgura li jkun hemm kooperazzjoni ta' benefiċċji reċiproċi mas-sħab internazzjonali ewlenin tagħna, jassisti lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u jgħin lill-Ewropa taċċessa swieq ġodda u emerġenti."

Wieħed minn kull ħames proġetti ta' riċerka tal-UE diġà jinvolvi mill-inqas sieħeb wieħed minn barra l-UE. Pereżempju, permezz tal-Isħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (EDCTP), 14-il Stat Membru flimkien mal-Isvizzera, in-Norveġja u 47 pajjiż Sub-Saħarjan, bħalissa qed jikkollaboraw biex jiżviluppaw mediċini u vaċċini ġodda għall-ġlieda kontra l-HIV/Aids, il-malarja u t-tuberkulożi.

L-istrateġija l-ġdida se tkun prinċipalment implimentata permezz tal-Orizzont 2020, il-programm ta' finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni li se jidħol fis-seħħ fl-2014, kif ukoll permezz ta' inizjattivi konġunti mal-Istati Membri tal-UE. Minbarra l-fatt li l-Orizzont 2020 se jkun kompletament miftuħ għall-parteċipazzjoni internazzjonali, xi azzjonijiet immirati ma' reġjuni u sħab ewlenin se jiffukaw fuq l-isfidi tas-soċjetà u fuq it-teknoloġiji abilitanti u industrijali.

Se jiġu żviluppati programmi pluriennali għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi u r-reġjuni sħab ewlenin sabiex tittejjeb u tiġi ffukata l-kooperazzjoni internazzjonali. L-istrateġija titlob ukoll għal titjib fid-djalogu politiku ma' sħabna u għal ġbir aħjar ta' tagħrif bħala parti mill-Osservatorju għar-Riċerka u l-Innovazzjoni propost. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea se timmira biex tkabbar il-vantaġġ pożizzjonali tagħha f'organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

Sfond

L-Unjoni Ewropea tinsab fuq quddiem nett fir-riċerka u l-innovazzjoni, u hija responsabbli għal 24 % tan-nefqa dinjija għar-riċerka, 32 % tal-pubblikazzjonijiet b'impatt għoli u 32 % tal-applikazzjonijiet għal privattivi, filwaqt li tirrappreżenta biss 7 % tal-popolazzjoni.

Il-programmi ta' riċerka tal-UE huma miftuħa għall-parteċipazzjoni minn madwar id-dinja kollha. Bħalissa, 6 % tal-parteċipanti fis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) ġejjin minn pajjiżi terzi. L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, li jiffinanzjaw il-mobilità u t-taħriġ tar-riċerkaturi, qed jappoġġaw parteċipanti minn 80 pajjiż differenti. Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (KER), li jiffinanzja riċerkaturi minn mad-dinja kollha biex jagħmlu riċerka avvanzata fl-Ewropa, nieda kampanja biex iħajjar iktar parteċipanti minn pajjiżi terzi. Is-servizz xjentifiku intern tal-Kummissjoni, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), għandu wkoll rabtiet mill-qrib li jikkonċernaw ir-riċerka ma' organizzazzjonijiet madwar id-dinja.

L-istrateġija l-ġdida se timxi b'approċċ doppju. Permezz tal-ftuħ ġenerali tal-Orizzont 2020 għall-kooperazzjoni internazzjonali, ir-riċerkaturi Ewropej se jkunu liberi li jikkoperaw mal-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi dwar is-suġġetti li jridu huma. Dan se jiġi kkumplimentat b'attivitajiet immirati, li jfittxu kooperazzjoni dwar suġġetti partikolari u ma' sħab identifikati sew. L-istrateġija se tippromwovi wkoll prinċipji internazzjonali komuni fir-riċerka u l-innovazzjoni, bħall-integrità tar-riċerka, il-kuxjenza dwar id-dimensjoni tal-ugwaljanza tas-sessi u l-aċċess miftuħ, sabiex tipprovdi lill-komunità globali tar-riċerka u l-innovazzjoni b'kundizzjonijiet indaqs fil-kooperazzjoni internazzjonali. L-istrateġija timmira wkoll li r-riċerka u l-innovazzjoni jkollhom kontribut akbar fil-politiki esterni tal-Unjoni. Kull sentejn, il-Kummissjoni se tirraporta dwar il-progress li jkun sar.

Ir-riċerka hija kompetenza kondiviża mal-Istati Membri. Se tiġi żgurata sħubija aktar b'saħħitha billi titkompla l-ħidma li saret mill-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġija Internazzjonali (SFIC).

Għal aktar tagħrif:

MEMO/12/672

Il-komunikazzjoni: http://ec.europa.eu/research/internationalstrategy

L-Orizzont 2020: http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm

Is-Seba' Programm Kwadru tar-Riċerka tal-UE (FP7): http://ec.europa.eu/research/fp7/index_en.cfm

L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie: http://ec.europa.eu/research/mariecurieactions/index_mt.htm

Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka: http://erc.europa.eu/

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website