Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2012 "Nimxu fid-direzzjoni t-tajba"

European Commission - IP/12/966   17/09/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Settembru 2012

L-Ambjent: Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2012 "Nimxu fid-direzzjoni t-tajba"

Mijiet ta' bliet u rħula Ewropej se jipparteċipaw fil-11-il edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità li se ssir mis-16 sat-22 ta' Settembru 2012. Iċ-ċittadini huma mistiedna li jipparteċipaw fl-attivitajiet li jippromwovu l-mezzi alternattivi ta' trasport u b'hekk inaqqsu l-użu tal-karozzi privati. Il-tema prinċipali ta' din is-sena, "Nimxu fid-direzzjoni t-tajba" għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar il-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli u dwar kif iċ-ċittadini u l-partijiet interessati jistgħu jiġu involuti iktar fil-proċess ta' ppjanar.

Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, qal: "L-Ippjanar ta' Mobilità Urbana Sostenibbli huwa mod kif jinstab bilanċ bejn l-iżvilupp tat-trasport, il-kwalità ambjentali u l-ekwità soċjali. Ippjanar aħjar jista' jgħin lill-ibliet biex itejbu l-mobilità u l-kwalità tal-arja, inaqqsu l-emissjonijiet u l-istorbju u biex joħolqu ambjent urban ta' benefiċċju għas-saħħa. Aktar ma nimxu lejn sistema ta' transport sostenibbli u effiċjenti aktar se tkun tista' tiżdied il-mobilità u fl-istess ħin jitnaqqas it-tniġġis u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Mela ejja ħa nibdew il-mixja tagħna!"

"Bi tweġiba għall-isfida biex l-ibliet tagħna jkunu aktar nodfa u sikuri, irridu nsibu l-bilanċ ideali skont il-ħtiġijiet tagħna għall-ivvjaġġar ta' kuljum. Kollha kemm aħna nifrustraw ruħna minħabba l-konġestjoni tat-traffiku, l-istorbju u t-tniġġis, u konxji dwar ir-riskju ta' inċident tat-traffiku, iżda l-intenzjonijiet tajbin tagħna ta' spiss ma jsarrfux f'mobilità sostenibbli. Għalhekk, il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità qed tgħaqqad flimkien il-komunitajiet lokali biex tappoġġa l-iżvilupp ta' żoni pedonali, ta' infrastruttura ċiklistika u t-titjib fit-trasport pubbliku. Qed nitolbu lill-ibliet u l-irħula biex jingħaqdu magħna ħalli jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet li jikkonċernaw it-trasport pubbliku u l-ispazju kondiviż fit-toroq u favur mobilità bla xkiel għal kulħadd" qal il-Viċi President Siim Kallas.

Il-Kummissarju Potočnik, fit-18 ta' Settembru 2012, se jniedi uffiċjalment il-kampanja tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità bħala parti mill-avveniment "Sostenibbiltà fuq Zewġ Roti" li se jsir fil-Parlament Ewropew. Il-Kumitat għat-Trasport tal-Parlament Ewropew se jħejji seduta waranofsinhar, fejn l-ibliet u l-pubbliku huma mistiedna biex jiddiskutu dwar il-mobilità urbana sostenibbli.

Nimxu fid-Direzzjoni t-Tajba

Hekk kif il-konsegwenzi tat-traffiku ta' vetturi motorizzati qed jinħassu dejjem aktar fiż-żoni urbani, ħafna bliet qed jindunaw bil-bżonn ta' strateġiji ambizzjużi biex jindirizzaw iż-żieda fil-konġestjonijiet, fl-emissjonijiet u fl-inċidenti tat-traffiku. Id-disponnibiltà tat-trasport pubbliku għandha wkoll impatti soċjali, pereżempju, wieħed li joqgħod f'post fejn il-kera hija baxxa meta mqabbla ma' postijiet oħra, jieħu iktar ħin biex jasal ix-xogħol minn ħaddieħor. L-iżvilupp ta' Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli b'konsultazzjoni mill-qrib man-negożji u mas-soċjetà ċivili jista' jagħti spinta lill-prestazzjoni ekonomika tal-ibliet u l-irħula u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja fuq livell lokali. Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità tipprovdi l-opportunità biex il-Pjanijiet jiġu żviluppati u mtejba permezz ta' konferenzi u dibattiti u billi jiġu murija u ttestjati soluzzjonijiet ġodda. Din l-attività tagħti wkoll l-opportunità lill-awtoritajiet lokali biex jintroduċu u jippromwovu miżuri li jħeġġu ċ-ċikliżmu, il-mixi u t-trasport kollettiv.

Il-Premju tal-Ġimgħa tal-Mobilità

L-ibliet u l-irħula li jieħdu sehem fil-Ġimgħa tal-Mobilità huma mistiedna biex jieħdu sehem fil-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2012. Il-premju jintrebaħ mill-ibliet li jiġu ġġudikati li jkunu organizzaw l-aktar kampanji innovattivi fejn tidħol il-kwalità ta' attivitajiet marbuta mat-tema annwali u l-firxa ta' miżuri permanenti li jiġu implimentati. Il-belt ta' Bologna (fl-Italja) rebħet il-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2011. Il-ġurija tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobiltà għażlet lil Bologna bħala r-rebbieħa talli organizzat tmiem il-ġimgħa mingħajr karozzi minflok jum wieħed biss. Il-miżuri permanenti implimentati jinkludu punti fejn jiġu ċċarġjati l-vetturi elettriċi u pjan biex jiġi estiż in-netwerk tal-belt tal-perkorsi għaċ-ċikliżmu għal 130 km. Il-bliet ta' Zagreb (fil-Kroazja) u ta' Larnaka (f'Ċipru) kienu l-finalisti l-oħra (ara IP/12/218).

Sfond

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobiltà għenet lill-ibliet biex joħolqu ambjent aktar pjaċevoli u ta’ benefiċċju għas-saħħa taċ-ċittadini billi inkoraġġiethom biex inaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku u jużaw mezzi ta' trasport sostenibbli u mezzi mħaddma mill-bniedem. L-għadd ta' bliet li jipparteċipaw fil-Ġimgħa tal-Mobiltà żdied b'mod kostanti minn meta din tnediet fl-2002. Fl-2011 ħadu sehem 2268 belt minn madwar id-dinja. L-ibliet u l-irħula Ewropej jistgħu jiffirmaw il-Karta dwar il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità u jippubblikaw il-programmi tagħhom fuq is-sit: www.mobilityweek.eu

Għal aktar tagħrif:

www.mobilityweek.eu

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website