Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-Istampa
Brussell, l-14 ta’ Settembru 2012
Rapport jiġbed l-attenzjoni lejn differenzi ġeografiċi ewlenin fl-edukazzjoni
Skont rapport ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, il-post fejn tgħix fl-Ewropa jista’ jinfluwenza ħafna l-edukazzjoni u l-prospetti tiegħek fil-ħajja. Ir-rapport, bit-titlu “Mind the Gap - education inequality across EU regions” (Attent għad-Differenzi - l-inugwaljanza fl-edukazzjoni madwar ir-reġjuni tal-UE), jiġbed l-attenzjoni lejn differenzi sinifikanti fl-opportunitajiet u r-riżultati tal-edukazzjoni madwar - u ġewwa - l-Istati Membri. Jidher li hemm differenza bejn in-naħa ta’ Fuq u ta’ Isfel tal-Ewropa fil-kisba edukattiva, u l-aktar rati għoljin ta’ persuni mhux kwalifikati, b’edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas, jinsabu fir-reġjuni t’Isfel tal-Ewropa u b’mod partikolari fil-Portugall u Spanja. B’mod kuntrarju, ir-reġjuni bl-inqas rati ta’ persuni bi kwalifiki baxxi jinsabu l-aktar fir-Renju Unit, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja. L-inugwaljanzi ġeografiċi fl-edukazzjoni jippersistu minkejja l-impenji li ħadu l-Istati Membri biex jippromwovu l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Ir-rapport - l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip - jitlob lill-pajjiżi tal-UE biex jagħmlu aktar sforz biex inaqqsu dawn l-inugwaljanzi.
“Iċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom jibbenefikaw minn edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja - ikun x'ikun il-post fejn jgħixu. Wasal iż-żmien li l-impenji li saru jitwettqu. L-indirizzar tal-inugwaljanza ġeografika fl-edukazzjoni huwa rekwiżit meħtieġ minn qabel għal żvilupp reġjonali u koeżjoni soċjali bbilanċjati. Il-Fondi Strutturali Ewropej jistgħu u għandhom jintużaw sabiex jiġu indirizzati dawn l-inugwaljanzi,” qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.
Ir-rapport juri li r-reġjuni bl-ogħla proporzjon ta’ individwi bi kwalifiki tal-edukazzjoni terzjarja (b’lawrja ta' Baċellerat jew Master’s jew ekwivalenti) l-aktar jinsabu fir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja ta’ fuq u Ċipru. Ir-reġjuni bir-rati l-aktar baxxi ta’ gradwati fl-edukazzjoni terzjarja jinsabu fl-Italja, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Repubblika Ċeka. Ir-rapport jiġbed l-attenzjoni wkoll lejn differenzi reġjonali sinifikanti f’termini ta’ parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja.
Il-passi li jmiss
F’Novembru, il-Kummissjoni se tadotta l-istrateġija tagħha “Rethinking Skills” (Reviżjoni tal-Ħiliet) li se tenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-differenzi ġeografiċi fl-edukazzjoni. Fl-2013, il-Kummissjoni se tippreżenta aktar evidenza u pariri politiċi lill-Istati Membri dwar kif jistgħu jtejbu l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Rapport ieħor dwar il-ġeografija tal-inugwaljanza edukattivi fl-UE se jiġi ppubblikat fl-2013.
Differenzi reġjonali ġewwa l-Istati Membri
Studenti fl-edukazzjoni terzjarja bħala proporzjon tal-popolazzjoni ta’ età ta’ bejn l-20 u l-24 sena: l-akbar differenzi reġjonali jinsabu fil-Belġju (l-aħjar: Brussell il-Kapitali, 120.7%*; l-agħar: il-Provinċja tal-Lussemburgu, 23.4%) segwit mir-Repubblika Ċeka (l-aħjar: Praga, 100%; l-agħar: Střední Čechy, 5.6%) u l-Awstrija (l-aħjar: Vjenna, 100%; l-agħar: Voralberg, 7.3%). * Il-proporzjon jista’ jkun ogħla minn 100% f’reġjuni li għandhom bosta istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni terzjarja (normalment ir-reġjuni tal-kapitali) li jattiraw popolazzjoni kbira ta’ studenti u numru kbir ta’ studenti ta’ età ta’ aktar minn 20-24.
L-aċċessibbiltà ġeografika għall-edukazzjoni terzjarja - il-perċentwal ta’ persuni li jgħixu aktar minn 60 minuta ’l bogħod mill-università l-aktar qrib: Spanja għandha l-akbar diskrepanza bejn ir-reġjuni bl-aħjar u l-agħar prestazzjoni (l-aħjar: Madrid u País Vasco, 0%; l-agħar: Cueta, 99.7%). Din hija segwita mill-qrib mill-Greċja (l-aħjar: Attiki, 1.2%; l-agħar: Ditiki Makedonia, 100%), il-Finlandja (l-aħjar: Etelä-Suomi, 1.2%; l-agħar: Åland, 88.5%) u l-Bulgarija (l-aħjar: Yugozapaden, 14.4%; l-agħar: Severozapaden, 97.4%).
Proporzjon ta’ gradwati fl-edukazzjoni terzjarja fost il-popolazzjoni ta’ età ta’ 15-il sena jew aktar: Fi tmien Stati Membri, hemm differenza ta’ aktar minn 15-il punt perċentwali bejn ir-reġjuni bl-aħjar u l-agħar prestazzjoni. Ir-Renju Unit għandu l-akbar diskrepanza (23.4 punti perċentwali, l-aħjar: il-Qalba ta' Londra, 41.8%; l-agħar: Tees Valley u Durham, 18.4%), segwit minn Franza (21.3 punti perċentwali, l-aħjar: Île de France, 33%; l-agħar: Korsika, 11.7%, ir-Repubblika Ċeka (18.8 punti perċentwali, l-aħjar: Praga, 25.8%; l-agħar: Severozápad, 7%), Spanja (17.6 punti perċentwali, l-aħjar: País Vasco, 34.3%; l-agħar: Extremadura, 16.7%), is-Slovakkja (17.1 punti perċentwali, l-aħjar: Bratislavský kraj, 27.2%; l-agħar: Východné Slovensko, 10.1%) u r-Rumanija (15.4 punti perċentwali, l-aħjar: Bucureşti–Ilfov, 22.5%; l-agħar: Sud-Muntenia, 7.1%).
Proporzjon tal-popolazzjoni bi kwalifiki edukattivi baxxi: Franza għandha l-ogħla differenza reġjonali (l-aħjar: Alsace, 32.9%; l-agħar: Korsika, 60.1%), segwita mill-Greċja (l-aħjar: Attiki, 37%; l-agħar: Ionia Nisia, 64.1%), Spanja (l-aħjar: Madrid, 44.2%; l-agħar: Extremadura, 67.4%), ir-Rumanija (l-aħjar: Bucuresti-Ilfov, 21.9%; l-agħar: Nord-Est, 42.8%) u l-Ġermanja (l-aħjar: Chemnitz, 11.9%; l-agħar: Bremen, 30.6%).
Il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja: Ir-Renju Unit għandu bil-bosta l-akbar differenza reġjonali (l-aħjar: il-Qalba ta’ Londra, b’16.1% tal-popolazzjoni ta’ età ta’ bejn 24 u 64 sena fit-tagħlim tul il-ħajja; l-agħar: l-Irlanda ta’ Fuq, 5.7%).
Sfond
Ir-rapport “Mind the Gap - education inequality across EU regions” tfassal għall-Kummissjoni Ewropea min-Netwerk ta’ Esperti fix-Xjenzi Soċjali tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ (NESSE - Network of Experts in Social Sciences of Education and Training). It-tim ta’ awturi jitmexxa minn Dr Dimitris Ballas tal-Università ta’ Sheffield fir-Renju Unit.
Ir-rapport juża d-dejta mill-Eurostat u fih aktar minn 100 mappa li juru d-differenzi reġjonali. Huwa jidentifika l-aħjar għaxar reġjuni u l-agħar għaxar reġjuni tal-UE għal kull wieħed mill-indikaturi li jeżamina. Sejbiet ewlenin oħra mir-rapport huma:
Id-differenzi reġjonali fit-tagħlim jostakolaw żvilupp reġjonali u tkabbir ekonomiku bbilanċjati;
Id-differenzi reġjonali fl-edukazzjoni ikabbru l-inugwaljanza bejn ir-reġjuni tal-UE. Huma jinkoraġixxu wkoll l-eżodu ta’ mħuħ lejn ir-reġjuni l-aktar żviluppati;
In-natura, l-iskala u l-effetti tal-inugwaljanzi edukattivi jvarjaw b’mod konsiderevoli madwar ir-reġjuni tal-UE. Il-soluzzjonijiet politiċi għandhom ikunu magħmula apposta aktar milli jkunu ġeneriċi;
L-użu effettiv tal-Fondi Strutturali Ewropej jista’ jgħin biex jitnaqqsu d-differenzi reġjonali fl-edukazzjoni u l-effetti tagħhom;
Il-ġbir aktar sistematiku tad-dejta f'livell subreġjonali huwa meħtieġ sabiex titjieb il-bażi tal-għarfien u sabiex jiġu infurmati dawk li jfasslu l-politika dwar dan is-suġġett.
Għal aktar informazzjoni
Ir-rapport sħiħ u s-sommarju eżekuttiv
Il-Kummissjoni Ewropea: L-Edukazzjoni u t-Taħriġ
Il-Websajt ta’ Androulla Vassiliou
Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU
ANNESS
Figura 1: Persuni bi kwalifiki edukattivi baxxi (l-aktar b’edukazzjoni ta’ qabel il-primarja, il-primarja u s-sekondarja tal-ewwel livell bħala % tal-popolazzjoni ta’ età ta’ aktar minn 15-il sena)

Reġjuni bl-ogħla sehem ta’ persuni l-aktar b’edukazzjoni ta’ qabel il-primarja, il-primarja u s-sekondarja tal-ewwel livell (livelli 0-2, ISCED 1997) bħala % tal-popolazzjoni ta’ età ta’ aktar minn 15-il sena
Alentejo (PT) | 78.4 |
Centro (PT) | 78.2 |
Norte (PT) | 77.7 |
Malta (MT) | 74.2 |
Algarve (PT) | 71.7 |
Extremadura (ES) | 67.4 |
Ciudad Autónoma de Melilla (ES) | 65.0 |
Castilla-La Mancha (ES) | 64.8 |
Lisboa (PT) | 64.5 |
Ionia Nissia (EL) | 64.1 |
Reġjuni bl-inqas sehem ta’ persuni l-aktar b’edukazzjoni ta’ qabel il-primarja, il-primarja u s-sekondarja tal-ewwel livell (livelli 0-2, ISCED 1997) bħala % tal-popolazzjoni ta’ età ta’ aktar minn 15-il sena
Mecklenburg-Vorpommern (DE) | 16.3 |
Brandenburg – Nordost (DE) | 16.2 |
Sachsen-Anhalt (DE) | 16.0 |
Bratislavský kraj (SK) | 14.1 |
Brandenburg – Südwest (DE) | 14.0 |
Leipzig (DE) | 13.4 |
Thüringen (DE) | 13.1 |
Dresden (DE) | 13.0 |
Chemnitz (DE) | 11.9 |
Praha (CZ) | 10.7 |
Ir-reġjuni ta’ Alentejo fil-Portugall għandu l-ogħla rati ta’ persuni bi kwalifiki baxxi. Praga fir-Repubblika Ċeka hija r-reġjuni tal-UE bir-rati l-aktar baxxi ta’ persuni bi kwalifiki baxxi.
Il-Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni (I S C E D 1997) tkopri l-livelli li ġejjin: livell 0 - edukazzjoni ta’ qabel il-primarja; livell 1 - edukazzjoni primarja jew l-ewwel stadju tal-edukazzjoni bażika; livell 2 - edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew it-tieni stadju tal-edukazzjoni bażika; livell 3 - edukazzjoni sekondarja (tat-tieni livell); livell 4 - edukazzjoni ta’ wara s-sekondarja mhux terzjarja; livell 5 - l-ewwel stadju tal-edukazzjoni terzjarja; livell 6 - it-tieni stadju tal-edukazzjoni terzjarja.
Figura 2: It-tagħlim tul il-ħajja - il-parteċipazzjoni tal-adulti ta’ età ta’ bejn 25 u 64 sena fl-edukazzjoni u t-taħriġ (bħala % tal-popolazzjoni totali)

Reġjuni bl-akbar parteċipazzjoni ta’ adulti ta’ età bejn 25 u 64 sena fl-edukazzjoni u t-taħriġ (bħala % tal-popolazzjoni totali)
Hovedstaden | 19.2 |
Inner London | 16.1 |
Midtjylland | 15.8 |
Highlands and Islands | 15.2 |
Syddanmark | 15.0 |
Sjælland | 14.9 |
Nordjylland | 14.2 |
Etelä-Suomi | 13.8 |
Åland | 13.6 |
Västsverige | 12.8 |
Reġjuni bl-inqas parteċipazzjoni ta’ adulti ta’ età bejn 25 u 64 sena fl-edukazzjoni u t-taħriġ (bħala % tal-popolazzjoni totali)
Severozapaden | 0.27 |
Notio Egeo | 0.39 |
Sterea Ellada | 0.45 |
Yugoiztochen | 0.45 |
Severoiztochen | 0.47 |
Yuzhen tsentralen | 0.50 |
Severen tsentralen | 0.52 |
Ionia Nisia | 0.52 |
Vorio Egeo | 0.60 |
Sud – Muntenia | 0.70 |
Ir-reġjun ta’ Hovedstaden fid-Danimarka għandu l-ogħla rata ta’ adulti fit-tagħlim tul il-ħajja. Severozapaden fil-Bulgarija għandu l-inqas.
Figura 3: Persuni b’edukazzjoni terzjarja - (livelli 5-6, ISCED 1997) bħala % tal-persuni kollha ta’ età ta’ aktar minn 15-il sena

Reġjuni bl-akbar sehem ta’ persuni bi kwalifika tal-edukazzjoni terzjarja - (livelli 5-6, ISCED 1997) bħala % tal-persuni kollha ta’ età ta’ aktar minn 15-il sena
Inner London (UK) | 41.8 |
Prov. Brabant Wallon (BE) | 38.1 |
Stockholm (SE) | 34.5 |
País Vasco (ES) | 34.3 |
Prov. Vlaams-Brabant (BE) | 34.1 |
Utrecht (NL) | 34.1 |
Région de Bruxelles-Capitale / Brussels Hoofdstedelijk Gewest (BE) | 33.9 |
Île de France (FR) | 33.0 |
Noord-Holland (NL) | 32.8 |
Hovedstaden (DK) | 32.3 |
Reġjuni bl-inqas sehem ta’ persuni bi kwalifika tal-edukazzjoni terzjarja - (livelli 5-6, ISCED 1997) bħala % tal-persuni kollha ta’ età ta’ aktar minn 15-il sena
Basilicata (IT) | 8.6 |
Centro (PT) | 8.5 |
Provincia Autonoma Bolzano/Bozen (IT) | 8.5 |
Puglia (IT) | 8.4 |
Alentejo (PT) | 8.4 |
Valle d'Aosta (IT) | 8.3 |
Nord-Est (RO) | 8.2 |
Sud-Est (RO) | 7.5 |
Sud – Muntenia (RO) | 7.1 |
Severozápad (CZ) | 7.0 |
Ir-reġjuni bl-ogħla rata huwa l-Qalba ta’ Londra fir-Renju Unit; ir-rata l-aktar baxxa ta’ gradwati fl-edukazzjoni terzjarja tinsab fi Severozápad fir-Repubblika Ċeka.
Kuntatti: Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott Dina Avraam (+32 2 295 96 67) |